Legislature:
Category:
Reset
Active:

Housing

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga l-każ tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħatu under separate cover li toqgħod għand omm il-mara fil-Pieta' f'post b'kamra waħda fejn joqogħdu 7 persuni. Huma applikaw għal housing soċjali u għadhom bla tweġiba ta' xejn? Jista' jara jekk dil-familja tistax tingħata l-għajnuna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Xogħol

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-każ tal-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament li nstab qed jaħdem ma' car wash, fid-19 ta' Ottubru u nqata' minn fuq ir-reġistru tan-nies qgħeda, peress li jirriżulta li l-persuna daħlet taħdem full-time mal-ħanut imsemmi fil-15 ta' Ottubru, wara li wieġeb għal sejħa fil-gazzetti, is-sid tal-post insista li jħaddmu għal ġimgħa bla ktieb tax-xogħol ''bi prova'', u wara li ġew l-ispetturi tal-Labour Office, irrifjuta li jħaddmu? Ma jidhirlekx li qed jitwettaq inġustizja ma' din il-persuna li tibqa' maqtugħa mir-reġistru fiċ-ċirkostanzi msemmija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fil-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, l-ispezzjoni mill-ispetturi tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ġiet esegwita nhar il-Ġimgħa 19 ta' Ottubru 2001 fis-sebgħa nieqes kwart ta' fil-għaxija. Ir-raġuni għaliex is-Sur Borg ġie maqtugħ mir-reġistru ta' dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol, hija propju għax instab jaħdem waqt li kien qed jirreġistra għax-xogħol. Kontra sid il-post tax-xogħol sejrin jittieħdu dawk il-proċeduri kollha kontemplati mill-liġi fir-rigward ta' dawk is-sidien tan-negozji li jonqsu li jimlew il-formola ta' bidu ta' mpjieg tal-ħaddiema tagħhom kif huma obbligati li jagħmlu skond l-istess liġi. Dwar l-aħħar parti tad-domanda nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata tista' tressaq appell quddiem l-Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol fi żmien ħmistax minn mindu nqagħtat mir-reġistru.

Arka Foundation

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fhiex waslet it-talba ta' l-Arka Foundation ta' Għawdex biex tingħata somma bħala grant-in-aid mill-budget ta' din is-sena biex il-fondazzjoni tkun tista' tvara il-proġetti tagħha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-kumitat maħtur biex jagħti l-parir dwar talbiet għall-alokazzjoni ta' fondi lill-NGOs, fosthom dik mill-Fondazzjoni Arka, għadu qed jiltaqa' biex jevalwa t-talbiet u jħejji r-rapport.
Leg 9 PQ #26189 Sitting 546 2001-06-04 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartiment ta' l-Informazzjoni

Question

B'referenza għal press release nru. 802 tad-Dipartiment ta' l-Informazzjoni (29.05.2001) dwar kif żdiedu l-allowances għall-kapijiet taċ-Ċivil, jista' jekk jgħoġbu jikkonferma li fl-istess żmien, ma saru ebda xidiet fl-allowances tal-membri tal-Kabinett? Fil-każ li saru xi żidiet, jista' jagħti informazzjoni dwarhom?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nikkonferma li fl-istess żmien ma saru ebda żidiet fl-“allowances” tal-membri tal-Kabinett.
Leg 9 PQ #25874 Sitting 540 2001-05-21 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru għal Għawdex

