Jista' il-Ministru jikkonferma li fis-27 ta' Ottubru 2005 daħlu f'Malta mill-port coaches li huma twal 18-il metru u li l-ADT awtorizzathom li joħorġu fit-triq bit-turisti bi ksur tal-liġi, liema liġi l-għada ġiet emendata u l-limitu ttella' għal 18-il metru?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat illi 5 coaches daħlu f’Malta fis-27 ta’ Ottubru.
Tnejn minn dawn il-coaches kienu b’żewġ axles u kienu twal 12 metru, waħda kienet bi 3 axles u kienet twila 12.9 metri u t-tnejn l-oħra kienu bi 3 axles u kienu twal 12.6 metri.
Fil-liġi hemm stipulat li t-tul massimu ta’ coach għandu jkun:-
a) coach b’żewġ axlesirid ikollu tul massimu ta’ 13.5 metri
b) coach bi tlett axlesirid ikollu tul massimu ta’ 15-il metru
Għaldaqstant, il-coaches li daħlu Malta fis-27 ta’ Ottubru ma kellhom xejn kontra il-liġi.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-każ ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li ilha tgħix regolarment hawn Malta għal aktar minn seba' snin u li għandha applikazzjoni pendenti għaċ-ċittadinana Maltija jiġi konkluż mill-aktar fis u dan peress li l-persuna hija waħda regolari skond il-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza ma sab ebda applikazzjoni magħmula mill-persuna indikata mill-Onor. Interpellant. Fil-fatt in-numru tar-referenza indikata minnu m'huwiex numru ta' file ta' dan id-Dipartiment.
Jekk l-individwu konċernat jista' jġib evidenza li fil-fatt applika, bħal ma hi l-irċevuta li jingħata meta japplika għax hemm ħlas dovut, inkun nista' nitlob lid-Dipartiment jerġa' jivverifika l-każ.
Ninsab infurmat illi x-xogħol li għandu x’jaqsam mat-Triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant kien beda u s’issa sar xogħol fuq il-parti t’isfel tat-triq u fuq it-toroq ta’ madwarha.
Saru wkoll l-applikazzjonijiet meħieġa mall-MEPA biex ikun jista' jiġi ppreparata l-alignment ġdid tat-triq. Meta jitlesta x-xogħol fuq l-alignment minn naħa tal-MEPA, ikunu jistgħu jsiru l-preparamenti tal-pjanti meħtieġa biex ikun jista' jiġi ffinalizzat ix-xogħol.
Jista' il-Ministru jgħid jekk fejn sejra tinbena l-ambaxxata Amerikana f'Ta' Qali, limiti tal-Mosta, hux se jkun hemm spazju wkoll għall-parkeġġ ta' helicopters u ajruplani, kif ukoll jekk hux se jkun hemm xi air strip?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Ma għandi l-ebda informazzjoni li ser ikun hemm l-affarijiet indikati mill-Onorevoli Interpellant.
Tista' il-Ministru tara li l-persuni li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament jingħataw post ieħor alternattiv fil-Mosta jew fl-inħawi peress li ma jifilħux jitilgħu aktar it-taraġ biex jirrisjedu hemmhekk?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ma għandux applikazzjoni pendenti mingħand il-persuni ndikati.
Jista' il-Ministru jispjega kif sena ilu l-Air Malta ħaddmet magħha 120 airport handler u 40 skrivan klerikali, u sena wara qed tiġi mħejjija proċedura/skema biex jingħataw option li jirtiraw qabel iż-żmien? Il-Ministru jista' jassigura li dan hu fl-interess tal-ħaddiem Malti?
Response (GATT, AUSTIN)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Membru li l-l-impjegati li kienu saru tal-post kienu ilhom jaħdmu mal-Air Malta għal erba' snin u aktar, (fi gradi fejn kien hemm ħtieġa għalihom) biex jiġi kkontrollat l-overtime għoli li kien qed isir.
L-iskema ta' l-irtirar kmieni mix-xogħol ser tkun imnedija biss f'dawk il-każijiet fejn ikun hemm nies żejda li ma jkunux meħtieġa li jiġu sostitwiti, jekk dawn jieħdu l-irtirar kmieni mix-xogħol.
Tista' il-Ministru tgħid min ta l-awtorizzazzjoni, u fuq liema bażi, li ssir il-wheelchair bay li llum hemm quddiem r-residenza li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għoti ta’ permessi għal Reserved Parking, inkluż dak għal persuni b’diżabilita’, jaqa’ taħt ir-responsabbilta’ ta’ l-Awtorita’ dwar it-Trasport.
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Tista' il-Ministru tara l-każ tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li hija wheelchair bound u ma tistax toħroġ minn darha peress li quddiem d-dar tagħha hemm ġibjun u hemm bżonn li jkollha rampa biex ikun jista' ikollha aċċess?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ebda Dipartiment jew entita’ li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi m’huma responsabbli li jagħmlu x-xogħol indikat.
Nissuġġerixxi li l-persuna ndikata tingħata parir tavviċina lill-Kunsill Lokali tagħha.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuni - id-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament - wara li ilhom fl-armata għal aktar minn 19-il sena kif ukoll servizz ieħor fid-Dejma, sal-lum għadhom riggers u mingħajr promozzjoni, lanqas l-inqas waħda ta' Lance Bombardier, meta bi dritt dawn kellhom ikunu Bombardier Full Corporate mill-ewwel?
Jarax il-Prim Ministru li dan huwa każ li jimmeritali attenzjoni urġenti għaliex il-każ tagħhom huwa wieħed uniku fiċ-ċirkostanzi, wara li dawn sa kienu attached bħala mislufa fl-MIA jagħmlu xogħol ta' riggers?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li ż-żewġ persuni msemmija kienu ngaġġati f’Settembru 1985 fil-grad ta’ gunner biex speċifikament jagħmlu xogħol ta’ Riggers fl-Airport Company li dak iż-żmien kienet amministrata mid-Dipartiment ta’ l-Avjazzjoni Ċivili. Fl-1 ta’ Mejju 1998 l-Airport Company ġiet xolta u l-membri kollha ta’ din il-kumpanija, inklużi ż-żewġ gunners, kienu trasferiti għal-xogħol mal-Malta International Airport plc. Skond ftehim li fost affarijiet oħra kien jagħti ċans limitat biex min irid li jkompli s-servizz tiegħu fil-Forzi Armati ta’ Malta seta’ jmur lura bil-kundizzjonijiet li kellu qabel.
Iż-żewġ gunners għażlu minn jeddhom li jmorru mal-Forzi Armati b’effett minn Frar 2002. Minn dak iż-żmien lil hawn ma kien hemm l-ebda eżerċizzju ta’ promozzjonijiet fl-Armata għajr xi accelerated promotions f’xi postijiet speċjalizzati.
Għal dawn ir-raġunijiet ma naqbilx li l-każ ta’ dawn iż-żewġ gunners jimmeritah attenzjoni aktar urġenti minn ta’ ħaddieħor.
Jista' il-Ministru jara x'wassal biex pazjent li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li ddaħħal l-isptar fl-10 ta' Settembru, 2005 fis-1.00 a.m. ma ġiex mogħti l-valium u spiċċa l-ITU erbat ijiem? Ma jaħsibx li dan huwa każ ta' investigazzjoni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija ta' natura personali, għandha tiġi seġwita l-proċedura kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 13567 f'seduta 235 tal-leġislatura preċedentu.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux veru li l-vetturi tal-pulizija tal-marka indikata separatament, li waslu Malta bl-airconditioner qalgħulhom l-airconditioner mill-vetturi qabel ma jintużaw mill-istess membri fil-korp? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid ta' min kienet l-ordni biex jitneħħew dawn l-airconditioners?
