Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #36520 Sitting 821 2002-11-27 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm għandha dejn l-Enemalta illum?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 35933 magħmula minnu stess waqt is-Seduta numru 812.
Leg 9 PQ #36521 Sitting 821 2002-11-27 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm għandha dejn il-Maltacom?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni li qed tintalab hija ta' natura kummerċjali u għaldaqstant ma jkunx fl-interess ta' l-azjenda li tali nformazzjoni tingħata. Tajjeb jingħad li l-pożizzjoni finanzjarja tal-Maltacom hija spjegata b'mod ċar fir-Rapport Annwali tagħha.
Leg 9 PQ #36522 Sitting 821 2002-11-27 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Nassaba

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex fil-ftehim li sar bejn Malta u l-Unjoni Ewropea n-nassaba jridu jirreġistraw il-mansab tagħhom? Dan ifisser illi kull mansab se jkollu bżonn permess mill-MEPA u li kull nassab 'il quddiem irid ikollu titolu ta' l-art li fuqha jsir l-insib? Hemm ħsieb illi 'l quddiem ma jinħarġux permessi ġodda għall-imnasab u jistax nassab ikollu aktar minn mansab wieħed?

Response (BORG, TONIO)

Kull nassab liċenzjat ser ikollu obbligu li jindika l-inħawi ta` fejn jinsab il-mansab tiegħu. Ma qed tiġi introdotta l-ebda miżura oħra marbuta mat-titlu jew permess tal-mansab.
Leg 9 PQ #36523 Sitting 821 2002-11-27 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Billi kullħadd jaf illi ġo bajja li hemm bejn il-Ġnejna u l-bajja ta' Għajn Tuffieħa qed ikun hemm ħafna persuni jgħumu mingħajr malji u anki qed isiru ħafna attijiet oxxeni u ndiċenti, jista' il-Ministru jgħid kemm tressqu persuni din is-sena fuq dan l-abbuż lampanti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa` xhur ta` din is-sena kien hemm żewġ persuni li tressqu quddiem il-Qorti fuq akkużi li neżgħu għarwenien jew ma kienux lebsin xieraq fil-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #36524 Sitting 821 2002-11-27 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Konkatidral ta' San Ġwann

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw persuni għall-kustodji part-time fil-konkatidral ta' San Ġwann? Kif intgħażlu dawk magħżula u sarx xi forma ta' eżami u/jew interview?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Fondazzjoni Konkatidral ta' San Ġwann ma taqax taħt id-Dipartiment tal-Mużewijiet.
Leg 9 PQ #35976 Sitting 820 2002-11-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bullying

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta' bullying fl-iskejjel din is-sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li din is-sena skolastika, s'issa waslu 3 rapporti għand id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, iżda wieħed kien fuq "bullying" li sar is-sena l-oħra.

Gżira — Manoel Street

Question

Jista' il-Ministru jara li tiġi mċaqalqa il-parking space għall-trakkijiet minn fejn qiegħdha bħalissa ġo Manoel Street Gżira maġemb il-Marshall Court peress li qed isir ħafna storbju kmieni filgħodu taħt it-twieqi tar-residenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ma nstab l-ebda' dokument fejn id-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku approva xi parking space bħala un/loading bay fit-triq imsemmija.
Leg 9 PQ #36516 Sitting 820 2002-11-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Kaċċa

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk f'każ li 'l quddiem il-kumitat ORNIS jiddeċċiedi li qed ikun hemm tnaqqis serju f'xi speċi ta' tajra li tista' tiġ ikkaċċjata dan il-kumitat jistax jordna illi l-kaċċa fuq dan l-ispeċi tieqaf?

Response (BORG, TONIO)

In-numru ta` għasafar li jinqabdu f`Malta huwa żgħir. L-għasafar li jistgħu jiġu kkaċċjati f`pajjiżna jiġu ikkaċċjati fil-15-il pajjiż tal-UE. Barra minn hekk din hi mistoqsija ipotetika u allura kull risposta li tista` tingħata tkun ipotetika ukoll.
Leg 9 PQ #36517 Sitting 820 2002-11-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Tarzna

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm għandha dejn it-Tarzna illum?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 35929 magħmula minnu stess waqt is-Seduta numru 812.
Leg 9 PQ #36518 Sitting 820 2002-11-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Airmalta

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm għandha dejn l-Airmalta illum?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li l-pożizzjoni finanzjarja ta' l-Air Malta hija spjegata b'mod ċar fir-rapport annwali tagħha.
Leg 9 PQ #35970 Sitting 819 2002-11-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM

Question

Jista` l-Prim Ministru jgħid jekk is-suldati li qed jgħassu l-immigranti klandestini humiex imlaqqma kontra mard li jittieħed bħall-hepatitis u tuberculosi fost mard ieħor.

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li kull suldat li ghandu kuntatt mal-klandestini huwa mlaqqam jew qieghed jitlaqqam kontra l-hepatite u t-tuberkulosi u mard iehor. Permezz ta’ programm ta’ tilqim u “screening” li beda fl-2001, hafna membri tal-Forzi Armati huma mlaqqma kontra mard li jittiehed.
Leg 9 PQ #35971 Sitting 819 2002-11-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Prostituzzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jitlajjaw għal skopijiet ta' prostituzzjoni din is-sena? Kemm minn dawn kienu nisa, irġiel u/jew taħt l-eta'? Fejn inqabdu jitlajjaw?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa` xhur ta` din is-sena tressqu quddiem il-Qorti 36 persuna, bosta minnhom diversi drabi, fuq akkużi relatati ma` prostituzzjoni fil-Gżira, Marsa u Msida. Ħadd minn dawn ma kien taħt l'eta`, filwaqt li erba` kienu rġiel.
Leg 9 PQ #35972 Sitting 819 2002-11-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Airmalta — Summer Workers

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm summer workers ma' l-Airmalta din is-sena? Kemm minn dawn ħadmu ma' l-Airmalta darba oħra u kemm-il darba individwalment?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li din is-sena kien hemm 368 summer worker ma' l-Air Malta. Minn dawn 128 ħadmu għall-ewwel darba, 57 għat-tieni darba, 97 għat-tielet darba, 76 għar-raba' darba u 10 għall-ħames darba.
Leg 9 PQ #35973 Sitting 819 2002-11-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Qorti — Prostituzzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tressqu nisa barranin il-qorti fuq prostituzzjoni u/jew atti oxxeni fil-pubbliku din is-sena? Ta' liema nazzjonalita' kienu? Kemm kienu nisa u kemm irġiel?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa` xhur ta` din is-sena tressqu quddiem il-Qorti ħames persuni ta` nazzjonalita` Ukraina fuq tlajjar għal skop ta` prostituzzjoni. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi dawn kienu kollha nisa.
Leg 9 PQ #35974 Sitting 819 2002-11-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tat-Turiżmu

Cruise Liners

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu Malta, Cruise Liners din is-sena?

Response (REFALO, MICHAEL)

Nistieden lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru tat-Trasport u Kommunikazzjoni.
Leg 9 PQ #35975 Sitting 819 2002-11-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Kaċċa Illegali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inqabdu kaċċaturi allegatament jiksru l-liġi din is-sena? X'kien ir-reat u x'weħlu f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa` xhur ta` din is-sena ittellgħu 203 persuna l-Qorti bi ksur tar-Regolamenti ta` l-1993 dwar il-Ħarsien ta` l-Għasafar u tal-Fenek Selvaġġ; Regolamenti ta` l-1993 dwar l-Għasafar u l-Fenek Selvaġġ (Dikjarazzjoni ta` Speċi Protetti u Riservi Naturali; u l-Ordinanza dwar l-Armi (Kap. 66). Infurmat ukoll illi l-eżitu ta` dawn il-każijiet hu kif ġej: - 78 misjuba ħatja, 26 illiberati, filwaqt li l-bqija tal-każijiet għadhom sub judice. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli taħt forma kompjuterizzata.
Leg 9 PQ #35964 Sitting 818 2002-11-25 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Liċenzji tal-Kaċċa

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni bejn it-18 u l-21 sena li għandhom liċenzji tal-kaċċa u kemm hemm pendenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 565 persuna taħt il-21 sena li għandhom liċenzja sabiex iġorru arma tan-nar għal kaċċa, filwaqt li 132 oħra għandhom l-applikazzjoni tagħhom qed tkun proċessata.

Pulizija — Opri tal-Baħar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn opri tal-baħar reġistrati llum u x'tip huma?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li sa llum in-numru ta' dgħajjes reġistrati fir-reġistru tal-Bastimenti Żgħar ta' l-Awtorita' Marittima huwa ta' 12,292 li minnhom hemm 5,781 b'makna taħt in-9.9HP u li r-reġistrazzjoni tagħhom titħallas kull ħames snin u 6,511 b'makna ta' l'fuq minn 9.9HP li r-reġistrazzjoni tagħhom titħallas kull sena. Dan in-numru ma jinkludix dgħajjes oħra reġistrati mar-reġistru tal-Bandiera Maltija ta' l-istess Awtorita' u mad-Dipartiment tas-Sajd.