Garage fi Stat Perikoluż

Question

Tista' l-Ministru tgħid għal liema raġuni l-garage ta' Flat 1, Dr. Anton Tabone Street, f'Taċ-Ċawla Hsg Et, Rabat, Għawdex baqa' ma' ġiex imsewwi, meta xi 10 garages fl-istess zona ġew irrangati u meta l-garage imsemmi hu fi stat perikoluż ħafna? Tista' tieħu passi immedjati biex it-tiswijiet fil-garage imsemmi jsiru minnufih?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li bħalissa għaddej programm ta’ xogħolijiet ta’ tiswija tal-garages f’Taċ-Ċawla Housing Estate, ir-Rabat, Għawdex u attwalment qed isiru x-xogħolijiet meħtieġa fuq il-garage msemmi.
Leg 9 PQ #25687 Sitting 537 2001-05-14 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-laqgħat li saru sa issa tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja mwaqqfa taħt il-Kostituzzjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja hija mwaqqfa skond il-Kostituzzjoni u l-Eżekuttiv ma għandux aċċess għall-minuti tal-laqgħat tal-Kummissjoni. Wieħed mill-għaxar membri tal-Kummissjoni huwa nnominat mill-Prim Ministru u membru ieħor mill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni. Ma naħsibx li jkun prudenti li nitlob kopja tal-minuti jew li dawn il-minuti jiġu ppublikati.
Leg 9 PQ #23797 Sitting 534 2001-04-30 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid hekk hemmx impjegati tal-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali jew impjegati oħra li huma bbażati hemm li għandhom xi allowances marbutin mal-karigi tagħhom? Jekk fl-affermattiv, x'inhuma l-ammonti, fuq liema kriterju ġew mogħtija, min ħa d-deċiżjoni li jingħataw u kemm jingħataw? Barra l-allowances hemmx xi vantaġġi oħra li jingħata bħal ħlas ta' fuel għal karozzi privati u uffiċjali, użu ta' mobile phones kif ukoll ħlas ta' kontijiet tat-telefon ta' djar privati? Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawn in-nies u l-vantaġġi li għandhom, kemm jekk huma mħallsa mill-grant tal-ministeru kif ukoll jekk inhuma mħalls minn proġetti li qed jiġu mogħtija lil fondazzjoni jew l-istituti tagħha?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #23794 Sitting 503 2001-02-26 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-librar tal-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali li suppost huwa impjegat full-time iqatta' biss ftit sigħat kuljum hemm u b'hekk għal sigħat twal u ġranet sħaħ il-librerija tkun magħluqa? Jista' jgħid ukoll jekk dan għandux permess speċjali mill-kap eżekuttiv tal-fondazzjoni biex jassenja ruħu għal ħin daqshekk twil barra, kif ukoll biex jagħmel użu ta' l-uffiċċju fil-fondazzjoni għal xogħol privat tiegħu konness mal-players tal-footballta' dixxendenza Afrikana?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' persuni li jużaw il-Librerija tal-Foundation hu żgħir u l-futur tagħha qed jiġi kkunsidrat fil-kuntest ta' riorganizzazzjoni fi ħdan il-Foundation. Il-Librar hu l-unika persuna fil-Librerija. Jekk ikun marid jew bil-leave il-Librerija tinżamm magħluqa u r-receptionist tipprova tgħin sa fejn ikun possibli. Ma jirriżultali ebda ilment mill-pubbliku dwar inaċċessibilita`. Informat ukoll li diversi persuni ta' nazzjonalita` niġerjana, inkluż l-Ambaxxatur Niġerjan għal Malta, il-Konslu Malti f'Lagos u studenti universitarji ifittxu l-Librar għal pariri.
Leg 9 PQ #23795 Sitting 503 2001-02-26 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali — Roots Programme

