Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għaxaq

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma kemm ilhom li tħallsu l-kontribuzzjonijiet neċessarji sabiex jiġu mogħtija l-permess tal-bini u l-permess ta' dawl u l-ilma ħalli familja tkun tista' tistabilixxi ruħha fl-area ta' Triq Giovanni Scicluna, Triq is-Settembrina, Triq l-Isparvier u Triq Patri Girgor Grima, Ħal Għaxaq?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

MIA — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li taħdem mal-Malta international airport ilha bis-sick leave għaxar xhur u sal-lum għadha m'għaddietx bord mediku, filwaqt li ħaddieħor ilu biss ġimgħa bis-sick leave u diġa' se jgħaddi bord mediku? Jista' il-Ministru jara x'inhu jiġri fil-każ tal-persuna indikata separatament li ilha ħames xhur mingħajr paga?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 12068

Enemalta — Kontijiet tad-dawl

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif il-kontijiet tad-dawl li jġibu l-ammonti rispettivi ta' Lm119.52, Lm106.66 u Lm233.13 li jkopri l-perijodu tal-31 ta' Diċembru 2004, 22 ta' Frar 2005, 31 ta' Awissu 2004 sal-31 ta' Diċembru 2004 u t-3 ta' Mejju 2004 sal-31 ta' Awissu 2004, meta s-soltu l-kont tagħhom b'mod regolari ma kienx jaqbeż il-Lm100 u dan għal perijodu ta' erbgħa xhur u mhux xahrejn? Jista' jara li dawn il-kontijiet jiġu nvestigati u l-familja tħallas dak li verament għandha tħallas?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Trasferiment ta' art

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk art li qiegħda fid-Dwejra , limiti tar-Rabat u li tmiss mal-Victoria lines, qies ta' ċirca 100 pied tul u 50 wiesgħa, ġietx trasferita lil terzi li hija mdaħħla fiha kumpannija tal-karozzi rinomata u li isiimha qed jintbagħat separatament? Jekk fl-affermattiv, kif sar dan it-trasferiment u xi proċedura ntużat għaliha?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn tfittxija fl-arkivji tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern, ma jirriżultax li xi biċċa art tal-Gvern fid-Dwejra limiti tar-Rabat ingħatat lil xi kumpanija li isimha huwa kif mogħti separatament mill-Onorevoli Interpellant.

Applikazzjoni għal working permit

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni u l-ipproċessar tagħha għal working permit ta' persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li tgħix regolarment Malta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-persuna indikata mill-Onor. Interpellant għandha liċenzja valida sat-30 ta' Ġunju 2005. Ninsab infurmat ukoll li d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta' l-Expatriates ma rċieva ebda talba s'issa biex din il-liċenzja tiġi mġedda.

Liċenzja tal-kaċċa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex sal-lum għadha ma ħarġitx il-liċenzja u l-permess tal-kaċċa tal-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - meta dan għadda mill-eżami tat-test u kollox?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni għall-liċenzja tal-kaċċa mill-persuna li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant kienet ġiet rifjutata u fil-preżent ma hemm ebda talba għall-liċenzja tal-kaċċa minn din l-istess persuna pendenti mal-Pulizija.

Sptar San Luqa — Każ dwar persuna mejta

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-persuna mejta - indikata separatament - u oħrajn li mietu l-Ħadd 27 ta' Marzu 2005 fl-isptar San Luqa fil-ward 6, ma tniżżlux fil-kamra mortwarja minn ward 6 u li tpoġġew f'ward oħra flok fil-kamra mortwarja? Jikkonferma l-Ministru li din tpoġġiet fuq tavla wara bieb li ma setgħex jinfetaħ il-bieb b'sorpriża anke għall-istess membri tal-familja tagħha? Jarax il-Ministru li dan huwa att degradanti lejn il-mejjet u anke lejn l-istess membri tal-familja tagħha u ta' oħrajn?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Ħamis ix-Xirka u l-Għid il-Kbir ma jsirux funerali. F'dawn l-erbat ijiem ġewwa l-Isptar San Luqa mietu 38 persuna. Il-kamra mortwarja tesa' 13-il katavru. Matul dawn iż-żminijiet isir arranġament sabiex dawk il-katavri li għalihom ma jkunx hemm spazzju fil-kamra mortwarja jitpoġġew f'post dinjituż u sigur alternattiv. F'dan il-post u fil-każ indikat il-katavri tpoġġew fuq sodod u mhux fuq twavel kif allegat fil-Mistoqsija Parlamentari.

Saħħa — Infermiera

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li madwar tliet snin ilu daħlu numru ta' nurses mal-gvern? Jekk fl-affermattiv, jista' jippubblika r-riżultat ta' kull wieħed u waħda li daħlu mal-gvern? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid minn liema postijiet f'Malta daħlu dawn in-nurses?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istudenti li jtemmu b'suċċess il-kors li jwassal għal Diploma jew BSc fin-Nursing normalment jiġu mpjegati bħala nfermiera mad-Diviżjoni tas-Saħħa fuq bażi każwali sakemm il-proċedura għall-ħatra tagħhom bħala Enrolled jew Staff Nurses tkun finaliżżata mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Hekk ġara tliet snin ilu u r-riżultat ta' l-intervisti konċernati kien ġie ppubblikat mill-istess Kummissjoni. Għaldaqstant m'hinix f'qagħda li nippubblika l-imsemmi riżultat. L-infermiera li għalihom qed jirreferi l-Onor. Interpellant kienu mill-postijiet li ġejjin: Staff Nurses Enrolled Nurses Birkirkara - 1 Birżebbuġia 1 2 Cospicua 1 - Fgura 2 1 Għargħur - 1 Għaxaq 2 3 Għawdex 8 2 Gudja 1 - Gżira - 1 Kalkara - 1 Lija 1 - Luqa 1 2 Marsascala 2 1 Marsaxlokk 1 - Mellieħa 2 - Mosta 2 3 Mġarr 1 - Mqabba - 1 Msida 1 - Naxxar 2 1 Paola 3 - Pieta' 1 - Qrendi 1 1 Rabat 2 4 Safi 1 - San Ġiljan 2 - San Ġwann - 1 San Pawl il-Baħar 2 1 Senglea - 1 Siġġiewi - 2 Sliama 1 - Swieqi 1 - Santa Luċija - 1 Ta' Xbiex - 1 Tarxien 1 1 Żabbar - 3 Żebbuġ 1 1 Żejtun - 1 Total 44 38

Pulizija — Liċenzja tal-kaċċa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara jekk wara sentenza ta' ħabs ta' tliet snin u nofs li ngħatat fl-1987, għandux issa jiġi kkunsidrat mill-ġdid li l-persuna indikata separatament tingħata l-liċenzja tal-kaċċa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ma hemm ebda talba pendenti mal-Pulizija għall-liċenzja tal-kaċċa mill-persuna msemmija mill-Onorevoli Interpellant.

Mosta — Boċċi Club

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara l-każ tal-Mosta Boċċi Club fejn qed isir awment fiċ-ċens għall-Lm150 sabiex dan jitnaqqas għal wieħed ta' Lm50, peress li l-membri li hemm fil-club illum huwa ta' 25 ruħ u għalhekk mhux possibbli li jiġi mtella' għal dan l-ammont?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ċ-ċens ta' Lm150 ma jistax jitnaqqas peress li l-għotja u l-abbozz tal-kuntratt ġiet approvata b'Riżoluzzjoni tal-Parlament li għaddiet fit-28 ta' Ġunju 2004 f'Seduta Nru. 144.

Għawdex — Żibel

Question

Jista' il-Ministru jispjega għaliex iż-żibel li jinġabar f'Għawdex ħalli jiġi trasportat lejn Malta qed jitħalla fit-trakkijiet f'Għawdex u ieħor Malta minn filgħaxija sa filgħodu? Jista' il-Ministru jieħu passi biex dan l-abbuż jieqaf immedjatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Dak li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant effettivament mhijiex prattika imma grat biss f’eċċezzjonijiet. Se jsir kull ma hu possibbli biex dan ma jerġax iseħħ.

Manikata — Vetturi/Scrap

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex jitnaddfu minn Triq Manikata, Manikata u Triq il-Fuħħar, Manikata, il-vetturi u scrap ieħor wara li l-awtoritajiet, inkluż il-MEPA, ilhom jafu bihom? Jista' jieħu l-passi mmedjati peress li hemm ksur tal-liġi kontinwament quddiem kulħadd?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn spezzjoni li għamlet il-Pulizija instab li kien hemm truck, li huwa liċenzjat skond ir-regolamenti, mgħobbi b'karozzi imkissra u ftit il-bogħod minnu kien hemm karozza abbandunata. Fuq ordni tal-Pulizija dawn tneħħew mis-sid stess.

