Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex — Post

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fuq liema kriterju l-post 16/17, Emanuele de Vilhena Street, Mġarr Għawdex ngħata mil-Lands meta dan huwa suġġett ta' kawża mhux deċiża fil-Qorti t'Għawdex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-kirja tal-fondi 16/17, Triq Emanuel De Vilhena, Mġarr, Għawdex, ilha li ngħatat mill-1972 lill-familja li għada tgawdi din l-istess kirja sal-lum. Infurmat ukoll illi ma hemm l-ebda kawża kontra l-Gvern fuq din il-kirja.

Investigazzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'qed jistenna l-Ombudsman biex jibda jinvestiga l-ilmenti li ressqu quddiemu l-membri tal-Forzi Armata ta' Malta u dan wara li kważi għaddiet sena minn meta ħarġu l-promozzjonijiet? Jara li din hija inġustizzja fiha nnfisha aktar u aktar meta wieħed jaf li ser jerġgħu joħorġu promozzjonijiet f'dan ix-xahar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Pensjoni ta' invalidita'

Question

Tista' l-Ministru tara l-każ tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, fejn ġie deċiż mill-Bord Mediku li l-pensjoni ta' invalidita' tiegħu mhix konsidrata meta dan il-każ tant hu serju li lanqas ma jerfa' b'idejh flixkun ilma? Tara li d-deċiżjoni ta' Bord Mediku li issa mhux appellabbli quddiem l-arbitru taħt il-Kap 318 hija fiha nnifisha inġustizzja doppja u xi tgħid dwar każ bħal dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skond l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, meta ssir talba għall-Pensjoni għall-Invalidita’, qabel ma jagħti d-deċiżjoni tiegħu, id-Direttur hu tenut li jikkonsulta dwar l-aspetti mediċi tat-talba lil persuna waħda jew aktar li jkollhom il-warrant biex jeżerċitaw il-professjoni medika, maħtura biex jagħtu parir dwar dawn il-każijiet. Il-parir li ngħata d-Direttur dwar il-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant kien li, mill-aspett mediku, il-persuna ma kienetx tikkwalifika għall-Pensjoni għall-Invalidita’. Ninsab infurmata wkoll li, skond ir-rekords tad-Diviżjoni tas-Sigurta’ Soċjali, il-kundizzjoni medika tal-persuna ndikata ma taqbilx ma’ kif deskritta mill-Onor. Interpellant. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata li tikkuntattja d-Diviżjoni tas-Sigurta’ Soċjali biex tagħmel appuntament ħalli tiddiskuti l-każ u tingħata l-parir meħtieġ dwar it-talba tagħha..

Monte Di Pieta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex għal dawk li jirhanu d-deheb fil-Monte di Pieta' minn Lm1-il gramma niżlet għal 75c-il gramma? Hemm xi ħaġa tinten jew xi cover up għal xi ħabib?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-rata ta’ self fuq deheb mirhun il-Monti jiġifieri l-ammont misluf għal kull gramma deheb iddepożitata jiddependi mill-fondi disponibbli għal dan is-self b’imgħax baxx ta’ biss 5%. Dawn l-aħħar ħames snin ir-rata msemmija kellha titnaqqas għal sebgħa u ħamsin ċenteżmu-il gramma proprju biex l-istituzzjoni tal-Monti tibqa’ viabbli u ma tkunx ta’ piż fuq fondi pubbliċi. Dan it-tnaqqis inħass neċessarju biex jiġi żgurat il-futur ta’ dan is-servizz.