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu x-xogħol tal-konsulent tar-Roots Programme u kif inhu konness mal-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali? Jekk fin-negattiv, min ħa d-deċiżjoni li dan ikun ibbażat hemm u xi ħlas qed jingħata? Jista' jgħid jekk il-ħlas hux qed joħroġ mill-fondi tal-fondazzjoni jew proġetti mogħtija lilha? Minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja prekarja kien il-każ li dan ix-xogħol jingħata lil xi impjegat li diġa' qiegħed il-fondazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li r-Roots Programme jappartjeni għall-Ministeru tat-Turiżmu, nissuġġerixxi li l-Mistoqsija tiġi indirizzata lill-Ministeru konċernat.
Leg 9 PQ #23797 Sitting 503 2001-02-26 Oral · Interim From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid hekk hemmx impjegati tal-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali jew impjegati oħra li huma bbażati hemm li għandhom xi allowances marbutin mal-karigi tagħhom? Jekk fl-affermattiv, x'inhuma l-ammonti, fuq liema kriterju ġew mogħtija, min ħa d-deċiżjoni li jingħataw u kemm jingħataw? Barra l-allowances hemmx xi vantaġġi oħra li jingħata bħal ħlas ta' fuel għal karozzi privati u uffiċjali, użu ta' mobile phones kif ukoll ħlas ta' kontijiet tat-telefon ta' djar privati? Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawn in-nies u l-vantaġġi li għandhom, kemm jekk huma mħallsa mill-grant tal-ministeru kif ukoll jekk inhuma mħalls minn proġetti li qed jiġu mogħtija lil fondazzjoni jew l-istituti tagħha?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #23799 Sitting 503 2001-02-26 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Fondazzjoni ta' l-Istudji Internazzjonali — Fondi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux pjani għal Fondazzjoni ta' l-Istudji Internazzjonali in ġenerali kif ukoll għall-istituti li jappartjenu lill-Universita' iżda li huma bbażati l-fondazzjoni? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'inhuma dawn il-pjani u meta se jibdew jiġu implimentati? Jista' jgħid jekk hemmx mekkaniżmu indipendenti biex jassigura illi l-grant li jingħata mill-ministeru tiegħu qed jiġu wżati biss għall-istess fondazzjoni u l-istituti/programmi tagħha u mhux għal xi programmi ta' ministeru ieħor jew l-uffiċċju internazzjonali ta' l-Universita'?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li għadni qed nofformola proposti dwar il-ġejjieni ta' l-FIS, m'hinix f'pożizzjoni li f'dan l-istadju nagħti t-tagħrif mitlub fl-ewwel żewġ partijiet tal-Mistoqsija. Dwar it-tielet parti tad-domanda il-pożizzjoni hija din: 1. L-Uffiċċju Internazzjonali ta' l-Universita` huwa parti integrali mill-FIS; 2. Illi l-għotja tal-Gvern lill-FIS hija ta' Lm90,000 fis-sena fil-waqt li l-'wage bill' għal din is-sena se tkun ta' ċirca Lm190,000. Dan ifisser li l-grant tal-Gvern tkopri biss parti mill-'wage bill', il-bqija irid jinkiseb minn programmi u attivitajiet tal-Fondazzjoni. 3. L-accounts ta' l-FIS huma regolarment awditjati minn kumpanija ta' awdituri ta' reputazzjoni internazzjonali (Pricewaterhousecoopers).
Leg 9 PQ #23371 Sitting 493 2001-02-14 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari nru. 23262 dwar impjegati full-time mad-dipartiment ta' l-edukazzjoni, jekk qed nifhem tajjeb it-tweġiba li tajtni, jien nista' neħodħa li b'riżultat tas-sistema l-ġdida fil-mod kif jinġabru ċ-ċifri dwar ħaddiema full-time mad-dipartiment instab li, bejn Ottubru u Novembru 2000, id-dipartiment ta' l-edukazzjoni kien qiegħed jirreġistra li kellu 84 impjegat full-time aktar milli kellu effettivament? F'liema kategoriji, bi breakdown ta' numri f'kull kategorija, kienu jinsabu dawn l-impjiegi fittizji?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-istatistika kkwotata, id-differenza fin-numru ta' l-impjegati murija bħala full-timers u każwali li ħarġet għal Malta u Għawdex, jiġifieri 7515 u 7431, tirrapreżenta tnaqqis fiż-żewġ kategoriji, jiġifieri ta' 23 fost il-full-timers u 61 casuals. Ġa' għamilt aċċenn fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23262, li jeżisti ħafna ċaqliq fost il-casulas u dan minħabba n-natura tar-rabta li għandhom.
Leg 9 PQ #23371 Sitting 487 2001-02-06 Oral · Interim From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari nru. 23262 dwar impjegati full-time mad-dipartiment ta' l-edukazzjoni, jekk qed nifhem tajjeb it-tweġiba li tajtni, jien nista' neħodħa li b'riżultat tas-sistema l-ġdida fil-mod kif jinġabru ċ-ċifri dwar ħaddiema full-time mad-dipartiment instab li, bejn Ottubru u Novembru 2000, id-dipartiment ta' l-edukazzjoni kien qiegħed jirreġistra li kellu 84 impjegat full-time aktar milli kellu effettivament? F'liema kategoriji, bi breakdown ta' numri f'kull kategorija, kienu jinsabu dawn l-impjiegi fittizji?

