Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li ssir proċedura speċjali għal dawk il-Maltin li jgħixu barra u partikolarment dawk fl-Istati Uniti li fuq talba tagħhom jingħataw liċenzja temporanja għall-kaċċa u nsib meta jiġu Malta fuq prova li huma diġa' huma kaċċaturi jew nassaba fil-pajjiż tar-residenza tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli għall-Ambjent.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li f'Malta jitħallew jidħlu annimali bbalzmati maqbuda fil-pajjiż ta' l-oriġinu skond il-liġijiet ta' dak il-pajjiż minn Maltin li jkunu residenti barra u li jkunu qed idaħħlu l-annimali huma stess f'Malta jew jimportawhom f'container f'isimhom stess?
Response (BORG, TONIO)
Ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli għall-Ambjent.
Jista' il-Ministru jgħid min ħa d-deċiżjoni fil-PBS li l-Mons. Victor Grech li kien ilu jxandar fuq ir-radio il-programm tiegħu għal dawn l-aħħar 30 sena, twaqqaf ħesrem milli jagħmel dan?
Jista' il-Ministru jgħid min ħa d-deċiżjoni fil-PBS li Oliver Mizzi li kien ilu jxandar minn fuq ir-radio fuq 30 sena sew dwar aħbarijiet tal-football Taljan twaqqaf ħesrem milli jagħmel dan?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Onorevoli Interpellant jifhem li hija prorogattiva tal-Management tal-PBS li kontinwament jieħu dawk id-deċiżjonijiet meħtieġa biex dejjem itejjeb il-livell tal-programmi kollha ta' l-istazzjon. Jiena nfurmat li d-deċiżjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant ittieħdet fl-isfond tat-tibdil li qed isir fil-mod ta' kif qed jittellggħu l-programmi ta' l-isports. Fil-fatt jirriżulta li s-Sur Mizzi ma kienx rimpjazzat.
Intenni li għal Gvern ilu li għadda ż-żmien li jindaħal fil-merti ta' kif jintgħażlu l-programmi tal-PBS u min jippreżentahom. L-indipendenza editorjali tal-PBS hi parti bażika mill-Policy attwali.
Jista' il-Ministru jgħid fuq liema kriterju post mikri bħala residenza - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - qed jintuża bħala post kummerċjali u saħansitra tpoġġiet lapida tal-funerali - dettalji dwar l-isem qed jintbagħtu separatament - meta jidher li hemm ukoll applikazzjoni pproċessata quddiem il-MEPA - dettalji dwarha qed jintbagħatu wkoll separatament?.
Response (GALEA, ĊENSU)
Tlabt lid-dipartiment ikkonċernat jinvestiga l-ilment ta' l-Onor. Interpellant.
Wara li deher avviż nru. 7 mill-Awtorita' Maltija tat-Trasport li se jsiru xogħlijiet ta' asfaltar tat-toroq fi Triq Aurora, il-Mosta, u dan f'Marzu 2004, jista' il-Ministru jgħid x'żamm milli jsiru sal-lum dawn ix-xogħlijiet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ir-raġuni għaliex ix-xogħolijiet ta' kostruzzjoni fi Triq Aurora Mosta għadhom ma bdewx hija li l-valur ta' l-orħos tender kien 30 fil-mija għola mill-istima ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport. Wara li l-Awtorita' irrevediet ir-rati tax-xogħolijiet, il-kuntrattur kien mitlub iraħħas l-offerta tiegħu. Kien biss ftit ilu li l-kuntrattur aċċetta li jraħħas it-tender għal livell aċċettabli.
Wara li deher avviż nru. 44 mill-Awtorita' Maltija tat-Trasport dwar il-kostruzzjoni fi Triq il-Waqqafa, fil-Mosta u dan fit-30 ta' Marzu 2004, jista' il-Ministru jgħid x'żamm milli jsiru dawn ix-xogħlijiet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ir-raġuni għaliex ix-xogħolijiet fi Triq il-Waqqafa Mosta għadhom ma bdewx minkejja li t-tender ħarġet fit-30 ta' Marzu hija li l-valur ta' l-orħos tender kien 38 fil-mija għola mill-istima ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport. Wara li l-Awtorita' irrevediet ir-rati tax-xogħolijiet, il-kuntrattur kien mitlub iraħħas l-offerta tiegħu u jagħti indikazzjonijiet kif ser jorganizza x-xogħolijiet minħabba li hu ġdid għal dan it-tip ta' xogħol. Meta u jekk tintbagħat risposta sodisfaċenti, ix-xogħolijiet ikunu jistgħu jibdew.
Wara li deher avviż nru. 45 dwar kostruzzjoni u formazzjoni ta' Triq l-Alwetta, fil-Mosta u dan fit-30 ta' Marzu 2004, jista' il-Ministru jgħid x'żamm milli jsiru dawn ix-xogħlijiet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ir-raġuni għaliex ix-xogħolijiet fi Triq l-Alwetta Mosta għadhom ma bdewx minkejja li t-tender ħarġet fir-30 ta' Marzu hija li l-valur ta' l-orħos tender kien 33.6 fil-mija għola mill-istima ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport. Wara li l-Awtorita' irrevediet ir-rati tax-xogħolijiet, il-kuntrattur kien mitlub iraħħas l-offerta tiegħu. Kien biss f'dawn il-ġranet li l-kuntrattur bgħat ir-risposta tiegħu.
Wara li deher avviż nru. 48 dwar twessiegħ ta' Triq il-Mitħna, fil-Mosta u dan fit-30 ta' Marzu 2004, jista' il-Ministru jgħid x'żamm milli jsiru dawn ix-xogħlijiet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ir-raġuni għaliex ix-xogħolijiet ta' kostruzzjoni fi Triq il-Mitħna Mosta għadhom ma bdewx hija li l-valur ta' l-orħos tender kien 46.3 fil-mija għola mill-istima ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport. Minħabba li l-valur totali tat-tender bir-rati riveduti hija għola minn Lm20,000 din intbagħtet lid-Dipartiment tal-Kuntratti għall-approvazzjoni.
Wara li deher avviż nru. 54 dwar kostruzzjoni ta' Triq il-Barjol, fil-Mosta u dan fit-12 ta' April 2004, jista' il-Ministru jgħid x'żamm milli jsiru dawn ix-xogħlijiet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ir-raġuni għaliex ix-xogħolijiet ta' kostruzzjoni fi Triq il-Barjol Mosta għadhom ma bdewx hija li l-valur ta' l-orħos tender kien 30.1 fil-mija għola mill-istima ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport. Wara li l-Awtorita' irrevediet ir-rati tax-xogħolijiet, il-kuntrattur kien mitlub iraħħas l-offerta tiegħu. Kien biss ftit ġimgħat ilu li l-kuntrattur aċċetta li jraħħas it-tender għal livell aċċettabli.
Wara li deher avviż nru. 63 dwar kostruzzjoni ta' Triq iċ-Ċinju, fil-Mosta u dan fit-13 ta' April 2004, jista' il-Ministru jgħid x'żamm milli jitlestew dawn ix-xogħlijiet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ir-raġuni għaliex ix-xogħolijiet ta' kostruzzjoni fi Triq iċ-Ċinju Mosta għadhom ma bdewx minkejja li t-tender ħarġet fit-13 ta' April hija li wara li l-MEPA intalbet tindika il-livelli u l-alignments, irriżulta li kien jeħtieġ aktar tqaxxir minn dak previst oriġinarjament fit-tender. L-ammonti fit-tender kellhom jinbidlu u kienu meħtieġa approvazjonijiet għal dawn il-varjazzjonijiet.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'deċiżjoni hemm fuq il-każ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, in konnessjoni ma' re-instatement?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi m'hemm xejn x'jiżdied mat-tweġibiet li l-persuna li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant ingħatat tramite is-Segretarju ta' l-Għaqda Pulizija Pensjonanti u l-avukat li kienu talbu reinstatement għan-nom tiegħu.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu jżomm lill-gvern milli jagħti l-kumpens lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsb infurmat illi l-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant kienet qiegħda tokkupa din il-proprjeta’ tal-Gvern b’ titolu ta’ encroachment, u għal daqstant ma hemm ebda kumpens dovut lilha.
Pulizija — Bastimenti li jaslu bihom il-klandestini
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu jsir mill-bastimenti li jaslu bihom il-klandestini? Dawn qed jinżammu x'imkien jew qegħdin jinbiegħu lil terzi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-dgħajjes imsemmija mill-Onorevoli Interpellant qed ikunu miżmuma għand il-Martime Squadron tal-Forzi Armati ta' Malta.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux veru li l-handling fl-Air Malta se jiġi meħud minn kumpannija oħra barra l-Air Malta u jekk huwa l-każ x'se jiġri mill-ħaddiema preżenti tar-rampa?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-Air Malta m'għadhiex tgawdi aktar il-monopolju tal-Handling kif kienet qabel.
Min-naħa l-oħra l-Air Malta tat garanzija li ma tagħmilx redundences kif hemm stipulat fil-ftehim milħuq bejn l-erba' Unions u l-Air Malta artiklu 2.3.
Triq li tagħti mill-Mosta għall-Bidnija — Tiswija ta' pont
Question
Jista' il-Ministru jgħid meta se jiġi rranġat il-pont li hemm fit-triq li tagħti mill-Mosta għall-Bidnija, li jinsab f'qagħda perikoluża ħafna tant li hemm biża' li dan se jikkollassa?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li dan il-pont rega' ġie spezzjonat tlett ġimgħat ilu fejn ġie stabbilit li ma huwiex fil-periklu imminenti li jikkollassa. Minkejja dan, qed isiru xogħolijiet temporanji mid-Diviżjoni tax-Xogħolijiet sabiex jipprevenu id-deterjorament tas-sitwazzjoni. Sadanittant, id-Direttorat tat-Toroq qed jipprepara stima sabiex isiru x-xogħolijiet ta' manutenzjoni u infurzar neċessarji.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li wħud mill-klandestini, jew dawk li ngħataw ir-refugee status qegħdin jingħataw mal-Lm80 fil-ġimgħa bħala għajnuna għalihom u għad-dipendenti tagħhom u jekk le, kemm fil-fatt qegħdin jingħataw?
Response (BORG, TONIO)
Il-'klandestini' jew dawk li jfittxu li jidħlu Malta b'mod irregolari jinżammu f'detenzjoni ġeneralment sakemm il-proċess għad-determinazzjoni ta' status ta' rifuġjat jiġi eżawrit. Dawk li jingħataw tali status u għalhekk jiksbu l-protezzjoni taħt il-Konvenzjoni Internazzjonali ta' Ġinevra, jiġu mmedjatament rilaxxjati u jingħataw l-għajnuna u l-benefiċċji kollha, skond il-Liġi Maltija dwar ir-Rifuġjati.
Inżid ukoll li skond il-provedimenti ta' l-Avviż Legali 291 ta' l-2001, persuna li tingħata status ta' Rifuġjat għandha dritt għall-benefiċċju soċjali mħallas taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali skond dawk il-kundizzjonijiet u bir-rati stabbiliti fl-istess Att.
Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Membru jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru tal-Familja u tas-Solidarjeta' Soċjali peress li l-ħruġ tal-benefiċċji in kwestjoni jaqgħu taħt dak il-Ministeru.
Jista' il-Ministru jgħid meta sar l-aħħar tindif fil-Crafts Village, Ta' Qali u meta jekk sar, saru l-aħħar tiswijiet fit-toroq li hemm fl-istess Crafts Village?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Għaliex numru ta' impjegati fl-Air Malta li huma fis-sezzjoni tar-rampa li huma ground handlersgħadhom mhumiex qed jingħataw paga daqs oħrajn meta dawn qed jagħmlu l-istess xogħol ta' l-oħrajn, u cioe' dawk li daħlu qabilhom? Issa li Malta hija membru fl-EU, il-Ministru m'għandux jara li ma jkunx hemm aktar diskriminazzjoni bejn ħaddiema ta' l-istess xogħol fil-qasam tagħhom? Jista' il-Ministru jinvestiga għaliex dawn il-ħaddiema li kienu bil-kuntratt u ġew tal-post, minn Jannar 2004 il-kuntratt tax-xogħol tagħhom għadu ma ngħatax lilhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li Airport Handlers huwa grad ġdid u x-xogħol tagħħom mhuwiex l-istess bħal tal-loaders/drivers.
Wara li l-Lotto Department ġie prattikament privatizzat minn kumpannija Griega, jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-kondizzjonijiet tal-ħaddiema kollha f'dan id-dipartiment u jekk il-kondizzjonijiet li dejjem kellhom u gawdew qabel il-privatizzazzjoni għadhomx l-istess peress li sal-lum ħadd ma nfurmahom dwar dan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku huma kollha ħaddiema tal-Gvern u għalhekk wara li l-operat tad-Dipartiment ġie privatizzat, dawn il-ħaddiema ser jiġu redeployed skond l-esiġenzi tas-Servizz.