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament u li riċentement ħadet promozzjoni, kenitx involuta fl-użu ta' arma tan-nar fl-uffiċċju tal-payroll u jekk hux veru li l-istess persuna kellha xi tgħid ukoll bl-idejn ma' xi inġinier fl-isptar San Luqa? Jikkonferma l-Ministru li dwar dan l-inċident ma saret l-ebda inkjesta dwar permess tal-ġarr ta' arma tan-nar fl-uffiċini tal-gvern?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li ma jeżisti l-ebda mpjegat fl-Isptar San Luqa bl-isem li ntbagħat mad-Domanda.
Jista' il-Ministru jispjega kif sena ilu l-Air Malta ħaddmet magħha 120 airport handler u 40 skrivan klerikali, u sena wara qed tiġi mħejjija proċedura/skema biex jingħataw option li jirtiraw qabel iż-żmien? Il-Ministru jista' jassigura li dan hu fl-interess tal-ħaddiem Malti?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux qed jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex l-iżvilupp propost dwar bini ta' appartamenti , basement garages u saħansitra penthouses biswit il-kappella tal-Madonna tal-Viżitazzjoni, f'Ta' Wejda l/o tal-Mosta, ma jsirx għaliex jekk jingħata u jinħareġ il-permess se ssir ħsara rreparabbli lil dan il-bini storiku li għandu 'il fuq minn 400 sena kif ukoll l-ambjent ta' madwar li fuq kollox huwa wirt uniku u storiku Mosti u ta' importanza ta' konservazzjoni arkitettonika u reliġjuża unika f'pajjiżna?
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk wasalx iż-żmien opportun li tinbidel il-liġi dwar iċ-ċnus temporanji biex dawn ukoll jistgħu jkunu jiġu mifdija?
Response (BORG, TONIO)
Il-Gvern nieda skema f'dan is-sens; iżda ma ġietx konsiderata dil-possibilita' anke in vista ta' sentenzi kostituzzjonali riċenti f'dal-qasam.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed iżomm milli familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tteħditilhom biċċa art f'Birguma biex tinfetaħ triq madwar 15-il sena ilu, jingħataw il-kumpens dovut?
Response (BORG, TONIO)
Peress li fil-lokalita' msemmija hemm diversi proprjetajiet li ġew esproprjati, l-Onorevoli Membru huwa mitlub li jindika l-art tal-familja msemmija fuq pjanta.
Jista' il-Ministru jgħid xi pjani immedjati hemm biex jiġi evitat il-periklu li xi ħadd iweġġa' jekk il-pont tal-Bidnija, fit-triq bejn il-Mosta u l-Bidnija, jisfronda f'salt? Peress li jidher li hemm periklu li dan il-pont fil-fatt jisfronda, jista' jara li tingħata attenzjoni immedjata lil din l-istruttura?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li saret stima għat-tiswija tal-ħsarat msemmija fuq dan il-pont u bħalissa qed jiġu studjati interventi li jistgħu isiru sabiex tittieħed l-aħjar deċiżjoni għar-riabilitazzjoni ta' din l-istruttura.
Jista' il-Ministru jgħid kif qed isir l-updating tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma tal-pensjonanti u persuni oħra li qed jintbagħtu kull xahrejn? Dawk li għandhom il-lukandi u l-fabbriki qed jiġu trattati bl-istess kriterju bħal ħaddiema ż-żgħar u l-pensjonanti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-kontijiet għas-settur domestiku qed jintbgħatu kull xahrejn. Għalhekk matul is-sena jintbgħatu sitt kontijiet: erbgħa fuq stima u tnejn fuq qari attwali. Din is-sistema tippermetti lill-konsumaturi li jkunu jistgħu jqassmu u jippjanaw aħjar il-finanzi tagħhom. Lukandi u fabbriku qed jiġu trattati b'mod differenti, dan għaliex qed jintbgħatulhom kont attwali kull xahar.