Legislature:
Category:
Reset
Active:

Armata — Rapid Reaction Force

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' membri ta' l-armata li għażlu huma stess li jifformaw parti mill-kontinġent Malti li jista' jieħu sehem f'xogħol konness mar-rapid reaction force ta' l-Unjoni Ewropea? Kemm minn dawn għandhom aktar minn ħames snin servizz?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta’ membri ta’ l-Armata li għażlu huma stess li jifformaw parti mill-kontinġent Malti li jista’ jieħu sehem f’xogħol konness ma’ Crisis Management Operations ta’ l-Unjoni Ewropea huwa ta’ 151. Minn dan in-numru, 84 huma dawk li għandhom aktar minn ħames snin servizz.

Servizz Pubbliku — Studenti Universitarji

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni gradwati mill-universita' li qed jaħdmu mal-gvern illum? X'inhu l-grad tagħhom? Fejn qed jaħdmu? X'degree universitarju għandhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar, u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Djar ta' l-anzjani

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm inżammet jew ħallsu flus anzjani residenti ġo djar tal-gvern kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dwar l-informazzjoni mitluba għas-snin 2000 - 2003 nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Numru 3786 mogħtija f'Seduta Nru. 88. Ninsab infurmata li l-ammont għal din is-sena bejn Jannar u Settembru kien ta' Lm1,795,037.

VAT — Professjonisti mtella' il-Qorti

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu professjonisti l-qorti minħabba ksur tal-liġi tal-VAT ? X'kienet il-professjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2003 tressqu l-Qorti tmien professjonisti li kienu avukati minħabba ksur tal-liġi tal-Value Added Tax, filwaqt li matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena tressqu ħames professjonisti li kienu avukati wkoll.

Bomb Hoaxes

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm saru bomb hoaxes din is-sena u fejn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

S’issa, din is-sena, is-sezzjoni tal-Bomb Disposal ta’ l-Armata ġiet imsejħa darba biss fuq każ ta’ Bomb Hoax. Din irriżultat fin-negattiv. Il-post kien fil-Qala, Għawdex.

Air Malta — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema ma' l-Air Malta llum? Kemm kien hemm fil-bidu tas-sena? X'sar mid-differenza? Xi grad kellhom dawk li telqu?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-ħaddiema ta' l-Air Malta f'Ottubru 2004 kienu jgħoddu 1799, fil-waqt li fil-bidu tas-sena 2004 il-ħaddiema kienu jgħoddu 1877. Differenza ta' 78 impjegat. B'kollox telqu mill-Kumpanija 79 impjegat imqassmin kif ġej - Boarded Out 57 Mietu 3 Irriżenjaw 7 Irtiraw biż-żmien 8 Skema ta' irtirar kmieni 4 Total 79 Naħa l-oħra wieħed irid jikkonsidra l-ingaġġ ta' Chief Officer Human Resources and Corporate Services bħala parti mill-eżerċizzju ta reorganiżżazzjoni tat-Top Management. L-impjegati li telqu bl-iskema tal-Boarding Out jitqassmu hekk - Klerikali 32 Industrijali 17 Eżekuttivi 8 L-iskema ta' irtirar kmieni issa ġiet effettiva għall-uffiċċjali fil-gradi ta' Group Head u Head, li minn dawn telqu 3 u 1 rispettivament.

Dħul mill-VAT

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm daħħal flus il-gvern mill-VAT din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dħul gross miġbur mill-Value Added Tax bejn Jannar u Settembru 2004 kien ta’ Lm116,015,969. Is-somma ta’ Lm18,595,908 tħallset lura f’refunds fl-istess perjodu għal dħul nett ta’ Lm97,420,061.

Qrati — Nassaba/Kaċċaturi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu kaċċaturi u/jew nassaba l-qorti din is-sena? Għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta' l-2004 tressqu 376 persuna l-Qorti bi ksur tar-Regolamenti ta' l-1993 dwar il-Ħarsien ta' l-Għasafar u tal-Fenek Selvaġġ; Regolamenti ta' l-1993 dwar l-Għasafar u l-Fenek Selvaġġ (Dikjarazzjoni ta' Speċi Protetti u Riservi Naturali); u l-Ordinanza dwar l-Armi (Kap. 66).

Ambjent — Għasafar/Ħlejjaq oħra

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema annimali, għasafar jew ħlejjaq oħra waqgħu taħt il-kustodja tad-dipartiment ta' l-ambjent din is-sena? X'tip kienu? Kemm minn dawn mietu, kemm intelqu wara li fiequ u x'sar mill-oħrajn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Kif kelli l-opportunità nispjega lill-Onorevoli Membru, fir-risposta tiegħi għad-domanda parlamentari tiegħu numru 5687, f’ Marzu ta’ l-2002 id-Dipartiment għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent, sar Direttorat fi ħdan l-Awtorita' ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Kif ukoll, ġie spjegat dak inhar stess li, mill-1997, id-Direttorat għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent ma żamm u mhu qed iżomm l-ebda annimal ferut jew ikkonfiskat.

