Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' suldati li weġġgħu fuq ix-xogħol waqt li kienu għassa ma' l-immigranti klandestini s-sena l-oħra u din is-sena? X'kien it-tip ta' korriment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta’ suldati li weġġgħu fuq ix-xogħol waqt li kienu għassa ma’ l-immigranti irregolari sew is-sena l-oħra kif ukoll din is-sena huwa ta’ għaxra. It-tip ta’ korriment kien kif ġej:
a. Tlett suldati weġġgħu meta l-immigranti taw assalt b’forza fuq ix-xatba tal-post fejn kienu qed jinżammu. It-tlett suldati kienu għassa eżatt wara x-xatba u għaldaqstant meta x-xatba ġiet sfurzata ’l barra, ġew imweġġa’. Tnejn minn dawn is-suldati soffrew ġrieħi f’idejhom u f’sidirhom waqt li l-ieħor kellu spalla żlugata.
b. Tlett suldati oħra ġew imweġġa’ fl-inċidenti li seħħew fit-13 ta’ Jannar ta’ din is-sena fejn wieħed sofra ksur f’driegħu, ieħor ġie mweġġa’ f’idejh u ieħor sofra minn kontużjoni kkawżata minn ġebel mwaddab fid-direzzjoni tiegħu.
ċ. Żewġ suldati oħra weġġgħu meta ntlaqtu minn ġebel li twaddab apposta fid-direzzjoni tagħhom mill-immigranti fil-għaxija tat-13 ta’ Jannar ta’ din is-sena, cioé, meta saru l-inċidenti msemmija f’paragrafu ‘b’, hawn fuq. Wieħed mis-suldati sofra ġrieħi f’rasu waqt li l-ieħor ġie milqut taħt l-istonku.
d. Żewġ suldati oħra weġġgħu f’inċident tat-traffiku waqt li kienu qed jeskortaw l-immigranti mill-isptar lura lejn iċ-ċentru ta’ detenzjoni fejn kienu qed jinżammu. It-tnejn li huma soffrew ksur f’saqajhom.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru hold-ups is-sena l-oħra? Kemm ġew solvuti u x'insteraq f'kull kas individwali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra ġew irrapurtati lill-Pulizija 51 każ ta' hold up, li minnhom 14 ġew solvuti, b'4 jirriżultaw li mhux veru kienu seħħew (rapporti foloz). Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-affarijiet irrapurtati misruqa f'kull każ.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm instabu oġġetti llegali u li jistgħu jintużaw bħala arma mill-immigranti klandestini waqt searches mill-Armata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta’ oġġetti li nstabu waqt searches mill-Forzi Armati ta’ Malta li, għalkemm mhux kollha huma kkunsidrati bħala illegali, setgħu jintużaw bħala arma mill-immigranti irregolari kien ta’ madwar tmienja u tletin (38).
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni taħt l-eta' il-qorti s-sena l-oħra u għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 in-numru ta' minuri taħt 18-il sena li tressqu quddiem il-Qorti kien ta' tmienja u sittin (68).
