Jista' il-Ministru jispjega kif senior architect tad-disinn strutturali nkarigat fi ħdan il-ministeru u mogħti deputising allowance ta' head mill-1995 sal-ġurnata tal-lum fl-istess taqsima, għadu ma ġiex mogħti promotion ta' head fl-istess imsemmija sezzjoni, u dan minkejja li dejjem ġiet fdata lilu din il-kariga u responsabbilta' mis-superjuri mmedjati tiegħu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-promozzjonijiet jingħataw meta jkun hemm vakanzi. Fil-każ imsemmi ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet u l-proċess ta’ l-għażla għadu sejjer.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk il-persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li taħdem bħala auxiliary worker attached mal-Middle Sea Insurance qiegħda tingħata biss madwar Lm20 fix-xahar u dan tul din l-aħħar sena? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, jista' jara li dan il-każ jiġi ndirizzat minnufih?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minħabba li jridu isiru investigazzjonijiet effettivi dwar il-kontenut tal-Mistoqsija, risposta tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk inxtarax apparat teknoloġiku biex jintuża għall-kontroll meħtieġ ta' l-immigrazzjoni u passaporti, u dan skond il-ftehim ta' Schengen, fl-aħħar sentejn? Jista' jgħid jekk tali apparat fil-fatt inxtarax, minn fejn ġew il-flus u jekk jirriżulta li nxtara, saritx sejħa għal tender u jispeċifika l-kondizzjonijiet ta' l-istess tender u minn min intrebħet dik it-tender?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi nxtara diversi apparat fosthom sistema kompjuterizzata li tidentifika dokumenti falsifikati, in konnessjoni max-Schengen wara li kienet ħarġet sejħa pubblika għall-offerti, li kienet maqsuma f'għaxar lots. Seba' minn dawn l-lots ngħataw lill-kumpanniji Maltin u tlieta lill-kumpanniji barranin kif indikat fit-Tabella hawn taħt.
Lot
Tender awarded to:
1
Foster and Freeman (British)
2,3,6,8,10
ITEC International Technology Ltd (Maltese)
4
IBCOL Gmbh (German)
5
Forestals Ltd (Maltese)
7
Medcomms Ltd (Maltese)
9
Bonowi Gmbh (German)
Ninsab infurmat ukoll li dan l-apparat ġie ffinanzjat minn fondi kemm ta' l-Unjoni Ewropeja kif ukoll dawk lokali.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ingħatax permess lil xi spettur tal-pulizija sabiex jidħol f'negozjati privati ma' kumpanniji privati f'Malta u barra sabiex jinbiegħ apparat forensiku lill-aġenzija statali tal-Libja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma ngħatat ebda awtorizazzjoni kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Għaldaqstant napprezza jekk l-Onorevoli Interpellant jagħtini aktar tagħrif sabiex inkun nista' nivverifika ulterjolment.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża rikorrenti u kapitali tal-laboratorju forensiku tal-pulizija ta' Malta mis-snin 2000 sa l-2004? Kemm minn din l-ispiża kienet l-ammont minfuq fuq apparat tal-fotografija u mingħand min inxtara? Kemm minn din l-ispiża kienet is-somma ta' infiq fuq karti fotografiċi, kimika fotografika, films u oġġetti oħra fis-sezzjoni tal-fotografija u mingħand min inxtara? Kemm mill-ispiża kapitali u rikorrenti tal-laboratorju forensiku matul dawn is-sentejn kienet ġiet offruta f'tenders u kemm f'direct orders u f'dan il-każ lil liema ditta ngħataw dawn id-direct orders?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għadu qed jinġabar. Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 9352, jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija in vista li issa qed ninformawh separatament bin-numri ta' l-accounts?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma infurmat lill-klijent separatament li l-aġġustament li sar kien wieħed korrett.
L-aġġustament jirrigwarda interchange i.e. qlib ta' konsum bejn konsumatur u ieħor. Il-klient ġie mgharraf bid-dettalji bil-miktub fil-11 ta' Diċembru 2004.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu jżomm milli jerġa' jingħata ċens temporanju għal 50 sena lill-persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li l-fond ilu għandu sa mill-1980 meta ħaddieħor bħalu diġa' kien ingħata ċens temporanju ieħor?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-persuna msemmija mill-Onorevoli Interpellant fil-fatt qatt ma kellha ċens fuq il-fond in kwistjoni imma kellha biss titolu ta' kirja f'isem kumpanija, liema titolu għalaq. Din il-persuna issullokat parti mill-fond lill-terzi liema terzi m'humiex lesti li jivvakaw il-fond. Għaldaqstant it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern qiegħda tħejji proċeduri ta' żgumbrament biex tkun f'pożizzjoni li toħroġ sejħa għall-offerti għall-għoti tal-fond b'ċens għal 50 sena.
B'riferenza għal kuntratt pubbliku li sar fid-9 ta' Ottubru tas-sena 1962, fejn il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament illum mejta, ġiet mogħtija sit ta' qabar bin-numru 31 fiċ-ċimiterju ta' l-Imġarr, Malta kif indikat f'dan il-kuntratt, liema sit għal xi raġuni baqa' ma ngħatax u ma sarx trasferiment fiżiku tiegħu, jista' il-Ministru jgħid x'inhi llum il-proċedura biex il-werrieta ta' l-imsemmija persuna jkunu jistgħu bi dritt u legalment jieħdu l-pussess ta' dan is-sit?
Il-Minsitru jikkonferma li għandu jkun hemm proċedura biex tiġi rimedjata din l-inġustizzja?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diffikulta' li ltaqgħu magħha l-werrieta, kif indikata fil-mistoqsija, hija waħda li rari jkun hemm bħala.
Waqt li nikkonferma li s-sinjura msemmija kienet ġiet allokata qabar fiċ-ċimiterju ta' l-Imġarr, jidher li l-persuna kkonċernata qatt ma segwiet din l-allokazzjoni, tant li assumiet li l-qabar li kien allokat lilha kien qabar b'numru ieħor.
Kien xi xhur ilu li l-werrieta bdew jindagaw dwar dan l-iżball. Frattemp, il-qabar li kien allokat jidher li kien qiegħed jiġi ntużat bħala ossarju komuni.
Waqt li nikkonferma li tali sitwazzjoni mhix riżultat ta' l-ebda inġustizzja, nifhem li b'għajnuna mill-uffiċċju tat-Taqsima Amministrazzjoni tad-Dfin u wara li jiġu vverifikati dokumenti meħtieġa għandha tinstab is-soluzzjoni neċessarja fl-aqsar żmien.
Jista' il-Ministru jgħid meta se tkompli l-iskema ta' l-early retirement scheme fil-Malta Shipyards wara li numru ta' ħaddiema kienu diġa' wrew ix-xewqa li jagħmlu dan ma' l-ewwel sejħa u li sal-lum għadhom hemm? Jista' jgħid jekk dan hux possibbli li jsir fil-futur qarib?
Response (GATT, AUSTIN)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9831, ninforma lill-Onor. Interpellant li m'hemmx ħsieb li terġa' tkun introdotta l-iskema ta' irtirar kmieni mix-xogħol.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu jsir f'Ta' Qali wara li jinżamm is-suq fil-Ħdud u festi u jkun hemm litteralment miżbla u ħadd ma jnaddaf? Jista' jara li tittieħed azzjoni immedjata peress li dawn huma nħawi li jiffrekwentawhom il-Maltin u t-turisti waqt il-ħin liberu tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond ir-Raba Skeda ta' l-Att dwar Kunsilli Lokali (Kap 363), Ta' Qali huwa eskluż mir-responsabbilitajiet tal-Kunsilli Lokali.
Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Membru biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 8698 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' biex jikkunsidra li kaċċa li tkun saret legalment fl-Istati Uniti ta' l-Amerka minn Maltin titħalla li tiddaħħal f'Malta, bħalma jiġri meta ssir l-istess tip ta' kaċċa fl-Eġittu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-importazzjoni ta’ annimali bbalzmati huwa regolat minn żewġ Avviżi Legali: l-Avviż Legali 146 ta’ l-1993 kif amendat, li jirregola l-importazzjoni ta’ l-għasafar; u l-Avviż Legali 236 ta’ l-2004 li jirregola l-importazzjoni ta’ flora u ta’ fawna. Dawn ir-regolamenti, b’mod ġenerali, jistabbilixxu li meta eżemplari ta’ fawna jkun ġie kkaċċjat b’mod leġittimu fil-pajjiż ta’ l-oriġini tiegħu, u jkollu d-dokumentazzjoni meħtieġa maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti, dan l-eżemplari jkun jista’ jiġi importat b’mod leġittimu f’pajjiżna.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 8700 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jikkunsidra li ssir proċedura speċjali għal dawk il-Maltin li jgħixu barra, u partikolarment dawk fl-Istati Uniti, li fuq talba tagħhom jingħataw liċenzja temporanja għall-kaċċa u nsib meta jiġu Malta fuq prova li huma diġa' huma kaċċaturi jew nassaba fil-pajjiż tar-residenza tagħhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Skond Avviż Legali 146 ta’ l-1993, kif amendat, il-liċenzi għall-kaċċa u l-insib għadhom jinħarġu mill-Kummissarju tal-Pulizija.