Każi ta' Rape/Indecent Assault

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew rapportati każi ta' rape jew indecent assault din is-sena? Fejn saru dawn ir-reati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta' l-2004 ġew irrapurtati lill-Pulizija 6 każi ta' stupru, filwaqt li kien hemm 31 każ ta' attentant għall-pudur. Dawn ġew irrapurtati li seħħew f'dawn il-lokalitajiet: Birkirkara Marsascala Rabat (Għawdex) Swieqi Floriana Mellieħa San Ġiljan Valletta Għaxaq Msida San Ġwann Xgħajra Gżira Pieta' San Pawl il-Baħar Żabbar Ħamrun Qrendi Sliema

Qrati — Sewqan taħt l-effett ta' l-alkaħol/droga

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti għax saqu taħt l-effett esaġerat ta' alkoħol u/jew droga?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta' l-2004, kien hemm 78 sewwieq li l-Pulizija għamlitlu t-testijiet tan-nifs fuq suspett li kienu qed isuqu taħt l-influwenza ta' l-alkoħol. Minn dawn 36 irriżultaw fil-pożittiv, filwaqt li 42 irrifjutaw jew it-test ma kienx komplut. F'kull każ qed jittieħdu proċeduri kriminali quddiem il-Qorti.

VAT — Bejgħ ta' prodotti minn Spiżeriji

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-prodotti li normalment jinbiegħu minn spiżeriji li llum għandhom VAT fuqhom u li s-sena l-oħra ma kellhomx?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-prodotti li normalment jinbiegħu minn spiżeriji li llum għandhom Value Added Tax fuqhom u li s-sena l-oħra ma kellhomx, huma dawk il-prodotti farmaċewtiċi li jinsabu elenkati fit-Tmien Skeda tal-liġi tal-Value Added Tax bir-rata ta’ 5% kif ukoll dawk l-oġġetti speċifikati fl-Ewwel Skeda fit-tariffa tad-Dwana li tinsab ma’ l-Att dwar id-dazji ta’ importazzjoni taħt dawn l-HS codes. 9018 9019 9025.11.91.00 9402.10.00.10

Spiżeriji

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn spiżeriji llum? Kemm hawn applikazzjonijiet pendenti? Il-gvern beħsiebu jilliberalizza dan is-settur?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament hawn 214 spiżeriji liċenzjati f'Malta u Għawdex, li 8 minnhom huma spiżeriji veterinarji. Jeżistu sa' llum 337 l-applikazzjoni għal spiżeriji ġodda. Rigward it-tielet parti tal-mistoqsija ninforma li bħalissa għaddejin id-diskussjonijiet sabiex jinħarġu r-regolamenti għall-liċenzjar ta' l-ispiżeriji.

Carnet de Chasse — Tajr/Għasafar Maqbuda

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew maqbuda tajr u għasafar sena b'sena kif dikjarat mill-kaċċaturi u nassaba skond il-Carnet de Chasse? X'tip kienu l-għasafar maqbuda?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li r-riżultati li nkisbu mill-carnet de chasse huma hekk kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra : 2001: fuq sample meħuda minn National Statistics Office, dawn ħarġu l-figuri ta’ l-għasafar li nqabdu. Dettalji tagħhom qiegħdin għand l-uffiċċju ta’ l-Istatistika. 2002: Wara li ġie ddisinjat software, it-tagħrif kollu li nġabar mill-carnet de chasse ġie mdaħħal f’ dan is-software u r-riżultati tiegħu huwa dan li jidher hawn taħt. 2003: Din l-istatistika għadha qed tinġabar wara li l-kaċċaturu u n-nassaba jeħduhom lill-Għaqda tagħhom rispettivament, u għalhekk din ma tistax tingħata għalissa.

VAT — Ħlasijiet żejda fuq income tax u refunds fuq VAT

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm għandu jagħti f'arretrati lura lit-taxpayer għall-ħlasijiet żejda ta' l-income tax u għar-refunds fuq il-VAT?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ refunds dovuti f’assessments ta’ l-income tax sas-sena ta’ stima 1998 kien ta’ Lm14,964,450 filwaqt li l-ammont ta’ kreditu eċċessiv tal-VAT mitlub u dovut minn persuni reġistrati u li għad irid jitħallas kien ta’ Lm3,718,333. Din il-figura tista’ tinbidel skond id-dikjarazzjonijiet li persuni reġistrati jistgħu jagħmlu fid-denunzja tat-taxxa li jibgħatu sakemm il-kreditu eċċessiv jasal biex jitħallas. (Tweġiba mogħtija: 13/10/2004PM) (Seduta Numru: 172)

Armi — Liċenzji

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew liċenzjati armi ġodda din is-sena? X'tip kienu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-armi li ġew reġistrati għall-ewwel darba din is-sena, kienu kif jidher hawn taħt:- Harpoon guns 192 Spears 17 Air rifles 102 Pistols 11 Percussion cap pistols 2 Flintlock muskets 3 Muskets 1 Black powder revolvers 9 Revolvers 3 Shotguns 284 Air pistols 104 Rifles 15 Flintlock pistols 1 Percussion rifle 1