Jista' il-Prim Ministru jgħid meta se jiġu appuntati l-principals li kienu għaddew mill-eżami fis-sena 2003, li jammontaw għal 96, liema eżami kellu l-effett tar-riżultat tiegħu estiż sal-21 ta' Diċembru, 2005? Jikkonsidra li issa għadda żnien biżżejjed biex dawk li għandhom jiġu appuntati fil-fatt jingħataw l-appointment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għall-ewwel parti tat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 12539.
Jista' il-Ministru jgħid xi pjani immedjati hemm biex jiġi evitat il-periklu li xi ħadd iweġġa' jekk il-pont tal-Bidnija, fit-triq bejn il-Mosta u l-Bidnija, jisfronda f'salt? Peress li jidher li hemm periklu li dan il-pont fil-fatt jisfronda, jista' jara li tingħata attenzjoni immedjata lil din l-istruttura?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jara x'inhi r-raġuni li tpoġġa line isfar tan-no parking proprju quddiem ħanut tal-laħam fil-lokalita' indikata separatament biex dan b'mod ovvju jitnaqqaslu l-bejgħ u telf ta' xogħol?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tad-Direttorat għall-Immaniġġjar tat-Traffiku ma nstabet l-ebda riferenza jew approvazzjoni għas-sinjal isfar quddiem il-ħanut tal-laħam li għalih għamel riferenza l-Onorevoli Interpellant.
Id-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku ħa azzjoni immedjata sabiex din il-linja safra titneħħa.
Jista' il-Ministru jgħid kif qed isir l-updating tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma tal-pensjonanti u persuni oħra li qed jintbagħtu kull xahrejn? Dawk li għandhom il-lukandi u l-fabbriki qed jiġu trattati bl-istess kriterju bħal ħaddiema ż-żgħar u l-pensjonanti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jara għaliex l-aċċess għall-bdiewa li għandhom l-għelieqi fl-inħawi taċ-Chadwick Lakes baqa' magħluq u ma jistgħux jidħlu għall-għelieqi tagħhom min-naħa tal-Mosta imma jridu jmorru jduru mar-roundabout ta' l-Imtarfa min-naħa taċ-ċimiterju tas-suldati? Jista' jara li tiġi riżolta din il-problema ta' moħqrija żejda għall-bdiewa, barra spejjeż żejda u ħin mitluf?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li rappreżentanti tal-Awtorita' tat-Trasport iltaqgħu ma' xi wħud mill-bdiewa, liema bdiewa rriżulta li kellhom problema ta’ aċċess għal ġo l-għelieqi tagħhom fl-inħawi ta’ Chadwick Lakes.
Fil-jiem li ġejjin l-Awtorita' se tippreżenta soluzzjoni biex il-bdiewa li jkunu ġejjin mill-inħawi tal-Imġarr u l-Mosta jkunu jistgħu jaċċedu għall-egħlieqi fl-inħawi ta’ Chadwick Lakes mingħajr ma jkollhom imorru jduru mar-roundabout li tagħti għall-Imtarfa.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm każi ta' dixxiplina fi ħdan il-kumpannija Air Malta, kemm ilhom dawn il-każi biex jibdew jinstemgħu, min huma u min minnhom għadu sospiż jistenna biex jibda xi darba l-każ ta' dixxiplina fil-konfront tiegħu għas-sena 2004 u 2005?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li d-differiment tal-kawżi, kemm dawk ċivili kif ukoll dawk kriminali - appelli inklużi - m'għadhomx jidhru fil-ġurnata qabel is-seduti li jkunu tħassru imma bdiet drawwa ħażina ferm li jintbagħtu sms(s) u e-mails lill-avukati u l-pubbliku jibqa' fil-għama? Ma jaħsibx li din is-sitwazzjoni għandha tiġi rimedjata mill-aktar fis?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-avviżi ta' kull differiment ta' kawżi li jkun hemm kemm fil-kamp Ċivili kif ukoll f'dak Kriminali jintbagħtu mid-Deputat Reġistratur ta' l-awla rispettiva, permezz ta' e-mail lid-Dipartiment ta' l-Informazzjoni. Dan minn naħa tiegħu, jibgħat tali avviż lill-ġurnali lokali sabiex dawn jippubblikawh fl-ewwel opportunita' li jkollhom.
Għaldaqstant il-Qrati ma jistgħux jaċċertaw li dawn l-avviżi jiġu ppubblikati fil-ġurnata ta' qabel is-seduta li tkun ġiet hekk differita peress li din hija fid-diskrezzjoni tal-ġurnal. Pero' l-Onorevoli Interpellant jista' jibqa` żgur li qed isir kull sforz possibli sabiex il-pubbliku ma jibqax fl-għama fuq dan.
Ovvjament, jekk id-differiment isir f'dik il-ġurnata stess minħabba indispożizzjoni tal-Ġudikant, jew għal kwalsiasi raġuni oħra, il-proċedura hawn fuq imsemmija ma tkunx tista' tiġi segwita.
L-sms(s) li jintbagħtu jirċevuhom biss dawk l-avukati li huma abbonati li jirċievu dan is-servizz u tali servizz huwa kumplimentari għall-avviżi li jiġu pubblikati fil-ġurnali.
Għal dak li jirrigwardja l-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex), ninsab infurmat illi malli jiġi magħruf li seduta sħiħa ġiet differita, id-deputat relattiv immedjatament joħroġ press release u jwaħħal l-avviż qrib il-bieb ta' l-awla li fiha kellha ssir is-seduta. Din l-informazzjoni tiddaħħal ukoll fis-sistema tal-LECAM tagħna biex b'hekk ikunu jistgħu jintbagħtu l-sms(s) relattivi, u l-avukati li jkunu pprovdewlna l-e-mail tagħhom, kif ukoll il-Kamra ta' l-Avukati, jintbagħtulhom e-mail rigward dan. Dawn ta' l-aħħar jieħdu ħsieb li jibgħatu e-mail lill-avukati kollha.
Jista' il-Ministru jara x'inhi r-raġuni li tpoġġa line isfar tan-no parking proprju quddiem ħanut tal-laħam fil-lokalita' indikata separatament biex dan b'mod ovvju jitnaqqaslu l-bejgħ u telf ta' xogħol?
Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-istudent ta' l-MCAST li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li għadda mill-eżami tal-MCAST fis-suġġett Material Science, ma tressaqx għall-eżami tas-City & Guilds għal Ġunju 2005? Meta f'dan is-suġġett għaddew biss żewġ studenti ma kienx ikun tajjeb li kieku dawn ingħataw iċ-ċans li jersqu għas-suġġett tas-City & Guilds f'Ġunju 2005?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudent ma tressaqx għall-eżami tas-suġġett Material Science Skills tas-City & Guilds, anki jekk għadda mill-progress test fis-suġġett f'Diċembru 2004, għaliex l-istudent ma laħaqx l-kriterji stabbilliti biex ikun jista' jersaq għall-eżami tal-Material Science Skills tas-City & Guilds. L-istudent jista' jersaq għall-eżami f'Diċembru 2005.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol fuq l-asfaltar ta' Triq Salvu Gatt u Triq San Paċifiku fil-Mosta?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-Triq Salvu Gatt u Triq San Pa`ifiku huma fil-lista ta' toroq li ġew identifikati li għanhom jinbnew mid-Direttorat. Ix-xogħol fuqhom isir skond il-prijoritajiet li jirriżultaw mill-programm tad-Direttorat.
Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi konkluża t-triq kollha f'asfaltar fi Triq Mikelanġ Mifsud kif ukoll Triq Dawret il-Wied fil-Mosta?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi rigward Triq Mikelanġ Mifsud, id-Direttorat ħareġ tender is-sena l-oħra, liema tender għadu ma ngħatax. Dwar Triq Dawret il-Wied tal-Mosta id-Direttorat qed iħejji l-pjanti neċessarji għall-parti tat-triq bejn il-junction ta' Vjal il-Qalbiena Mostin u l-pont.
B'riferenza għal file tal-joint office li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament dwar proprjeta li skond il-liġi a tenur ta' Artiklolu 2 ta' l-Agricultural (subleases) Act wara mewt tal-persuna li fuqha kien il-qbiela kellu jaqa' fuq il-werrieta, kif din il-proċedura għadha sal-lum, ħames snin wara l-mewt ma daritx fuqhom u hemm interess mill-istess joint office li jagħti widen lil terzi persuni estranji kompletament mill-wirt? Jista' jara li din l-inġustizzja tiġi indirizzata mingħajr aktar dewmien?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-kerrej tal-proprjeta' in kwistjoni miet ġuvni u għalhekk ħadd ma huwa ntitolat għal qbiela skond il-liġi.
L-allegazzjoni li l-Uffiċċju Konġunt qiegħed jagħti widen għat-talbiet ta' terzi persuni jew li qiegħed jagħmel xi inġustizzja huma infondati. Anzi l-fatti juru mod ieħor peress li wara rapporti li kellu d-Dipartiment li terzi persuni okkupaw il-proprjeta' illegalment ittieħdu passi, permezz tal-Kummissarju tal-Artijiet, biex ir-razzett li jinsab f'għalqa ġie żgumbrat u l-aċċess għalih ġie magħluq.