Is-suġġeriment ta’ l-Onorevoli Interpellant qiegħed jitressaq lill-kumitat Ornis għall-kunsiderazzjoni u l-parir tiegħu.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 8701 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jikkunsidra li f'Malta jitħallew jidħlu annimali bbalzmati maqbuda fil-pajjiż ta' l-oriġinu skond il-liġijiet ta' dak il-pajjiż minn Maltin li jkunu residenti barra u li jkunu qed idaħħlu l-annimali huma stess f'Malta jew jimportawhom f'container f'isimhom stess?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lilll-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Numru 9557.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 9352, jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija in vista li issa qed ninformawh separatament bin-numri ta' l-accounts?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid meta se ssir ir-roundabout li suppost hemm fil-bidu tat-triq li nfetħet li tagħti għall-Għargħur u n-Naxxar fejn bħalissa hemm xi barrikati u hemm diżordni sħiħa tat-traffiku wara li ngħalqet l-entratura għall-Għargħur min-naħa ta' Triq San Pawl, Naxxar?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li bħalissa l-Awtorita' dwar it-Trasport għall-bini ta' din ir-roundaboutgħandha applikazzjoni pendenti mal-MEPA (Malta Environment and Planning Authority), li bħalissa qed tiġi pproċessata mill-Case Officer (tal-MEPA) responsabbli. F’dan ir-rigward ġiet sottomessa ukoll talba lid-Dipartiment ta’ l-Artijiet biex isiru l-arranġamenti kollha biex tittieħed l-art neċessarja biex dan ix-xogħol ikun jista' jitwettaq. Huwa mistenni li x-xogħol isir fil-bidu tas-sena d-dieħla.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'kienet qed tagħmel il-vettura tal-gvern - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - fi triq prinċipali fil-Mellieħa, f'nofs il-lejl nhar is-27 ta' Novembru 2004, f'liema ħin kienu rekbin fiha raġel u mara? Jista' jgħid fuq liema xogħol tal-gvern kienet qed tintuża din il-vettura? Jista' jgħid jekk din il-vettura kenitx awtorizzata mill-fondi tal-pubbliku li tintuża f'dawn il-ħinijiet u u jekk iva, għal liema skop?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-vettura ndikata ma kienetx fuq xogħol uffiċjali fil-ħin u l-jum imsemmi. Il-każ qed jiġi nvestigat.
Jikkonferma l-Ministru li l-vettura li tintuża mir-rappreżentant permanenti Malti fi Brussell hijiex waħda bullet proof? Jista' jgħid ukoll kemm swiet din il-vettura u x'inhi r-raġuni li hu l-uniku ambaxxatur fl-Unjoni Ewropea, fost il-pajjiżi kollha, li għandu din it-tip ta' vettura?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onorevoli Membru għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7409.
Jista' il-Ministru jgħid fuq liema kalkolu nħadem il-kont tad-dawl u ilma li jappartjeni l-fond Windwards No. 181, Flat 5, Tower Road, Sliema u dan peress li nħareġ kont astronomiku fuq aġġustament għall-perjodu ta' ħames snin?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li peress illi meta saret il-verifika ta' l-istatement of account mqabbel mad-dettalji tal-post imsemmi fil-mistoqsija parlametnari ma rriżultax kont astronomiku, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jekk jogħġbu iforni lill-Kamra l-Account Number ħalli l-KSI tkun tista terġa tiċċekkja.
Ngħarraf ukoll lill-Onorevoli Interpellant li l-klijent innifsu jista' jagħmel użu mill-Customer Care Service ta' l-istess KSI.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li kaċċa li tkun saret legalment fl-Istati Uniti ta' l-Amerka minn Maltin titħalla li tiddaħħal f'Malta bħalma qed jiġri meta ssir l-istess tip ta' kaċċa fl-Eġittu?
Response (BORG, TONIO)
Ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli għall-Ambjent.