Monte di Pieta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif il-Monte di Pieta' meta x-xogħol kważi spiċċa kollu, hemm wieħed li għadu jagħmel l-overtime kuljum? Dan qed jitħallas tiegħu jew qed iżomm il-mażżri ta' xi ħadd f'idejh u ma jistgħux ikellmuh? Jew qed ipatti għal ħin ta' filgħodu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Att dwar il-ħaddiema d-deheb u l-ħaddiema l-fidda li daħal fis-seħħ f’April 2004 ġab ħafna tibdiliet pożittivi u biddel sostanzjalment il-profil tax-xogħol fl-Uffiċċju tal-Konslu. Bis-saħħa ta’ l-Att, il-Konslu minn uffiċċju ta’ kontroll fuq importazzjoni u xogħol lokali, sar entità regolatorja responsabbli għall-għoti ta’ permessi biex oġġetti prezzjużi jiġu mbullati privatament u anke spettorat fis-suq. Dan minbarra li xorta baqa’ miftuħ biex jimbolla oġġetti prezzjużi bil-boll tal-konslu minflok il-boll privat. Minbarra dan, il-konslu xorta baqa’ responsabbli għall-valutazzjoni ta’ oġġetti prezzjużi miġjuba mill-pubbliku, dwana, dipartimenti oħra jew il-Qorti kif ukoll irid jagħmel stand-ins fl-assenza tal-Keepers tal-Monte di Pieta’. Ta’ min wieħed isemmi wkoll li d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea tat dimensjoni oħra fix-xogħol amministrattiv tal-konslu u ġabet xogħol ġdid ta’ armonizzazzjoni. M’huwiex għaldaqstant korrett tgħid li x-xogħol tal-Konslu spiċċa; mhux talli ma spiċċax talli ħa żvolta aktar aġġornata u addattata għall-kundizzjonijiet tas-suq ġdid. L-overtime limitat ħafna li jingħata lil grad tal-Konslu (għal tlett persuni mhux persuna waħda) hu strettament marbut ma’ nuqqas ta’ nies fl-istaff fil-gradi tal-Konslu u tal-Monte di Pieta’.

Monte di Pieta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif il-Monte di Pieta' meta x-xogħol kważi spiċċa kollu, hemm wieħed li għadu jagħmel l-overtime kuljum? Dan qed jitħallas tiegħu jew qed iżomm il-mażżri ta' xi ħadd f'idejh u ma jistgħux ikellmuh? Jew qed ipatti għal ħin ta' filgħodu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Cittadinanza Maltija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fhiex waslet l-proċedura għall-għoti ta' ċittadinanza Maltija tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant għadha qed tiġi pproċessata. Malli tittieħed deċiżjoni dwar dan il-każ, il-persuna kkonċernata tiġi mgħarrfa biha minnufih.

Armi ta' airsoft

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-raġuni li armi ta' airsoft li jiġu mportati f'Malta skond il-liġi u li peress li dawn uħud minnhom ma jkollhomx serial number mhumiex qegħdin jiġu reġistrati mal-Weapons Officer meta dawn mill-manifattura stess ma jkollhomx serial number għax huma toys? Jara li ladarba dawn ġew mportati skond il-liġi għandhom allura jiġu reġistrati billi l-istess awtorita' u cioe' l-Weapons Office tal-Pulizija huma stess jagħmlu serial number fuqhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi skond il-liġi kull arma impurtata jeħtieġ li jkollha s-serial number sabiex tkun reġistrata. L-armi airsoft huma kkunsidrati bħala armi tan-nar skond il-liġi ta' l-armi. Peress li wħud minn dawn l-armi ma jkollhomx serial number, dawn mhux qed jiġu reġistrati. Qatt ma kienet il-proċedura li l-Pulizija tittimbra numru fuq armi tan-nar.

Mosta — Triq il-Mintbaħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm milli jsiru sleeping policemen mill-ġdid fi Triq il-Mintbaħ, Mosta u li din terġa' ssir one way biex jiġu evitati inċidenti serji peress li din it-triq tintuża ħafna mit-tfal li jiffrekwentaw il-Museum?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku irriżulta li r-‘road hump’ li għaliha qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari kienet ġiet approvata mit-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku fit-23 ta’ Novembru 1998. Iżda meta tali ‘road hump’ inbniet mill-kunsill lokali, din ma kienitx skond il-kriterji maħruga mit-taqsima. Għaldaqstant il-kunsill ingħata strużżjonijiet sabiex titneħħa tali ‘road hump’ izda sal-lum din ma reġgħetx ġiet implimentata skond il-kriterji meħtiega mit-taqsima. B’referenza għal one-way fi Triq Midbah, it-taqsima nfurmat lill-kunsill lokali diversi drabi sabiex din it-triq issir one-way kif approvata w ikun hemm biss ix-xarabank tar-rotta bil-‘ contraflow ’.