Jista' il-Ministru jgħid meta se tirċievi l-fondi dovuti lilha bħala bidwi part-time il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u dan fl-art li għandha bħala bidwi fil-limiti tal-Hofra, Għargħur? Jista' il-Ministru jara li dan il-każ jiġi riżolt bla aktar dewmien?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li id-Dipartiment jikkomunika d-deċiżjoni direttament ma’ l-applikant.
Jista' il-Ministru jara għaliex l-aċċess għall-bdiewa li għandhom l-għelieqi fl-inħawi taċ-Chadwick Lakes baqa' magħluq u ma jistgħux jidħlu għall-għelieqi tagħhom min-naħa tal-Mosta imma jridu jmorru jduru mar-roundabout ta' l-Imtarfa min-naħa taċ-ċimiterju tas-suldati? Jista' jara li tiġi riżolta din il-problema ta' moħqrija żejda għall-bdiewa, barra spejjeż żejda u ħin mitluf?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kif il-kontijiet tad-dawl li jġibu l-ammonti rispettivi ta' Lm119.52, Lm106.66 u Lm233.13 li jkopri l-perijodu tal-31 ta' Diċembru 2004, 22 ta' Frar 2005, 31 ta' Awissu 2004 sal-31 ta' Diċembru 2004 u t-3 ta' Mejju 2004 sal-31 ta' Awissu 2004, meta s-soltu l-kont tagħhom b'mod regolari ma kienx jaqbeż il-Lm100 u dan għal perijodu ta' erbgħa xhur u mhux xahrejn?
Jista' jara li dawn il-kontijiet jiġu nvestigati u l-familja tħallas dak li verament għandha tħallas?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-kontijiet imsemmija fil-mistoqsija parlamentari nru. 12272 huma dovuti kemm għall-konsum tad-dawl kif ukoll għall-konsum ta' l-ilma u mhux dawl biss kif ġie riferut fl-istess mistoqsija parlamentari.
Dawn il-kontijiet huma regolari għaliex minn Lulju 2000 sa Frar 2005 kien hemm diversi drabi li
l-kontijiet qabżu l-ammont imsemmi.
Barra minn hekk, saret spezzjoni mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma fis-27 ta' April 2005 li minnha ma rriżultax li kien hemm xi problema teknika. Mill-ispezzjoni li saret fid-9 ta' Novembru 2004, irriżulta wkoll li fil-fond imsemmi hemm installata sistema ta' reverse osmosis domestika. Din is-sistema taħli ħafna ilma biex tiġi mħaddma. Għalhekk jidher li m'hemm l-ebda każ ta' reviżżjoni.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex qegħda tirripeti ruħha l-problema ta' truck mgħobbi biż-żibel f'Għawdex li qed jitħalla sa fil-għodu sakemm imbagħad jitgħabba fuq il-vapur għall-miżbla tal-Magħtab? Jista' jinnota li dan huwa abbuż serju li jiena diġa' ġbidt l-attenzjoni dwaru imma baqa' jsir?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif ġie infurmat fil-Mistoqsija Parlamentari Nru 11578, dawn l-okkażjonijiet huma rari u mhux in-norma. Kull miżura possibbli qiegħda tittieħed sabiex dawn l-okkażjonijiet jitnaqqsu kemm jista' jkun, sa kemm tinstab soluzzjoni fl-inqas żmien possibbli.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm toroq li mhumiex mogħtija s-servizzi bażiċi tar-raħal ta' Ħal Għaxaq li taħtu taqa' tali responsabbilta'?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-Awtorita dwar it-Trasport, permezz tal-uffiċċjali tagħha, għamlet spezzjonijiet fit-toroq ta’ Ħal-Għaxaq. Jirriżulta li hemm numru ta’ toroq li għad m’għandhomx is-servizzi mogħddijin. Madankollu, dan jiġi kkonfermat mal-entitajiet rispettivi meta tkun qed issir il-koordinazzjoni meħtieġa qabel il-ħruġ tat-tenders.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba mar fit-toroq li jġibu l-isem ta' Triq Giovanni Scicluna, Triq is-Settembrina, Triq l-Isparvier u Triq Patri Girgor Grima, Ħal Għaxaq sabiex ikun jista' jara b'għajnejh kif qed jgħixu r-residenti ta' dawn it-toroq u l-inħawi tagħhom?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-Awtorita dwar it-Trasport, permezz tal-uffiċċjali tagħha, għamlet spezzjonijiet fit-toroq imsemmija. Dawn it-toroq qegħdin fil-lista ta’ xogħlijiet li jridu jsiru mill-Awtorita’ u x-xogħol fihom isir skond il-prijoritajiet li jirriżultaw fil-programm li qed jithejja mid-Direttorat.