Ir-raġunijiet għaliex tressqu l-Qorti kienu s-segwenti:-
Fuq pussess ta' droga, traffikar 100 metru bogħod mill-post fejn jiltaqgħu iż-żgħażagħ
Messaġġi ta' theddid bil-
mobile phone
Ksur tal-buon ordni
Grieħi ta' natura gravi
Grieħi ta' natura ħafifa
Sewqan bla liċenzja/bla permess/bla insurance
Ħsara fi proprjeta' ta' ħaddieħor
Serq
Riċettazzjoni
Pussess ta' arma
Theddid fuq persuna
Pussess ta' għasafar protetti
Offiża fuq il-pudur
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ħarbu klandestini minn taħt il-kustodja ta' l-armata s-sena l-oħra, kemm inqabdu u kemm ma nstabux?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta’ immigranti irregolari li rnexxielhom jaħarbu miċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal-Safi taħt il-Kustodja tal-Forzi Armati ta’ Malta, kien ta’ erbgħa u tletin (34). Minn dawn inqabdu erbgħa filwaqt li l-kumplament, baqgħu ma nstabux.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ġew importati heaters tal-pitrolju kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin u kemm ġie mpurtat apparat ieħor li jaħdem bil-pitrolju fl-istess żmien u x'kien l-apparat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Hemm tliet tariffi (HS Codes) tad-Dwana li jirreġistraw l-importazzjoni ta’ apparat li jaħdem bi fuel likwidu u dawn huma:
HS Code
Deskrizzjoni
73211 20000
Cooking appliances/plate warmers iron/steel, for liquid fuel
73218 21000
Other non-electrical appliances for liquid fuel with exhaust outlet, iron/steel
73218 29000
Other non-electrical appliances for liquid fuel without exhaust outlet, iron/steel
Kif japprezza l-Onorevoli Interpellant, l-ebda waħda minn dawn it-tariffi ma tirreferi speċifikament għall-importazzjoni ta’ heaters tal-pitrolju u għalhekk ma jistax jingħata t-tagħrif kif mitlub minnu.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew ikkonfiskati armi tan-nar din is-sena, x'tip huma u xi jsir minnhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004, il-Pulizija elevat 208 arma tan-nar, li jinkludu snieter, pistoli, revolvers u air weapons. Dawn li jkunu elevati in konnessjoni ma' proċeduri kirminali, jiġu eżebiti fil-Qorti fil-kors tal-proċeduri, filwaqt li dawk li jkunu elevati fuq proċeduri amministrattivi, bħal per eżempju sakemm isir transfer by inheritance, dawn jiġu ritornati hekk kif ikunu tlestew il-proċeduri.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu l-każi ta' telf ta' kontroll tal-vejikoli waqt is-sewqan din is-sena? Kemm weġġgħu persuni jew mietu kaġun ta' dawn l-inċidenti? Kemm seħħew inċidenti bejn nofs il-lejl u s-sitta ta' fil-għodu? Kemm seħħew f'weekends jew lejliet festi pubbliċi? Kemm minn dawn l-inċidenti kienu kawżati minn xorb, droga, sewqan eċċessiv?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif kif rikjest mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli taħt forma ta' statistika. Madankollu infurmat illi matul is-sena 2004 ġew irrapurtati lill-Pulizija 1,191 l-inċident tat-traffiku, li f'1,177 minnhom ġie irrapurtat li kien hemm persuni li sofrew xi feriti, filwaqt li f'14 oħra kien hemm persuni li tilfu ħajjithom. Minn dawn l-inċidenti kien hemm 363 li seħħew bejn nofs il-lejl u s-sitta ta' filgħodu, filwaqt li kien hemm 589 li seħħew matul weekends jew festi pubbliċi. Ta' min ifakkar illi mill-1 ta' Marzu 2004, inċidenti tat-traffiku fejn ma jkunx hemm persuni mweġġa' jew ħsara fi proprjeta' pubblika, bdew jiġu irrapurtati lill-Gwardjani Lokali.
Pulizija — Persuni li nqabdu jħalltu pitrolju ma' diesel
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jħalltu pitrolju ma' diesel din is-sena? X'kien il-mezz ta' trasport f'kull każ imressaq il-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004, il-Pulizija ma kellha ebda każ kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ġew importati heaters tal-pitrolju kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin u kemm ġie mpurtat apparat ieħor li jaħdem bil-pitrolju fl-istess żmien u x'kien l-apparat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jwettqu atti mmorali ġewwa l-ġnien tal-Kunsill ta' l-Ewropa, il-Gżira din is-sena? X'kien ir-reat? Billi jien informat li qed isiru atti oxxeni minn persuni ta' l-istess sess u issa anke qed ikun hemm persuni li jwettqu atti mmorali quddiem tfal fil-play ground, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi qed tieħu l-pulizija biex jinqatgħu dawn l-abbużi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 kien hemm 25 persuna li bejnithom tressqu quddiem il-Qorti 52 darba fuq akkużi ta' tlajjar għal skop ta' prostituzzjoni fl-inħawi tal-Gżira, Ta' Xbiex u l-Imsida, għalkemm l-ebda waħda ma kienet fil-ġnien imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Infurmat ukoll illi l-Pulizija qed tagħmel ronda fl-inħawi sabiex kemm jista' jkun ma jkunx hemm abbużi.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il darba l-Qorti ordnat devjett fuq il-pubblikazzjoni ta' l -isem ta' akkużat din is-sena? X'kien ir-reat f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Billi issa saret moda illi jsiru parties fuq art tal-gvern bħal Paradise Bay, Ħal Far u Ta' Qali, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħallsu l-organizzaturi għall-kera ta' l-art matul din is-sena? Fejn u kemm saru minn dawn il-parties fuq art pubblika?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004, id-Dipartiment tal-Artijiet ħareġ dawn il-permessi biex isiru parties fuq art tal-gvern:-
(i) Lapsi Park - Għar Lapsi Lm 10
(ii) Paradise Bay - Ċirkewwa Lm200
(iii) Couve Porte - Birgu Lm 75
(iv) Golden Bay Lm 45
(v) Għadira Bay Lm 80
(vi) Għadira Bay Lm500
(vii) Għadira Bay Lm 80
Jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' insib se jkun jista' isir wara l-2007? In-nassaba kollha li għandhom permess illum se jkunu jistgħu jonsbu wara din id-data? Se jinħarġu permessi lil nassaba ġodda? Kif se jintgħażlu dawk li wara l-2007 se jitħallew ikomplu jonsbu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Skond il-ftehim li bih intrabtet Malta ma’l-Unjoni Europea, sal-2007
a) in-nassaba ghandhom jiġu nkuraġġuti jrawmu s-sebgħa speċi tal-għasafar tal-għana fil-magħluq.
b) u sa dak inhar ikun laħaq sar assessment ta' kemm ikun hemm bżonn li jinqabdu għasafar tal-għana wara s-sena 2008 biex jissuplixxu diversita' ġenetika suffiċjenti ta' l-għasafar fil-magħluq.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta' hacking ta' computers din is-sena? Jista' jagħti breakdown ta' fejn saru?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 il-Pulizija kellha sitt rapporti ta' hacking ta' computers. Erba' ġew irrapurtati fil-lokalitajiet ta' Marsascala, il-Pieta', San Ġiljan u l-Mosta, filwaqt li rapport ieħor kien ġej minn sorsi internazzjonali. Kien hemm ukoll rapport ieħor li sar fir-Rabat Għawdex, pero' mill-investigazzjoni irriżulta li kien każ ta' ħsara teknika.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni li weħlu probation f'dawn l-aħħar 20 sena u jagħti breakdown ta' kemm hemm persuni li weħlu aktar minn darba?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Uffiċċju tal-Probation twaqqaf fl-1 ta' Settembru 1994, b'hekk l-informazzjoni disponibbli hija minn din id-data 'l quddiem u hi kif jidher hawn taħt.
Sena Numru
1994 22
1995 47
1996 43
1997 47
1998 91
1999 102
2000 201
2001 231
2002 201
2003 126
2004 (sal-21 ta' Ottubru) 69
Infurmat ukoll illi fi ħdan l-Uffiċċju tal-Probation:
110 persuni ngħataw żewġ Ordnijiet ta' Probation,
40 persuna ngħataw tliet Ordnijiet ta' Probation,
15-il persuna ngħataw erba' Ordnijiet ta' Probation,
5 persuni ngħataw ħames Ordnijiet ta' Probation, u
persuna waħda li ngħatat sitt Ordnijiet ta' Probation.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti fuq reati konnessi ma' moħqrija fuq annimali? X'kien ir-reat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena ma kienx hemm persuni li ġew imressqa quddiem il-Qorti mill-Pulizija fuq reati konnessi ma' moħqrija fuq annimali.