Mosta — Antenna tat-telegrafija

Question

Jista' l-Ministru jara xi prekawzjonijiet qegħdin jittieħdu dwar l-antenna tat-telegrafija li tinsab fil-Biżbiżija limiti tal-Mosta, li din qegħda preżentament ta' periklu għall-ajruplani li jittajru fil-baxx peress li d-dawl aħmar fuqha għall-avviż lill-ajruplani mhux qed jixgħel u ilu hekk żmien?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l- Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Deċiżjoni tal-Bord Mediku

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-proċedura li għandha tiġi segwita la darba m'hemmx appell minn deċiżjoni tal-bord mediku dwar il-każ tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament u dan wara snin li kien għadda bord mediku, għalkemm għadu ma jiflaħx reġa' tpoġġa fil-lista ta' persuni li qegħdin ifittxu x-xogħol? Ma taħsibx li f'każijiet partikolari bħal dawn, għandu jkun hemm sistema ta' review?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li, mid-dettalji provduti, ma kienx possibbli li jinstab il-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant. Għalhekk nitlob lill-Onor Interpellant jivverifika dawn id-dettalji u possibbilment jgħaddili n-numru tal karta ta’ l-identita tal-persuna konċernata, anki b’mod kunfidenzjali, biex il-każ ikun jista’ jiġi nvestigat.

San Ġiljan — Dangerous structure

Question

Jista' l-Ministru jgħid, il-proprjeta' li tinsab fil-pjanta mmarkata bil-blu fil-Qaliet, f'San Ġiljan min huma s-sidien ta' din il-blokka ndikata fil-pjanta bil-blu u dan peress li jidher li f'din il-blokka hemm dangerous structure?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) irċeviet żewġ applikazzjonijiet dwar is-sit imsemmi, kif ġej: PA 5158/04 u PA 0685/05. L-informazzjoni fuq dawn l-applikazzjonijiet, inklużi l-applikanti, hija diġà aċċessibbli pubblikament. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jinnota li mhux neċessarjament li l-applikant ikun is-sid.

Mosta — Ġnien l-Għarusa tal-Mosta

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jikkunsidra li fi Triq id-Difiża Ċivili fil-Mosta preċiżament ħdejn il-ġnien l-Għarusa tal-Mosta, ssir zebra crossing minħabba frekwenza tat-tfal fl-inħawi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku sa mis-sena 2003 irrizulta li ma kien hemm l-ebda talba għal zebra crossing hdejn il-ġnien l-Għarusa tal-Mosta mill-kunsill lokali jew mill-pubbliku.

Mosta — Triq id-Difiża Ċivili

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jikkunsidra li fi Triq id-Difiża Ċivili fil-Mosta viċin il-limiti tar-roundabout kantuniera ma' Triq Bistra fil-Mosta, ssir zebra crossing minħabba l-periklu li hemm fl-inħawi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku sa mis-sena 2003 irrizulta li ma kien hemm l-ebda talba għal zebra crossing fi Triq id-Difiza Civili mill-kunsill lokali jew mill-pubbliku.

Mosta — Triq Patri Guze Delia

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jikkunsidra li fi Triq Patri Ġuze Delia fil-Mosta (limiti taz-Zokrija) li minnha jgħaddi ħafna traffiku inkluż karozzi tal-linja ssir zebra crossing ħdejn l-istess viċinanzi tal-bus stop?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku sa mis-sena 2003 irizulta li ma kien hemm l-ebda talba għal zebra crossing fi Triq Patri Guze Delia mill-kunsill lokali jew mill-pubbliku.

