Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment ta' l-artijiet — Każ dwar xiri ta' proprjeta'

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi konkluża l-proċedura dwar xiri ta' dirett dominju u sussegwenti proprjeta' fl-applikazzjoni tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament?

Response (BORG, TONIO)

Jien infurmat li l-applikanta in kwistjoni diġa` ġiet infurmata bil-prezz li bih tista` tixtri d-dirett dominju, u qiegħda titħejja pjanta tal-fond sabiex l-proprjeta` tiġi reġistrata fir-Reġistru ta` l-Artijiet. Wara dan l-aħħar proċess, l-applikanta tingħata appuntament għall-iffirmar tal-kuntratt tax-xiri.

Toroq — Xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jagħmel pjan ta' kif matul is-sena 2004 se jagħmel it-toroq ta' dawk ir-residenti li ilhom għal aktar minn ħames snin residenti fihom, liema toroq għadhom fl-istat primittiv ta' tajn u ġrieden?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport qiegħda tħejji programm għal xogħol f'toroq madwar il-pajjiż kollu u x-xogħol fihom isir skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat. Hu mistenni li matul is-snin li ġejjin parti sew mit-toroq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant ikunu saru, bħalma saru mijiet ta' toroq oħra matul il-ħames snin li għaddew.

Naxxar — Triq l-Imdina

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema sitwazzjoni se titħalla Triq l-Imdina fin-Naxxar meta din it-triq tinsab litteralment f'sitwazzjoni diżastruża, fejn jidher li t-tkissir tat-triq żdied minn xi xhur 'il hawn? Jidhirlu li din it-triq prinċipali għandha tiġi rranġata mill-aktar fis possibbli biex tibda tintuża mir-residenti li ilhom imċaħħdin mill-użu sew tagħha issa għal xhur sħaħ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Risposta tingħata f'seduta oħra.
Leg 10 PQ #3898 Sitting 93 2004-01-28 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Prim Ministru Malti — Safar fi Brussel

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il darba siefer lejn Brussel mis-sena 2000 sal-lum u kemm-il darba tar bil-linja nazzjonali ta' l-ajru ta' Malta? Jista' jgħid jekk kisirx ir-regolament 22G f'dan il-konfront? Jekk iva, kemm-il darba? Kemm sewa lill-kaxxa ta' Malta kull vjaġġ li għamel lejn Brussel biss u kif se jirreċiproka l-fondi lill-poplu Malti?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Mis-sena 2000 sa llum mort fuq xogħol uffiċjali fi Brussel 9 darbiet li 7 minnhom kienu bl-Air Malta. Id-deċiżjoni dwar liema ajruplan jintuża tittieħed skond l-esiġenzi u wara li jiġu ikkunsidrati diversi fatturi inkluża l-ispiża.
Leg 10 PQ #3899 Sitting 93 2004-01-28 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Karozza tat-tip BMW

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm swiet il-karozza tat-tip BMW li l-poplu Malti ħallas għaliha mit-taxxi? Għaliex intgħażlet din id-ditta, in vista tal-qagħda finanzjarja tal-pajjiż?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-karozza BMW ta’ qabel: - nxtrat fl-1995; - kienet l-unika karozza għall-użu uffiċċjali tal-Prim Ministru; - ġratilha l-ħsara fil-maltemp ta’ Settembru 2003. Inżid ninforma lill-Onorevoli Interpellant li: - l-kumpanija ta’ l-“insurance” sabet li l-ispiża biex tissewwa l-karozza u tkun f’kundizzjoni tajba kienet tqum aktar mill-“market value” tagħha; - l-kumpanija ta’ l-“insurance” allura ddeċidiet li tħallas lill-Gvern il-“market value”, jiġifieri Lm12,000; - l-karozza li nxtrat hi ta’ l-istess ditta bħal dik ta’ qabel li nstabet addattata għall-użu ta’ Uffiċċju ta’ Prim Ministru; - l-karozza l-ġdida BMW swiet lill-Gvern Lm13,325 (VAT inkluża) wara li l-kumpanija ta’ l-“insurance” ħallset il-“market value” tal-karozza li ġarrbet il-ħsarat.

Kontroll fuq bejjiegħa tal-ħwienet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif qed isir il-kontroll fuq il-ħwienet, meta l-prezzijiet għolew saħansitra b'aktar minn 10% minn Jannar 2004, fejn ma kienx il-lok li dan iseħħ, fosthom fil-qasam ta' l-ikel? Il-konsumatur u finalment dawk kollha li huma u li kienu jikkontribwixxu fil-ħlas tat-taxxa, kif se jkunu protetti u nformati bl-indiċi tal-prezzijiet? Jekk kien hemm abbuż, kif se jiġi nfondut il-konsumatur u min se jerfa' ir-responsabbilta'?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-sistema ta’ ‘price control’ kif kienet titħaddem meta s-suq ma kienx liberizzat m’għadhiex tgħodd ghaż-żminijiet tal-lum. Id-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni isegwi l-prezzijiet fis-suq biex kemm jista’ jkun jassigura li l-prezzijiet ikunu dawk ġusti u mhux riżultat ta’ xi ftehim bħal kartell jew abbuż ta’ dominanza. Meta tqabbel il-prezzijiet ta’ l-ispezzjonijiet li saru fl-aħħar xhur tas-sena l-oħra ma' dawk li saru fl-ewwel xahar ta’ din is-sena, jirriżulta li l-prezzijiet jirriflettu il-kompetizzjoni fis-suq billi għalkemm il-maġġoranza tal-prezzijiet għolew sa 3% kien hemm numru ta’ prodotti li baqgħu l-istess. Kien hemm ukoll numru ta’ prodotti li għolew bejn 3% u 5%. Każijiet fejn il-prodotti għolew iżjed minn 10% kienu minimi u qed jiġu nvestigati. L-indiċi tal-prezzijiet jiġi regolarment ippubblikat mill-Awtorita’ ta’ l-Istatistika.

Tas-Sliema — Twaħħil ta' cameras fit-toroq

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk fil-lokal ta' Tas-Sliema twaħħlux cameras fit-toroq minn kumpannija li isimha se jibqa' mistur għalissa, sabiex tinforma lill-gwardjani fuq parking inkorrett? Fl-eventwalita' li dan huwa minnu, jista' jgħid kif din il-kumpannija ħadet dan it-tender mingħajr ebda notifikazzjoni fil-gazzetta tal-gvern?

Response (BORG, TONIO)

Nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija direttament lill-Kunsill Lokali ta` Tas-Sliema.

Toroq

Question

Jista' il-Ministru jistqarr kif toroq residenzjali se jibqgħu maqlugħa fl-istat l-akar primittiv, filwaqt li se jinqalgħu arterji prinċipali sabiex ikollhom dehra aħjar bl-għajnuna tal-protokoll Malta-Italja?

Response (GALEA, ĊENSU)

Risposta tingħata f'seduta oħra.

Servizzi ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm contributions għas-servizzi ta' toroq imħallsa filwaqt li s-servizzi għadhom ma ġewx mgħoddija bi dritt lir-residenti, mhux żviluppaturi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Air Malta — Bdil ta' vetturi tal-kumpannija

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li mal-mawra taċ-chairman il-ġdid is-Sur Lawrence Zammit, se jitbiddlu l-karozzi tal-kumpannija Air Malta għal spiża ta' circa Lm160,000? F'dan il-kontest, jista' jispjega dan meta għexieren ta' ħaddiema se jiġi tterminat l-impjieg tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-ispejjez kurrenti ghal dawn il-hames snin li gejjin, jekk il-flotta tal-karozzi tal-Management tibqa' li hi llum, jammontaw ghal madwar Lm502,000. Biex titnaqqas din l-ispiza, il-Bord tad-Diretturi prezenti iddecieda li b'xiri jew b'kiri ta' karozzi izghar, il-Kumpanija tkun qed tiffranka bejn Lm180,000 u Lm220,000 f'perjodu ta' hames snin. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija ta' l-interpellant, nixtieq nghid li s'issa l-Air Malta ghadha ma tterminat l-ebda mpjieg jekk mhux ghar-ragunijiet dixxiplinarji.

Awtorita' tat-trasport

Question

Jista' il-Ministru jgħid minn min hija komposta l-management ta' l-awtorita' tat-trasport?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta ta' minn min hija komposta l-management ta' l-Awtorita` tat -trasport.

Awtorita' tat-trasport — Ħaddiema li applikaw għall-posting

Question

Jista' il-Ministr jispjega kif ħaddiema fl-awtorita' tat-trasport kienu applikaw għall-posting, isirilhom interview u fl-istess ġurnata saħansitra 45 minuta wara jirċievu d-dar bil-posta normali, li m'għaddewx mill-interview? Jista' jispjega x'passi ħa f'dan il-konfront u kif ġew rikumpensati dawn il-ħaddiema li jinsabu jaħdmu fi ħdan l-awtorita' tat-trasport?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tlabt lill-Awtorita` dwar it-Trasport biex tinvestiga l-każ.

Awtorita' tat-trasport — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jispjega kif jaġixxi l-management ta' l-awtorita' tat-trasport mal-ħaddiema tagħha, meta ċerti ħaddiema jagħmlu rapport tad-dixxiplina fuq ħaddiema oħra li jkunu naqsu minn dmirijiethom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-management ta' l-Awtorita` dwar it-Trasport jimxi mal-proċeduri kif stipulati fil-ftehim kollettiv.

MIA

Question

Peress li l-budget ta' l-MIA fis-sena 2003 nqabeż bi Lm11,000,000, jista' il-Ministru jgħid kif intlaħqet din is-somma u l-investiment konċernat x'kien? Jekk din is-somma ntnefqet abbażi ta' nuqqas ta' aċċertazzjoni fil-professjoni arkitettwali, jista' jgħid min kien responsabbli kif se jirreċiproka l-fondi abbużati lill-poplu Malti?

Response (GATT, AUSTIN)

Waqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghar-risposta li tajt ghall-Mistoqsija Parlamentari 1130, nigbidlu l-attenzjoni li zgur hemm zball fid-domanda tieghu ghax l-anqas il-budget totali tal-MIA ma jlahhaq Lm11-il miljun.
Leg 10 PQ #3847 Sitting 91 2004-01-26 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz pubbliku — Clerks

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'sar minnhom dawk li għaddew biex jaħdmu fis-servizz pubbliku bħala clerks kif ipubblikat l-eżami tagħhom madwar sena u xahar ilu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li tajt fis-27 ta’ Ottubru, 2003 għall-Mistoqsija Numru 2103 f’seduta numru 47.
Leg 10 PQ #3886 Sitting 91 2004-01-26 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Sptar Mater Dei

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk wara li kif qal huwa stess tkexkex jisma li l-isptar Mater Dei se jiswa l-miljuni tal-liri minn but il-poplu Malti aktar milli kien previst, huwiex lest li jdur fuq min huwa responsabbli billi jgħabbi r-responsabbilta' fuq min huwa konċernat, cioe' mill-konsulenti u spiċċa bil-ministri konċernati u li jekk ikun il-każ illi jinstabu abbużi, dawn iridu jgħaddu lura lill-poplu dak li huwa tiegħu u saħansitra sseħħ ir-riżenja tal-ministri responsabbli?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-Onorevoli Interpellant għandu jkun jaf li s-servizz pubbliku għandu strutturi li huma responsabbli sew mill-infieq pubbliku u kif ukoll is-sorveljanza tiegħu. Nispera li ma nessiex li miż-żmien li ilu jinbena l-isptar, sentejn minnhom kien hemm l-amministrazzjoni laburista li għamliet bidliet radikali.
Leg 10 PQ #3887 Sitting 91 2004-01-26 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Sptar Mater Dei

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid wara li kif qal huwa stess, tkexkex bl-ispejjeż ta' l-isptar Mater Dei, x'seħħ sabiex tiġi ġġustifikata l-ispiża u kif il-poplu se jiġi nformat li l-isptar Mater Dei reġa' lura għall-budget plan li kien ippjanat u ppreżentat lill-Parlament saħansitra qabel beda l-iskavar tas-sit li fuqu qed jinbena l-isptar in kwestjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-ispiża hija ġustifikata mill-fatt li l-poplu Malti se jkollu sptar modern li jixraqlu għaż-żminijiet tal-lum.

MEPA — Garanziji bankarji

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif inhi l-proċedura u jekk il-MEPA taġixxix fir-rigward ta' garanziji bankarji li ma jkunux tħallsu? F'dan ir-rigward, jista' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' proġetti jew siti li għalihom għadha ma tħallsitx il-garanzija bankarja? Jista' jgħid x'inhu l-istadju ta' kull proġett jew sit u jekk ma ġietx applikata l-istess miżura għal kulħadd?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li meta tiġi mposta garanzija bankarja fuq xogħol applikat għalih, il-permess ma jinħariġx jekk din il-garanzija ma tkunx tħallset. Jekk il-garanzjia tibqa' ma titħallasx, l-applikazzjoni terġa' tidher quddiem l-istess Kummissjoni li jkun iddecidiha sabiex jiġi rrifjutat fuq ir-raġuni li l-garanzija bankarja ma ġietx sottomessa.

MEPA — Permess għal żvilupp f'siti storiċi

Question

Jekk il-MEPA tkun ħarġet permess għal żvilupp f'siti storiċi li fuqhom ikun seħħ qualsiasi forma ta' proġett u durante l-istess żvilupp ikunu seħħu xi danni fl-istruttura tas-sit storiku, jista' il-Ministru jgħid kif taġixxi l-MEPA u x'pieni jiġu esegwiti fil-konfront ta' l-iżviluppatur? F'dan il-kontest, jista' jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' notifiki li ġew indirizzati lill-iżviluppaturi flimkien mal-pieni tassattivi li seħħew minn Jannar 2002 sa Jannar 2004?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li meta l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ikollha applikazzjoni għal żvilupp qrib xi sit ta' importanza storika jew arkejoloġika, hija il-prassi li l-applikant jintalab jagħmel garanzija bankarja li fil-permess tkun marbuta ma' kundizzjoni li tissalvagwardja il-protezzjoni tal-wirt storiku in kwestjoni, dan sabiex ma jsirux ħsarat lil dan il-wirt. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' garanziji bankarji li ġew miżmuma mill-MEPA bejn Jannar 2002 u Jannar 2004, minħabba ksur ta' kundizzjonijiet bħal dawn.