ETC — Kors ta' motivation

Question

Jista' il-Ministru jara li l-persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li hija legalment separata u ma taħdimx, ma tattendix għall-kors ta' motivation organizzat mill-ETC peress li m'għandhiex fondi biżżejjed biex tmur bit-trasport għal dan il-kors u aktar u aktar kienet għamlet dan il-kors f'Mejju 2004?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Pulizija — Applikazzjoni għal ċittadinanza Maltija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu jżomm li bid-dritt il-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - għadha sal-lum ma ngħatatx in-nazzjonalita' Maltija? Jidhirlu li dan huwa każ li qed jieħu fit-tul biex tiġi proċessata l-applikazzjoni tagħha għal nazzjonalita' Maltija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant kienet għamlet applikazzjoni għaċ-Ċittadinanza fl-24/09/99. Iżda minħabba li din ma kinitx saret fil-perijodu li kien stipulat bil-liġi dak iż-żmien, ma setgħatx tintlaqgħa. Għalhekk m'hemm ebda applikazzjoni pendenti dwar din il-persuna biex tiġi pproċessata. Ninsab infurmat ukoll li din il-persuna marret id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza biex tindaga dwar il-pożizzjoni tagħha u ġiet infurmatha li dwar il-każ tagħha d-Dipartiment għandu bżonn ta' parir legali. Fid-dawl tal-parir li ngħata jidher li għalissa din il-persuna ma tistax tapplika għaċ-Ċittadinanza Maltija.

Applikazzjoni għal Ċittadinanza Maltija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-każ tal-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li ilha tgħix regolarment hawn Malta għal aktar minn seba' snin u li għandha applikazzjoni pendenti għaċ-ċittadinanza Maltija tiġi konkluża mill-iktar fis u dan peress li l-persuna hija waħda regolari skond il-liġi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza ma sab ebda talba pendenti għaċ-Ċittadinanza Maltija dwar il-persuna li aċċenna għaliha l-Onor. Interpellant.

Ħaż-Żebbuġ — Triq Mdina

Question

Peress li Mdina Road f'Ħaż-Żebbuġ qiegħda ssir kif indikat fil-mistoqsija parlamentari 5634 tal-11 ta' Mejju 2004; u peress li għal dik il-mistoqsija l-Ministru kien wieġeb li "għalissa ma tistax tingħata l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant", jista' issa l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5634?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-triq imsemmija ser titwessa biex issir ‘service road’ quddiem il-parti residenzjali u kummerċjali. B’hekk it-traffiku u l-attivitajiet residenzjali ikunu separati mit-traffiku tat-triq prinċipali. Biex issir art agrikola ser jitieħdu partijiet tul din it-triq. Il-wisa ta' l-art li ser tittieħed tvarja bejn 1.5m għal 3.8m. L-Awtorita’ dwar it-Trasport għamlet talba sabiex din l-art tiġi esproprjata u l-flus għal dan il-kumpens kienu trasferiti fid-Dipartiment ta’ l-Artijiet. Il-kumpens isir skond il-kalkolazzjonijiet li jagħmlu l-periti tad-Dipartiment tal-Artijiet. L-uċuh tar-raba u rziezet bil-permess ġew ukoll spezzjonati mid-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura sabiex ikun jista’ jingħata kumpens għat-telf tal-prodotti lill-bdiewa. F’każijiet fejn il-bdiewa jkollhom problemi ta’ aċċess temporanju, l-Awtorita’ tat-Trasport tkun lesta tagħmel id-diskussjonijiet meħtieġa biex jintlaħaq kompromess raġonevoli u jiġu mħarsa l-interessi operattivi tal-istess bdiewa.

Saħħa — Radiographers

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'se jsir minnhom ir-radiographers kollha li ggradwaw riċentement u jekk il-gvern għandux pjanijiet għall-impjieg tagħhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Diviżjoni tas-Saħħa qed tieħu l-passi neċessarji biex radiographers jiġu impjegati fuq bażi part-time biex tittaffa l-ħtieġa għall-overtime.

Qrati — Emenda ta' l-użura

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu nies fil-qorti wara li daħlet l-emenda fil-Kodiċi Kriminali ta' l-użura bħala reat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn meta ġiet fis-seħħ l-emenda għal artikolu 298 tal-Kodiċi Kriminali li biha l-użura saret reat kriminali, il-Pulizija akkużat quddiem il-Qorti 25 persuna fuq dan ir-reat.

AFM — Riggers

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuni - id-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament - wara li ilhom fl-armata għal aktar minn 19-il sena kif ukoll servizz ieħor fid-Dejma, sal-lum għadhom riggers u mingħajr promozzjoni, lanqas l-inqas waħda ta' Lance Bombardier, meta bi dritt dawn kellhom ikunu Bombardier Full Corporate mill-ewwel? Jarax il-Prim Ministru li dan huwa każ li jimmeritali attenzjoni urġenti għaliex il-każ tagħhom huwa wieħed uniku fiċ-ċirkostanzi, wara li dawn sa kienu attached bħala mislufa fl-MIA jagħmlu xogħol ta' riggers?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.