Response (GALEA, LOUIS)

Qed nivverifika t-tagħrif biex tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #23262 Sitting 484 2001-02-02 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni

Question

B'riferenza għal mistoqsijiet preċedenti li għamilt lilek u lill-Ministru tas-Servizzi Ekonomiċi dwar analiżi ta' impjegati mal-Gvern bejn Ottubru u Novembru 2000, jirriżulta li n-numru ta' nies impjegati full-time mid-dipartiment ta' l-edukazzjoni naqsu b'84, minn 7515 għal 7431 (Ghawdex inkluż) Jista' jekk jgħoġbu, il-Ministru jagħti breakdown ta kif sar dan t-tnaqqis sinifikattiv fuq xahar wieħed?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-differenza fin-numru ta' l-impjiegi indikata tfaċċat minħabba l-bidla li ġiet introdotta biex jinġabru l-figuri ta' l-impjiegi fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Fil-fatt dawn bdew jinġabru mid-database (HRIMS) li llum teżisti fil-maġġoranza tad-Dipartimenti tal-Gvern. Qabel kien isir kollox b'mod manwali fejn il-figuri kienu jiżdiedu u jitnaqqsu xahar wara xahar bil-konsegwenzi li dan seta' ġab miegħu. Informat ukoll li d-Diviżjoni timpjega numru kbir ta' staff part-time/każwali li minħabba n-natura tar-rabta li għandhom, id-Diviżjoni kontinwament tesperjenza caqliq fin-numru tagħhom. Kien proprju minħabba li s-sistema manwali mhux dejjem kienet qed tirrifletti fedelment is-sitwazzjoni attwali tan-numru ta' l-impjegati, li ġie deċiż li tibda tintuża d-database kompjueterizzata li hi regolarment aġġornata b'mod ċentrali għad-Dipartimenti kollha. Lista ta' l-impjegati li rriżenjaw jew irtiraw fil-perjodu msemmi qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #22976 Sitting 478 2001-01-29 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni

Question

B'riferenza għat-tweġiba li ngħatajt għal mistoqsija parlamentari nru. 22712 biex niġi provdut b'analiżi ta' kif dipartimenti u kumpaniji tal-gvern kellhom nies impjegati magħhom f'Ottubru 2000, u f'Novembru 2000, peress li skond it-tweġiba, f'Ottubru 2000 id-dipartiment ta' l-edukazzjoni kellu 3,228 raġel u 4,287 mara impjegati full-time miegħu, u f'Novembru 2000, fl-istess dipartiment kellu 2,886 raġel u 3,749 mara, jiġifieri f'xahar seħħ tnaqqis ta' 880 impjegat full-time, tista' jekk jgħoġbok tispjega r-raġunijiet għal dan t-tnaqqis sensazzjonali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-differenza li għamel referenza għaliha l-Onor. Membru, hija spjegata mill-fatt li waqt li fl-analiżi għax-xahar ta' Ottubru 2000, l-impjegati tad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni ġo Għawdex ġew inklużi fil-figuri għal Malta, fix-xahar ta' Novembru 2000, dawn l-impjegati kienu inklużi taħt il-figuri għal Għawdex.
Leg 9 PQ #22977 Sitting 478 2001-01-29 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Edukazzjoni

Question

B'riferenza għat-tweġiba li ngħatajt għal mistoqsija parlamentari nru. 22712 biex niġi povdut b'analiżi ta' kif dipartimenti u kumpaniji tal-gvern kellhom nies impjegati magħhom f'Ottubru 2000 u f'Novembru 2000, peress li skond din it-tweġiba f'Ottubru 2000, id-dipartiment ta' l-edukazzjoni kellu 3,228 raġel u 4,287 mara impjegati full-time miegħu, u f'Novembru 2000, fl-istess dipartiment kellu 2,886 raġel u 3,749 mara, tiġifieri f'xahar seħħ tnaqqis ta' 880 impjegat full time, tista' jekk jgħoġbok tispjega r-raġunijiet għal dan t-tnaqqis sensazzjonali?

Response (BONNICI, JOSEF)

Id-diskrepanza li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant tirriżulta minħabba l-fatt li fit-tabella li tajt, waqt li ċ-ċifri ta' l-impjegati Għawdxin fid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni għal Ottubru dehru bħala parti miċ-ċifri għal Malta, f'Novembru dawn dehru maċ-ċifri għal Għawdex.
Leg 9 PQ #23197 Sitting 478 2001-01-29 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjoni

Question

B'riferenza għall-applikazzjoni ECF 556/00 għal ftuħ ta' ħanut tal-ħelu PA5003/99 f'41 Annunciation Street, Ħamrun, minflok stabiliment ta' natura differenti, in vista ta' l-oġġezzjonijet li saru minn residenti fiz-zona imsemmija u ċ-ċaħda ta' permess għal dik il-bidla, jista' l-Ministru, jekk jogħġbu, jinformana x'inhi l-pożizzjoni fuq din il-materja u jassigura li x-xewqat tar-residenti jingħataw kull konsiderazzjoni xierqa?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa` huwa nfurmat l-Onorevoli Interpellant, l-applikazzjoni PA 5003/99 għall-bdil ta` użu għal confectionery diġa` ġiet rifjutata fis-6 ta` Marzu 2000. L-applikant iżda, għażel li jappella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Bord ta` l-Appell skond il-poteri li ttih il-liġi. Il-proċedura segwita mill-Bord hija li jinnotifika lil min oġġezzjona bil-miktub dwar l-istess applikazzjoni, u l-istess persuni jkunu jistgħu jattendu għas-smiegħ tal-każ quddiem l-istess Bord.
Leg 9 PQ #22806 Sitting 473 2001-01-22 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Impjegat

Question

B'riferenza għar-risposta mogħtija lil mistoqsija parlamentari numru 22651, dwar l-appuntamenti taċ-chairman ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, bħala structural consultant/structural engineering and management consultant/project manager, tista' jekk jogħġbok tagħti lista tal-karigi fl-istess funzjonijiet li kellha l-persuna msemmija qabel saret chairman ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?

Response (BORG, TONIO)

1975 - 1978 Graduate Engineer mal-Malta Consult International. 1978 - 1982 Structural Engineer ma` numru ta` kumpaniji f`Adelaide, l-Awstralja inkluż bħala Professional Officer ma` Adelaide City Council. 1982 - 1989 Structural Engineer mal-Building Development Department tal-Gvern ta` Hong Kong. 1989 - 1991 Technical Manager mal-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp. 1991 - 1997 Kunsulent u aktar tard Managing Consultant mal-MSU. 1997 - General Manager (Properties) ma` L. Farrugia & Sons. Is-Sur Falzon ngħata l-warrant ta` A&CE fl-1996.
Leg 9 PQ #22712 Sitting 472 2001-01-19 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Settur Pubbliku/Kumpanniji

Question

Jista' l-Ministru jagħti analiżi dettaljat dipartiment b'dipartiment u statutory body bi statutory body ta' kif inbidlu l-impjiegi fis-settur pubbliku bejn Novembru u Ottubru 2000 f'termini ta' numri totali ta' impjegati f'kull dipartiment skond it-tabella tal-labour statistics maħruġa mil-COS? Jista' jipprovdi l-istess analiżi għal dawk il-kumpannji fejn il-gvern għandu shareholding maġġoritarju (servizzi u produzzjoni diretta) u fejn ma jistax jintqal li informazzjoni bħal din tikkawża problemi kummerċjali għax id-ditti konċernati jinsabu f'qagħda monoplistika (eż. il-Gozo Channel), dejjem skond it-tabella tal-labour statistics maħruġa mil-COS?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba dwar it-tibdil fl-impjiegi fis-settur pubbliku bejn Novembru u Ottubru 2000 kif provduti lill-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ. L-informazzjoni mitluba dwar "statutory bodies", provduta lill-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika mill-Korporazzjoni msemmija fuq, hija kif ġej: OTTUBRU NOVEMBRU Irġiel Nisa TOTAL Irġiel Nisa TOTAL Korpi Statutorji Indipendenti 6678 1485 8163 6681 1497 8178 Kumpaniji fejn il-Gvern għandu shareholding maġġoritarju 6185 1380 7565 6462 1364 7826 Ta' min jinnota li ż-żieda ta' 261 fit-total ta' Novembru fuq dak ta' Ottubru relattiv għall-kumpaniji b'shareholding maġġoritarju tal-Gvern hija dovuta fil-parti l-kbira għall-ħaddiema tal-Maltapost plc li eżerċitaw id-dritt taghħom li jħallu l-impjieg mal-Gvern u jmorru mal-Maltapost.
Leg 9 PQ #22651 Sitting 469 2001-01-16 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Impjegat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu appuntat chairman ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, kemm huwa minnu li l-persuna appuntata bħalissa kienet wkoll project manager għal żewġ proġetti turistiċi kbar? Jekk iva, liema huma dawn il-proġetti? Jekk iva, ic-chairman ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar daħal bħala project manager wara li sar chairman ta' l-Awtorita'? Jekk iva, tista' jekk jgħoġbok tindika d-dati relevanti għall-ipproċessar tal-proġetti involuti mill-Awtorita', mad-data ta' l-ewwel talba li saret għalihom u data ta' l-aħħar permess li ħareġ?

Response (BORG, TONIO)

Ic-Chairman ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ġie appuntat fl-l ta` Novembru, 1998. Mall-ħatra tiegħu huwa ddikjara l-interessi tiegħu skond il-Kodiċi ta` Etika għal Diretturi ta` Bordijiet fis-settur pubbliku. Din id-dikjarazzjoni tindika li huwa kien impjegat bħala General Manager (Properties) mad-ditta L. Farrugia & Sons u s-sussidjarji tagħha. Fit-8 t`Awissu 2000, ġie ddikjarat li l-persuna ġiet imqabbda f`dik id-data bħala Structural Consultant fil-Hyperion Hotel Project f`Buġibba. Fit-12 ta` Settembru 2000, ġie ddikjarat li l-persuna ġiet appuntata f`dik id-data bħala Structural Engineering u Management Consultant lil La Salita Hotel Project fil-Mellieħa. Fis-7 ta` Novembru 2000, ġie ddikjarat interess professjonali fil-proġett Villa Cassar Torreggiani, San Ġiljan, peress li min dik id-data l-persuna ġiet imqabbda biex tagħti s-servizzi tagħha fi Project Management. Id-dati rilevanti għall-ipproċessar tal-proġetti involuti mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar huma hekk: Hotel Hyperion PA 3882/00 Għall-estensjoni u alterazzjoni tal-Hotel Hyperion, Qawra li ġiet sottomessa fil-21 ta` Lulju 2000, u ġiet deċiża mill-Bord ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar fis-26 ta` Ottubru 2000. La Salita Hotel PA 2825/98 Outline application biex tinbena La Salita Hotel, Mellieħa, ġiet sottomessa fl-14 ta` Mejju 1998, u ġiet deċiża fl-1 ta` Settembru 1999. PA 5588/99 Full development ta` La Salita Hotel skond PA 2825/98 ġiet sottomessa fit-23 ta` Novembru 1999, u ġiet deċiża fis-16 ta` Ottubru 2000. Talba għal rikunsiderazzjoni ta` waħda mill-kundizzjonijiet ġiet sottomessa fil-15 ta` Novembru 2000, u ġiet rifjutata fl-10 ta` Jannar 2001. PA 5365/00 Biex isiru alterazzjonijiet fuq id-disinn tal-faċċata u alterazzjonijiet żgħar oħra nterni. Ġiet sottomessa fid-9 t`Ottubru 2000, u deċiża fis-6 ta` Novembru 2000. PA 5452/99 Biex jitwaqqa` bini eżistenti u tinbena lukanda. Ġiet linked ma` PA 5588/99 u ġew deċiżi flimkien fis-16 ta` Ottubru 2000. PA 6467/00 Biex jiġu emendati l-pjanti approvati. Ġiet sottomessa fid-19 ta` Diċembru 2000, u qed tiġi pproċessata. Villa Cassar Torreggiani PA 2360/92 Outline application PA 2360/92 ġiet sottomessa fl-1 ta` Frar 1993, u ġiet deċiża fl-1 ta` Lulju 1999. PA 0654/00 Full Development Application skond PA 2360/92, ġiet sottomessa fit-8 ta` Frar 2000, u deċiża fit-13 ta` April 2000. F`kull każ imsemmi, ic-Chairman iddikjara l-interess tiegħu fl-applikazzjoni u ma ħa ebda sehem fit-trattativi ma` l-Awtorita`, u lanqas ħa sehem fil-kunsiderazzjoni ta` dawn l-applikazzjonijiet mill-Bord ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar.