Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bini tal-Kamarata — Xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kien li wasal biex tinbidel id-deċiżjoni li x-xogħol urġenti strutturali li hemm bżonn isir fil-bini tal-Kamarata jsir sa tmiem din is-sena, issa nbidlet u qed jintqal mid-Dipartiment tal-Bini u d-Djar li l-aktar kmieni li jista'jsir dan ix-xogħol hu wara r-Rebbiegħa ta'l-2000? Peress li diġa' kien hemm fondi allokati għax-xogħol fil-Kamarata, lejn fejn ġew diretti dawn il-fondi? Jaf li hemm periklu kbir li jekk ma jsirx ix-xogħol meħtieġ jistgħu jiġru aċċidenti serji fil-Kamarata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li wara li kienu saru numru sostanzjali ta' talbiet għal tiswijiet fil-blokk tal-Kamrata fi Triq il-Merkanti, l-Belt, id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar bagħat numru ta' uffiċjali tekniċi sabiex jagħmlu l-ispezzjonijiet meħtieġa. Jirriżulta li t-tiswijiet li hemm bżonn li jsiru m'humiex ta' natura sempliċi u li għalhekk ma jistgħux isiru mill-impjegati ta' l-istess Dipartiment mingħajr ma jkollhom jitwarrbu ħafna xogħolijiet ta' ċertu urġenza f'imkejjen oħra. Wara li ġabar l-informazzjoni meħtieġa, d-Dipartiment qed jikkunsidra jekk ikunx aħjar li x-xogħolijiet isiru b'kuntratturi privati permezz ta' tender pubblika wara li ssir sejħa għall-offerti. 8.6.99
Leg 9 PQ #7317 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Intern

Għawdex — Forti Chambrai

Question

Jista' l-Ministru, jekk jogħġbu, iwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 7114 fejn tlabtu jikkonferma li l-bini kollu li jinsab għaddej f'Forti Chambrai, Għawdex sal-lum hu kollu konformi mal-parametri u konduzzijonijiet fuq il-permessi għall-iżvilupp li ħarġu għall-proġett ta' Chambrai?

Response (BORG, TONIO)

B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7114 nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn spezzjoni li saret irriżulta illi saru pedamenti ta` wieħed mill-units residenzjali f`blokk 11, liema unit mhux ser jibqa` formanti ma blokk 11 iżda ser jiżdied ma blokk 13 kif approvat reċentament (PA5268-98). Fil-fatt f`blokk 13 dan il-unit diġa` tlesta sal-pedament. Ix-xogħol li sar żejjed f`pedamenti ta` dan il-unit f`blokk 11 issa ser jiġi mirdum. 31.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #7005 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru tal-Finanzi

Ministeru tal-Finanzi

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' figuri skond il-line items ewlenin għat-tlett xhur Jannar-Marzu, tas-snin 1996, 1997, 1998 u 1999 ta' dawn il-kategoriji ta' dħul: customs & excise; VAT & replacement; social security, kif ukoll ta' dwn il-kategoriji ta' nefqa: social security benefits; personal emoluments; u productive investments (taħt il-programm ta' spiża kapitali)? Il-kategoriji ta' dħul u ta' nefqa msemmija jidhru f'paġna 3 tan-News Release No. 27/99 Government Finance maħruġa fit-12 ta' Mejju, 1994 mis-C.O.S.

Response (DALLI, JOHN)

It-taghrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant qed jitpogga fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #7114 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Intern

Għawdex — Forti Chambray

Question

Jista' jekk jogħġbu l-Ministru jikkonferma li l-bini kollu li jinsab tiela' f'Forti Chambray, Għawdex hu sal-lum konformi f'kollox mal-parametri u kondizzjonijiet fuq il-permessi għall-iżvilupp li nħarġu għall-proġett ta' Chambray?

Response (BORG, TONIO)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra. 24.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #5934 Sitting 81 1999-03-29 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Intern

PA — PA1084/98

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 5839 dwar żvilupp fi Triq Antonio Schembri, Attard?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5839 ingħatat f'Seduta 78. 29.03.99
Leg 9 PQ #5839 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Intern

PA — PA 1084/98

Question

B'riferenza għall-permess PA 1084/98, Comp Nru. 18, dwar żvilupp fi Triq Antonio Schembri, Attard, jista' l-Ministru jispjega għaliex dan l-iżvilupp qed jitħalla jsir bi 32 filata 'l fuq mill-art fuq in-naħa ta' wara, mingħajr l-ispazju ta' għallanqas għaxar (10) piedi li tirrekjedi l-liġi għal bejn il-bini? Jaf il-Ministru li minħabba f'hekk, id-djar numri 3 u 5 fi Triq ir-Rand li għandhom ġonna ta' għaxar piedi fond, se jkunu kompletament magħluqa? Jaf li l-familji li joqogħdu f'dawn l-indirizzi qatt ma ġew informati bid-deċiżjoni tad-DCC u b'hekk ma setgħux lanqas jikkonsidraw li jikkontestaw id-deċiżjoni quddiem il-Planning Appeals Board?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-permess ta' l-iżvilupp PA 1084/98 biex jinbena ħanut bi 'store' taħtu u uffiċini fl-ewwel u t-tieni sular fi Triq Antonio Schembri - Ħ'Attard ġiet sottomessa minn Med Design Consultants Ltd għan-nom ta' Melbourne Garage, Attard, fis-27 ta' Frar 1998 u ġiet approvata mill-Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp fit-28 ta' Ottubru 1998. Jien infurmat li hija l-prattika tal-General Services Board li postijiet kummerċjali ta' inqas minn 40 pied jistgħu jingħataw permess għal bini mingħajr bitħa sakemm il-post huwa arjuż u mdawwal. F'dan il-każ il-btieħi ta' għaxar piedi li għandhom il-ġirien jissodisfaw ir-regolamenti sanitarji. Il-familji li joqgħodu f'numri 2 u 3 (mhux 3 u 5 kif jidher fil-mistoqsija) fit-Triq ir-Rand ġew avżati bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp permezz ta' ittra li nbagħtet fit-13 ta' Novembru 1998 lill-perit tagħhom li għan-nom tagħhom għamel l-oġġezzjoni. L-ittra ntbagħtet reġistrata bil-pink card u ġiet riċevuta fit-18 ta' Novembru 1998. Skond l-Att ta' l-1992 dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp, il-ġirien kellhom 30 jum biex jikkontestaw id-deċiżjoni quddiem il-Bord ta' l-Appell. 22.03.99
Leg 9 PQ #1851 Sitting 17 1998-11-30 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Customs & Excise Tax

Question

B'riferenza għall-comparative return of expenditure għall-perijodu 1/1/98 - 31/10/98, jista' l-Ministru, jekk jogħġbu: a) jispjega l-qabża fl-ispiża tal-linja (rikorrenti) "Customs & Excise Tax (VAT))" bejn Settembru għal Ottubru, 1998, minn Lm2,257,336 f'Settembru għal Lm6,946,232 f'Ottubru? Jista' l-Ministru jispjega: b) kif ġara li taħt il-linja ta' spiża rikorrenti "Water", f'Settembru, 1998 l-ispiża attwali mqabbla mad-disgħa xhur tas-sena ta' qabel kienet ta' Lm5,499,500 (1998) vs. Lm7,978,481 (1997), waqt li f'Ottubru, 1998 l-ispiża attwali mqabbla ma' l-għaxar xhur tas-sena ta' qabel kienet ta' Lm15,032,500 (1998) vs. Lm10,650,039 (1997)?

Response (DALLI, JOHN)

Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija, sa Settembru 1998, aktar minn Lm4.5 miljuni refunds dovuti taħt is-sistema tal-liġi tal-VAT ta` l-1995, kienu qed jiġu kkuntjati fit-Treasury Clearance Fund. Kif spjegajt fid-Diskors tal-Budget għall-1999, aħna rridu li l-figuri jirrappreżentaw s-sitwazzjoni rejali. Għalhekk, billi s-sistema tal-VAT kienet twaqqfet, u ma kenitx se tġġenera dħul biex jagħmel tajjeb għal dawn ir-refunds, ħadna passi immedjati biex dan l-ammont jiġi kkuntjat fil-Fond Konsolidat. L-istess jista` jingħad għat-tieni parti tal-mistoqsija: Sa Settembru 1998, Lm3.5 miljuni f`għajnuna li l-Water Services Corporation irċeviet mingħand il-Gvern is-sena l-oħra, kienu għadhom ikkuntjati fit-Treasury Clearance Fund. Hu fatt magħruf li din il-Korporazzjoni mhix f`qagħda li tħallas lura dawn il-flejjes. Għalhekk, proprju f`Ottubru, dan l-ikkuntjar ġie trasferit għall-Fond Konsolidat. Aktar minnhekk, `l fuq minn Lm5 miljuni, li jirrappreżentaw imgħaxijiet dovuti skond il-liġi mill-Water Services Corporation fuq debentures, li wkoll kienu intenzjonati li jispiċċaw jiġu kkuntjati fit-Treasury Clearance Fund, f`Ottubru li għadda ġew ikkuntjati fil-Fond Konsolidat.
Leg 9 PQ #656 Sitting 8 1998-11-09 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Assistent Segretarju

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid lil din il-Kamra min awtorizza lis-Sur Emmanuel Abela, Assistent Segretarju Privat tal-Prim Ministru biex jibgħat għall-impjegati taċ-Ċivil, li fl-amministrazzjoni preċedenti kienu jaħdmu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u jagħmlilhom mistoqsijiet dwar jekk is-Sur Patrick Calleja kienx iltaqa' mal-Prim MInistru ta' l-amministrazzjoni preċedenti? Jista' l-Prim Ministru jgħidilna meta kienu l-ġranet li s-Sur Abela bagħat għal dawn l-impjegati taċ-Ċivil? Jista' l-Prim Ministru jgħidilna min kienu l-impjegati taċ-Ċivil li bagħat għalihom is-Sur Abela? Jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra liema setgħat kien qed juża s-Sur Emmanuel Abela biex jibgħat għal dawn l-impjegati taċ-Ċivil?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Wara rapporti li dehru fl-istampa lokali fit-18 u 19 ta Ottubru 1998, fejn is-Sur Patrick Calleja ġie rrapurtat li qal li hu kien mar personalment f'Kastilja biex jagħti ittra lill-Prim Ministru Alfred Sant, is-Sur Emanuel Abela, li huwa d-designate Assistent Segretarju Privat tiegħi, kif kien fid-dover tiegħu li jagħmel skond il-position description tiegħu li tifforma parti minn dokument approvat mill-Kabinett u li jiena poġġejt kopja tiegħu fuq il-mejda ta' din il-Kamra fis-Seduta Parlamentari tat-2 ta' Novembru 1998, beda jieħu l-passi neċessarji sabiex tiġi lokaliżżata l-korrispondenza msemmija, fl-Uffiċċju tiegħi. Peress li minkejja dawn il-passi, l-ittra baqgħet ma nstabitx u peress ukoll li s-Sur Calleja kien ġie rrapurtat li qal li hu kien infurmat li l-ittra li hu kien kiteb lill-Prim Ministru Alfred Sant kienu għaddewha lill-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Abela kiteb lill-Kummissarju tal-Pulizija fid-19 ta' Ottubru 1998 fejn talbu jibgħat kopja ta' din l-ittra lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Fil-21 ta' Ottubru 1998, il-Kummissarju tal -Pulizija rrisponda lis-Sur Abela fejn infurmah li l-unika ittra miktuba mis-Sur Calleja li kien bagħatlu l-Prim Ministru Alfred Sant, kienet dik li ġġib id-data tat-22 ta' April 1998. Il-Kummissarju żied jgħid bl-aktar mod kategoriku li ħlief din l-ittra, ma kienet intbagħtitlu l-ebda ittra oħra ffirmata mis-Sur Patrick Calleja. Dan ġie kkonfermat ukoll permezz ta' Stqarrija għall-Istampa maħruġa fl-20 ta' Ottubru 1998 mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Kien għalhekk jirriulta f'dan l-istadju, li ittra li twasslet bl-idejn lill-Prim Ministru Alfred Sant u li allura kellha tinżamm fir-records uffijali ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, kienet mitlufa. Kien jirriżulta wkoll li kopja ta' din l-ittra li allegatament kienet intbagħtet lill-Kummissarju tal-Pulizija, qatt ma waslet għand l-istess Kummissarju. F'dawn iċ-ċirkustanzi, d-designate Assistent Segretarju Privat tiegħi, li fost ir-responsabbiltajiet tiegħu għandu dik li jassigura li l-files u l-korrispondenza jgħaddu kif suppost għall-attenzjoni tal-Prim Ministru u li jieħu ħsieb ukoll iż-żamma u s-sigurta' ta' l-informazzjoni kollha kemm dik kunfidenzjali kif ukoll dik ta' rutina, kif kien fid-dmir tiegħu li jagħmel, kompla jipprova jiġbor l-informazzjoni meħtieġa billi kellem lill-persuni responsabbli fiż-żmien li allegatament waslet l-ittra. Fil-fatt fil-21 ta' Ottubru 1998, huwa kellem lis-Sur Vincent Piccinino li kien is-Segretarju Privat tal-Prim Ministru Alfred Sant, dwar il-każ. Is-Sur Piccinino qal li ma kienx jiftakar li s-Sur Patrick Calleja qatt ġab xi ittra bl-idejn indirizzata lill-Prim Ministru jew lil xi uffiċjal ieħor fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li hu qatt ma ra lis-Sur Calleja fl-Uffiċċju msemmi. Żied jgħid ukoll li ma kienx jaf x'kienet il-proċedura li kienet tintuża kemm dam Segretarju Privat tal-Prim Ministru, dwar x'kien jiġri meta kienet tasal xi ittra bl-idejn. F'dan ir-rigward is-Sur Piccinino ssuġġerixxa lis-Sur Abela li jistaqsi lis-Sur Biagio Farrugia, li kien ic-Chief Messenger fis-Segretarjat Privat tal-Prim Ministru Alfred Sant. Is-Sur Abela ħa l-parir tas-Sur Piccinino u dak inhar stess kellem lis-Sur Biagio Farrugia li minn-naħa tiegħu qal li safejn kien jiftakar, is-Sur Patrick Calleja qatt ma ġab xi ittri bl-idejn fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Fl -istess waqt pero, is-Sur Farrugia qal li s-Sur Calleja kien ġie darbtejn fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u kellem lis-Sur Joe Borg, li dak iż-żmien kien l-Assistent Personali tal-Prim Ministru Alfred Sant. Is-Sur Farrugia żied jgħid li l-ewwel laqgħa tas-Sur Calleja mas-Sur Borg seħħet madwar xahar qabel l-elezzjoni li għaddiet, filwaqt li t-tieni waħda seħħet xi ġimgħa qabel l-istess elezzjoni. Fl-aħħarnett is-Sur Farrugia qal li ma jeskludix li s-Sur Calleja seta ġab xi ittra bl-idejn fl-assenza tiegħu, imma li f'dak il-każ din l-ittra kienet tkun rekordjata minn xi messġġier ieħor tas-Segretarjat Privat, f'reġistru li kien jinżamm apposta għal dan il-għan. Wara dan, is-Sur Abela fittex u fil-fatt sab żewġ reġistri ta' dan it-tip, li minn wieħed minnhom irriżulta li fid-9.15 am tat-18 ta' Awissu 1997, is-Sur Patrick Calleja kien ġab ittra indirrizata lill-Prim Ministru Alfred Sant. Ir-reġistru juri wkoll il-firma tas-Sur Patrick Calleja bħala l-persuna li kienet qed tikkonsenja l-ittra, kif ukoll il-firma tas-Sur Publius Gatt, messaġġier fis-Segretarjat Privat tal-Prim Ministru Alfred Sant, bħala l-persuna li rċeviet l-ittra. Barra minn dan, ir-reġistru juri wkoll li l-ittra ġiet referuta lis-Sur Vincent Piccinino, is-Segretarju Privat tal-Prim Ministru Alfred Sant, li meta kien ġie mistoqsi mis-Sur Abela, kien qal li ma kienx jiftakar li qatt ra xi ittra li kienet ġejja mis-Sur Patrick Calleja. Fiż-żewġ reġistri ma kien hemm l-ebda indikazzjoni ta' xi korrispondenza oħra li waslet mingħand is-Sur Patrick Calleja. Minn dan kollu jidher biċ-ċar li s-Sur Emanuel Abela, d-designate Assistent Segretarju Privat tiegħi, qeda dmiru kif kien mistenni minnu bħala Uffiċjal Pubbliku, u li l-passi li ħa mhux biss kienu korretti għall-aħħar imma li wasslu biex jiġu stabbiliti fatti li ma kienux magħrufa qabel. Jidhirli li l-Kap ta' l-Oppożżizzjoni għandu jispjega x'sar minnha l-ittra jew ittri msemmija li rċieva bħala Prim Ministru u li ma nstabux.
Leg 9 PQ #485 Sitting 5 1998-11-02 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Maħfra presidenzjali lil Joseph Fenech

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 1, jista' jekk jogħġbu l-Prim Ministru jagħti r-raġunijiet li wasslu biex il-maħfra presidenzjali tingħata lil Joseph Fenech ukoll għar-reat kommess fil-5 ta' Settembru, 1992, f'175 Tower Road, Sliema ta' serq bi vjolenza? X'inhi l-konnessjoni bejn dan ir-reat u l-attakk fuq il-ħajja tas-Sur Richard Cachia Caruana?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ir-raġunijiet għall-maħfra kienu dawk spjegati fir- risposti li tajt għad-Domanda Parlamentari numru wieħed. Intenni li l-maħfra ngħatat fl-interessi tal-ġustizzja. Ma nistax nagħti dettalji dwar it-tieni domanda meta għad hemm diversi ġurijiet pendenti. Infakkar l-Onor Kap ta' l-Oppożizzjoni li huwa dam sentejn Prim Ministru responsabbli għall-Pulizija u jekk kellu xi dubji kien obbligu tiegħu li jfittex l- informazzjoni. Nerġa nistieden lill-Kap ta' l-Oppożizzjoni jispjega ċar fl-interess ta' min qed jagħmel id-domandi tiegħu u ninfurmah ukoll li ma hemm ebda verita fl-allegazzjoni tiegħu magħmula l-bieraħ li xi xhud fil-ġuri li ġie xjolt infurmani direttament jew indirettament dwar dak li kien ser jgħid lill-Qorti bil-magħluq.