Malta and Europe Hotels

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi l-funzjoni tal-Kontrollur tas-Soċjeta' Malta and Europe Hotels Ltd. (MEH), proprjetarja ta' l-ex Grand Hotel Excelsior fil-Furjana, liema soċjeta': . ilha f'idejn il-Kontrollur għal dawn l-aħħar 33 sena, minn wara l-għeluq tal-BICAL; . fl-4 ta' Diċembru 1998 (disa' snin ilu) ħallset lill-BICAL is-somma ta' Lm1,580,000 għas-saldu tad-dejn oriġinali ta' madwar nofs miljun Lira Maltin u għalhekk l-iskop ta' Kontrollur spiċċa dakinhar. X'kien qed jikkontrolla għal dawn l-aħħar disa' snin il-Kontrollur, u fl-interess u a spejjeż ta' min? X'inhi r-raġuni li l-istess Soċjeta' MEH għadha ma ġietx likwidata, wara disa' snin mill-ħatra ta' likwidatur, u dan mingħajr ma ntemmet il-ħatra ta' Kontrollur? Jista' l-Prim Ministru jiffissa terminu għal-likwidazzjoni? Jaf il-Prim Ministru li azzjonista maġġoritarju tas-Soċjeta' MEH, il-familja ta' l-Avukat Taljan Michele Martone li llum għandu 83 sena, kitbet lill-Onor. Franco Frattini, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea fi Brussell, fejn talbu jintervjeni biex tinstab soluzzjoni ekwa għal dan il-każ li ilu jkaxkar 33 sena? (Ara s-sit ta' l-internet www.marteitaliano.com.mt) Jidhirlu l-Prim Ministru li din il-Kamra għandha taħtar kummissjoni parlamentari biex tinvestiga u tipproponi miżuri xierqa u ġusti li jwasslu biex issir ġustizzja ma' l-azzjonisti tas-Soċjeta' MEH, kif ukoll biex nilqgħu għall-ħsara li qed issir fl-Ewropa għall-kredibilita' ta' Malta bħala ċentru serju ta' investiment barrani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-funzjoni tal-Kontrollur tas-soċjetà Malta and Europe Hotels Limited hija li jikkontrolla dik is-soċjetà sa l-istralċ definittiv tagħha. Is-soċjetà kienet tpoġġiet taħt kontroll meta il-bank BICAL kien ittieħed taħt kontroll u dan billi dik is-soċjetà u l-ġestjoni tagħha kienet intimament konnessa ma’ dik tal-Bank, u kien hemm anke diversi krediti u pretensjonijiet oħra fir-rigward ta’ l-istess Bank u l-azzjonisti tiegħu. Il-funzjoni tal-kontrollur hija għalhekk li s-soċjetà tiġi stralċjata sabiex jiġi assigurat li l-kredituri kollha ta’ l-istess soċjetà jieħdu kull wieħed dak li jistħoq lilhom skond il-liġi, u dak li jibqa’ wara li jiġu sodisfatti pjenament il-kredituri jiġi distribwit bejn l-azzjonisti, kull wieħed skond is-sehem azzjonarju tiegħu. Wara li saru l-pagamenti li l-Onorevoli Membri jsemmi lill-BICAL u sabiex jiġi assigurat l-interess ta’ kull kreditur u tal-pubbliku, anke wara ftehim ma’ l-azzjonist maġġoritarju ta’ l-istess soċjetà, saret mill-awtorità kompetenti ordni sabiex din is-soċjetà tiġi stralċjata fit-termini ta’ l-Att dwar Kumpaniji Kontrollati (Proċeduri ta’ Stralċ) 1995. Għalhekk, fuq senjelazzjoni ta’ l-istess azzjonist maġġoritarju, ġie nominat likwidatur tas-soċjetà u l-kontrollur ġie mitlub sabiex jgħaddi għall-finalizzazzjoni tal-proċedura ta’ stralċ. F’dan il-kuntest il-kontrollur għadda biex jippubblika u jagħmel ir-rapporti kollha definiti fil-liġi fuq imsemmija sabiex is-soċjetà, tiġi effettivament stralċjata, u llum hemm proċeduri pendenti quddiem il-Bord ta’ l-Appelli kostitwit bl-istess Att biex, wara d-deċiżjoni tiegħu, ikun hemm id-distribuzzjoni finali tal-fondi kollha appartenenti lill-istess soċjeta, kollox skond id-deċiżjoni ta’ l-istess Bord. Ir-raġuni prinċipali għan-nuqqas tal-likwidazzjoni finali tas-soċjetà fuq imsemmija tinsab fil-proċeduri legali li sija il-familja Martone kif ukoll l-aħwa Cecile u Henry Pace jew persuni li dderivaw l-interess tagħhom mingħand dawn, għoġobhom jipproponu fil-Qorti, sija dwar il-kwistjoni ta’ krediti oħra pretizi, sija wkoll dwar l-appartenenza ta’ l-ishma fl-istess soċjetà. Xi wħud minn dawn l-istanzi kienu ġew proposti anke qabel l-1995 u għalhekk, in rispett tas-sentenza mogħtija mill-Qorti Kostituzjonali f’kawża proposta mill-aħwa Pace, id-deċiżjoni fir-rigward ta’ tali istanza ma tispettax lill-Bord ta’ l-Appelli imma lill-Qorti, u wieħed bil-fors, fir-rigward ta’ tali pretensjoni, irid jistenna d-deċiżjoni tal-Qorti. Għandu jingħad ukoll li anke l-familja Martone ippreżentat kawzi fil-Qorti dwar il-proċedura ta’ stralċ pendenti u anke dawn jistgħu jkollhom effett li jwasslu biex itawwlu l-proċeduri. Naturalment wieħed irid jirrispetta l-indipendenza tal-Bord ta’ l-Appelli fil-qadi tal-funzjoni tiegħu, imma wieħed għandu jistenna li mad-deċiżjoni ta’ dan il-Bord tkun tista’ issir id-distribuzzjoni effettiva tal-fondi appartenti lil din is-soċjetà. Għaldaqstant, ma hux il-każ li jinħolqu strutturi ġodda biex issir ġustizzja ma’ l-azzjonisti tas-soċjetà Malta and Europe Hotels Ltd, iżda jkun aħjar li l-każ jitħalla għad-delibera tal-Bord ta’ l-Appelli kostitwit skond il-provvedimenti ta’ Att dwar Kumpaniji Kontrollati (Proċeduri ta’ Stralċ), Kap 383.

Management Code

Question

Peress li fiċ-ċirkostanzi preżenti meta: - l-eta' tal-pensjoni minn 60 sena telgħet għal 65 sena - hawn mewġa ta' ħaddiema li qed jitilfu x-xogħol tagħhom - ex-ħaddiema mpjegati fis-servizz pubbliku u mal-korporazzjonijiet governattivi li tkeċċew wara li nstabu ħatja b'sentenzi tal-qrati ġew reinstated fis-servizz pubbliku u fil-korporazzjonijiet li kienu jaħdmu fihom wara li ngħataw maħfriet presidenzjali, jidhurlux għalhekk il-Prim Ministru li ħaddiema li ġew boarded out fuq raġunijiet mediċi u ma jistgħux jerġgħu jiġu reinstated minħabba li għalqu l-50 sena għandhom jingħataw dan iċ-ċans jekk wara li japplikaw biex jidħlu lura għax-xogħol il-bord mediku jiddikjara li huma tajba li jerġgħu jassumu r-responsabbilta' tagħhom? Jaħsibx ukoll li għal dan il-għan, wasal iż-żmien li jiġi emendat il-management code u titneħħa klawsola 1.1..17.1(iii) li tgħid li biex tidħol lura jeħtieġ li tkun taħt il-50 sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li f’dan l-istadju m’hemmx il-ħsieb li tinbidel il-proċedura preżenti għal każijiet li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant.