Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qrati — Każi ta' libell

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm każi ta' libell, ċivili u kriminali quddiem il-qrati? F'liema data nfetħu l-proċeduri?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub dwar każi ta` libell, ċivili u kriminali pendenti quddiem il-Qorti hu kif jidher fil-listi li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sigurta' Soċjali — Persuni boarded out

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew boarded out persuni din is-sena u kemm minn dawn kienu Għawdxin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal persuni li jingħataw Pensjoni għall-Invalidita’ wara li jiġu ċertifikati minn bord mediku maħtur taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, jien infurmat li n-numru ta’ persuni li bdew jirċievu din il-pensjoni matul din is-sena kien 1,323. Ninsab infurmat ukoll li d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali jżomm statistika dwar in-numru globali ta’ dawn il-pensjonanti u mhux skond il-post fejn jabitaw.

Tax payers — Formola ta' l-income tax

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-għadd ta' taxpayers illi ma mlewx il-formola ta' l-income tax u self-assessment għas-sena li għalqet f'Diċembru 2002 (sena ta' stima 2003) sat-30 ta' Ġunju ta' din is-sena kif stipulat?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm 24,381 persuna li ma bagħtux il-formola tat-taxxa għas-sena ta’ stima 2003 sat-30 ta’ Ġunju, 2003. Minn dawn 5,861 waslu wara din id-data u l-kumplament ġew servuti bi stima skond il-liġi.

Persuni li nqabdu jgħumu mingħajr ħwejjeġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jgħumu mingħajr ħwejjeġ din is-sena? Fejn kienu? Kemm kellhom żmien? Kemm kien hemm nisa u kemm kien hemm irġiel?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena kien hemm sbatax-il persuna, li l-eta` tagħhom tvarja bejn is-16-il sena u 76 sena, li nqabdu għarwenin jew ma kienux lebsin xieraq fuq xtajtiet fil-Ġnejna, Għajn Tuffieħa, Għadira u Pembroke. Tnejn minnhom kienu nisa.

Każi ta' prostituzzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inqabdu prostituti jitlajjaw din is-sena? Kemm minn dawn huma riċedivi? X'inhi r-raġuni li dawn qed jitħallew mill-qorti jerġgħu jiffrekwentaw areas magħrufa għal dan l-abbuż meta din issa tiġi mposta? Il-pulizija titlob dan waqt illi l-każ ikun qed jinstema'?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Novembru ta` din is-sena tressqu quddiem il-Qorti 45 persuna, uħud minnhom diversi drabi, fuq tlajjar għal skop ta` prostituzzjoni. Infurmat ukoll illi l-liġi ma tipprovdix għas-sanzjoni kif issuġerita mill-Onorevoli Interpellant.

Bondi Plus — Programm dwar is-sataniżmu

Question

Billi kemm jien kif ukoll ħafna Maltin oħra ħassewhom offiżi b'dak li deher fuq il-programm Bondi Plus dwar is-sataniżmu fejn l-isem imqaddes ta' Alla u l-Quddiesa ġew imżebilħa u billi dan huwa reat kriminali, jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadet il-pulizija dwar dan?

Response (BORG, TONIO)

Ma għandi xejn xi nżid mat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2124.
Leg 10 PQ #3111 Sitting 69 2003-12-03 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Impjegati

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu l-għadd ta' impjegati pubbliċi li jinsabu interdetti minn xogħolhom u setgħat oħra u minn liema dipartimenti huma? Għaliex ġew sospiżi?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li bħalissa hemm 37 uffiċjal pubbliku li jinsabu interdetti mill-eżerċizzju tas-setgħat u tal-funzjonijiet tal-kariga tagħhom. L-informazzjoni l-oħra mitluba mill-Onorevoli Inerpellant tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.

MGI/MIMCOL — Investiment

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu l-valur ta' l-investiment li għamel il-gvern Malti permezz ta' l-MDC fil-kumpannija MGI u l-MIMCOL? Kemm minn dan sar f'dawn l-aħħar tliet snin?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-MDC ma għandha l-ebda investiment fil-kumpaniji MGI u l-MIMCOL.
Leg 10 PQ #3126 Sitting 69 2003-12-03 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Impjegati

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien hawn impjegati fiċ-ċivil u fil-bqija tas-settur pubbliku li jitħallsu b'rata aktar minn tal-President ta' Malta? Fejn jaħdmu u x'jagħmlu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat li mas-Servizz Pubbliku hemm ngaġġati 9 persuni li għandhom salarji ogħla minn dak tal-President. Dawn huma kollha barranin u ngaġġati fuq kuntratt definit. Dawn huma kif ġej: - 2 Konsulenti fil-Ministeru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomiċi li qegħdin jaħdmu d-Diviżjonijiet tad-Dwana u tal-VAT. - 4 Speċjalisti fil-qasam tas-saħħa li qegħdin jaħdmu mad-Diviżjoni tas-Saħħa. - 2 persuni oħra wieħed “Airworthiness Surveyor” u l-ieħor “Flight Operations Inspector” fid-Diviżjoni tal-Avjazzjoni Ċivili. - Persuna oħra li qegħda tagħti servizzi ta’ tħaddim ta’ proġetti ta’ natura ġenerali jew speċjalizzatta mal-“Management Efficiency Unit”. Ma hemmx persuni ngaġġati ma’ entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi li għandhom salarju ogħla minn tal-President. Għal informazzjoni dwar persuni ngaġġati f’entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt Ministeri oħra nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel mistoqsija lill-Ministri responsabbli.

Triq Reġjonali — Tħawwil ta' siġar tal-palm

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tħawlu siġar tal-palm mill-kumpannija fil-government private partnership li qed taħdem bħalissa biex issebbaħ roundabouts, eċċ.? Kemm inxtraw minn dawn il-palm? Kemm swew kull waħda? Inxtraw iktar palm wara sejħa għal tender? Kemm se jiswa l-proġett li qed isir mar-roundabout fejn qabel kien hemm it-tankijiet tal-gass ġewwa Regional Road?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li 1. Sa l-aħħar t' Ottubru ġew iċċertifikati diversi palm skond il-kuntratt. Phoenix dactyliferia 55 Phoenix canariensis 36 Washingtonia robusta 29 Cycas revoluta 11 Chamaerops humilis multistem 41 Chamaerops humilis 97 Pinus Halepensis 11 2. Il-palm kollha hawn fuq imsemmija inxtraw, u ġew ipprovduti mill-Environmental Landscapes Consortium Ltd. skond il-kuntratt. 3. Kif jidher hawn fuq, il-palm jinkludi diversi varjetajiet u l-prezz ivarja mhux biss skond il-varjeta, imma anke skond l-għoli u l-qies tal-qasrija' (pot size). Fil-kuntratt dawn il-prezzijiet ivarjaw bejn Lm30 u Lm900. 4. Il-palm kollu inxtara skond il-kuntratt mingħajr il-bżonn ta' ebda tenders. 5. Dan il-proġett huwa stmat li ser jiswa madwar Lm18,000, u din l-ispiża tifforma parti mill-kuntratt ta’ proġetti li kien stabbilit bejn il-Gvern u l-Konsorzju.
Leg 10 PQ #3103 Sitting 68 2003-12-02 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tas-Saħħa

Sptarijiet privati — Operazzjonijiet/testijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemms saru operazzjonijiet u kemm saru testijiet fil-privat fuq pazjenti riferuti mill-konsulenti tal-gvern? X'kienu dawn u kemm swew lill-gvern din is-sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Din is-sena saru b'kollox sitta u għoxrin test fil-privat fuq pazjenti riferuti mill-konsulenti tal-gvern li minnhom ħamsa u għoxrin kienu MRI Scans u wieħed CT Scan. S'issa tħallsu Lm928 ta' żewġ MRI Scans u wieħed CT Scan. It-tlieta u għoxrin l-oħra saru kollha dan ix-xahar kemm ilha wieqfa għall-upgrading l-MRI Scanner u kontijiet għadna ma rċevejniex.
Leg 10 PQ #3104 Sitting 68 2003-12-02 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

"Xarabank" — Persuna li għamlet mossa oxxena

Question

Billi waqt programm "Xarabank" persuna prominenti għamlet mossa oxxena meta din kienet fuq hekk imsejħa btala fit-Tuneżija, jista' il-Ministru jgħid jekk l-awtorita' tax-xandir ħaditx passi dwar dan kontra l-produtturi tal-programm?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li ċ-“Chief Executive” ta’ l-Awtorità tax-Xandir eżamina l-erba’ programmi ta’ “Xarabank” li ġew iffilmjati fit-Tuneżija. Jirriżulta illi kien hemm mossa li setgħet ikkwalifikat bħala oxxena waqt il-programm tal-31 t’Ottubru 2003 iżda peress li x-xena in kwistjoni ġiet “edited” mill-istazzjon billi ġiet mgħottija l-parti offensiva, jista’ jingħad li ttieħdu l-miżuri neċessarji da parti ta’ l-istazzjon TVM biex dik ix-xena ma tidhirx meta ġiet imxandra. Iċ-“Chief Executive” ikkunsidra wkoll illi tali xena dehret għall-ħabta ta’ 9.22pm, jiġifieri fil-ħin meta l-istazzjon ikun jista’ jxandar programmi li jkunu addattati għal udjenza matura u ladarba l-istazzjon għatta l-parti offensiva ma kienx hemm każ ta’ ksur ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Leg 10 PQ #3105 Sitting 68 2003-12-02 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

"Xarabank"

Question

Billi wieħed mill-programmi "Xarabank" kien fuq il-kliem ħażin, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk l-awtorita' tax-xandir ħaditx passi kontra l-producers ta' dan il-programm billi fih intqal ħafna kliem ħażin?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li fit-12 ta’ Novembru 2003, ic-“Chief Exective” ta’ l-Awtorità tax-Xandir ħareġ akkuża kontra PBS Ltd dwar il-programm “Xarabank” tas-7 ta’ Novembru 2003 skond l-artikolu 41 ta’ l-Att dwar ix-Xandir u dan peress li dan il-programm allegatament jikser id-disposizzjonijiet ta’ l-Att dwar ix-Xandir li għandhom x’jaqsmu mad-deċenza u l-gosti tajbin. L-Awtorità għad trid tisma’ l-akkuża u d-difiża ta’ l-istazzjon qabel ma tiddeċiedi l-akkuża.

Kumpanniji li jinħataw sussidju mill-gvern

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hawnx kumpanniji li llum qed jiġu megħjuna mill-gvern b'sussidji fuq dawl, ilma, kera, tax holidays, eċċ.? Jekk iva, liema huma u jekk dawn humiex se jieqfu wara l-ewwel ta' Mejju li ġej? F'liema kumpanniji se jieqfu dawn l-għajnuniet?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li hemm numru ta' kumpanniji tal-manifattura li jibbenefikaw mit-Tax Holiday u kumpanniji li joperaw minn fabbbrika tal-Gvern. Madanakollu, il-Korporazzjoni m'għandha l-ebda informazzjoni dwar kumpanniji li jibbenefikaw minn sussidji fuq dawl u ilma. Dawk l-intrapriżi li jikkwalifikaw bħala intrapriżi ta' daqs zgħir jew medju jistgħu jibqgħu jibbenefikaw mit-Tax Holiday anke wara l-1 ta Mejju 2004. Għal dawk li jikkwalifikaw bħala intrapriżi kbar ġew introdotti inċentivi alternattivi b'seħħ minn din is-sena minnflok it-Tax holiday. Il-fabbriki tal-Gvern kienu jinkrew b'rati stipulati mill-Liġi u għalkemm din il-kera tista' tidher irħisa meta komparata ma' dik ta' fabbriki mikrija mill-privat, ma jistax jingħad li fil-fatt jingħata sussidju fuq il-kera. Wara l-emendi ta' L-Att dwar il-Promozzjoni tan-Negozju l-fabbriki bdew jinkrew b'rati li jirriflettu l-valur preżenti tal-fabbrika. L-informazzjoni mitluba rigward min huma l-kumpanniji li jibbenefikaw mit-Tax Holiday u minn fabbrika tal-Gvern hija riservata skond Artiklu 33 ta‘ L-Att dwar il-Promozzjoni tan-Negozju.
Leg 10 PQ #3107 Sitting 68 2003-12-02 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bondi Plus — Filmat fuq is-sataniżmu

Question

Jista' il-Prim Ministru jara jekk il-film li deher fuq Bondi Plus dwar is-sataniżmu huwiex ġenwin jew imtella' set up b'atturi, peress li wasluli ħafna rapporti li kien hekk? U jekk jirriżulta li kien set up, x'passi se jittieħdu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-Awtorità tax-Xandir m’għandha l-ebda informazzjoni jew ilment pendenti dwar dak li qed jingħad fid-domanda, għaldaqstant nitlob li din il-mistoqsija ssir lill-Ministru għat-Teknoloġija ta’ l-Informatika u Investiment.

Appartamenti tal-gvern — Ħlas ta' kera

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hijiex tħallas il-kera ġusta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi lill-persuna kkonċernata fis-sezzjoni tal-Customer Care tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.

Ta' Xbiex — Appartament tal-gvern - Stallazzjoni ta' lift

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsir il-lift fi block C2, Qasam tal-bini tal-gvern, Ta' Xbiex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-lift biex jiġi nstallat fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant ġie ordnat u fil-5 ta’ Novembru 2003 nħarġet l-ordni biex jinbeda x-xogħol.

Sigurta' Soċjali — Persuna li sofriet minn inċident

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-każ tal-persuna li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, jiġi nvestigat mill-injury board peress li din il-persuna żviluppat ħsara fix-xewka ta' daharha wara inċident u xogħol repetittiv?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna ndikata fl-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha.

Persuna b'diżabilita' — Reserved parking

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsir reserved parking quddiem ir-residenza li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li l-persuna in kwestjoni, li għandha blue sticker, ma tistax timxi fit-tul u żewġha wkoll huwa marid serjament??

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar relief

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna li ismu qed jintbagħat separatament, u li għandha inqas minn Lm6,000 il-bank u hija miżżewġa u qed tistenna tarbija, mhux qed tingħata relief u lanqas għajnuna tal-mard, meta din ma taħdimx?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna ndikata fl-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha.