Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sigurta' Soċjali — Single Parents - Relief

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hawn single parents illum? Kemm minn dawn qed jieħdu r-relief?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ebda dipartiment jew entita' li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ma jżomm l-istatistika mitluba mill-Onor. Interpellant fl-ewwel parti tal-Mistoqsija. Ninsab infurmata li hemm 1,475 ġenituri singli mhux miżżewġa li qed jirċievu l-Għajnuna Soċjali mħallsa skond il-provedimenti tas-subartiklu 7 ta' l-artikolu 30 ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali.

Xiri ta' Proprjeta' minn Barranin

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm inxtrat proprjeta' minn barranin is-sena l-oħra? Minn liema pajjiż kienu dawn il-barranin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tagħrif li diġà ngħata fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 9106. Għar-rigward tax-xhur ta’ Novembru u Diċembru 2004, ingħataw mija u erba’ (104) permessi għal xiri ta’ proprjetà minn barranin. Iċ-ċittadinanza ta’ dawn ix-xerrejja tidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Eco-tax

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm daħħal il-gvern s'issa mill-eco-tax u jagħti breakdown fuq liema oġġetti saret it-taxxa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dħul mill-EKO Kontribuzzjoni kien kif ġej: minn Settembru 2004 sa Diċembru 2004 - Lm370,844.57 Jannar 2005 - Lm 26,741.04 Total - Lm397,585.61 Is-somma ta’ Lm397,585.61 tinkludi EKO Kontribuzzjoni fuq dawk il-prodotti li jidhru f’avviż legali numru 28/2005. Rigward tat-tieni parti tad-domanda, is-sistema preżenti qed tiġi modifikata sabiex fil-futur id-Dipartiment ikollu breakdown tal-HS Codes tal-prodotti li fuqhom tkun tħallset EKO-Kontribuzzjoni.

Twelid ta' Trabi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm twieldu tfal lil persuni taħt is-17-il sena is-sena l-oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fir-Reġistru Pubbliku ma tinżammx statistika tat-tagħrif kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant. Din l-informazzjoni toħroġ mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika li ma jaqax taħt id-dekasteru tiegħi. Madankollu ġejt infurmat li l-istatistika relattiva tkun lesta għall-aħħar ta' Marzu 2005.

WSC — Servizzi ta' dawl/ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw servizzi ta' dawl u/jew ilma s-sena l-oħra? Kemm kienu ta' djar privati u kemm ta' azjendi kummerċjali u x'tip kienu?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma nstallat 5023 servizz ta' l-ilma fis-sena 2004. Rigward it-tieni part tal-mistoqsija il-KSI ma żżommx din it-tip ta' nformazzjoni. In-numru ta' servizzi ta' dawl li ngħataw fl-2004 huwa ta' 5010 u mqassma kif ġej: Commercial Domestic Total Single phase 99 4002 4101 Three phase 13 896 909 Total 112 4898 5010

Ċentri tas-saħħa — Tqassim ta' siringi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tqassmu siringi lill-persuni li jabbużaw mid-droga s-sena l-oħra? Minn liema ċentri tas-saħħa tqassmu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li t-total ta' siringi li tqassmu lill-persuni li jabbużaw mid-droga fis-sena 2004 huwa kif ġej: Floriana 73627 Qormi 26652 Gżira 78086 Paola 100300 Bormla 24059 Mosta 34519 Rabat 12464 Total 349707

Taxxi Interni — Refunds fuq taxxa tad-dħul

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm għandu jagħti flus f'refunds il-gvern fuq taxxa tad-dħul għas-sena 2003? Meta se jibdew jirċievu dawn il-flus it-tax payers u jekk humiex se jieħdu l-flus lura bl-imgħax?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-ammont dovut f’refunds għas-sena 2003 huwa ta’ Lm6,697,333. Skond il-liġi dawn ir-refunds iridu jitħallsu fi żmien 6 xhur jekk il-formola tkun intbagħtet fil-ħin, jew fi żmien sena jekk tintbagħat wara ż-żmien preskritt mil-liġi. Dawn ir-refunds joħorġu regolarment, iżda jekk id-Dipartiment iħallas wara ż-żmien preskritt mil-liġi dawn jitħallsu bl-imgħax.

Dipartiment ta' l-Ambjent — Qbid ta' Għasafar

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' għasafar u/jew ħlejjaq oħra waqgħu f'idejn id-dipartiment ta' l-ambjent is-sena l-oħra? X'sar minnhom u kemm kien in-numru ta' ħlejjaq f'kull każ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7698.

Servizz Pubbliku — Impjegati

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm inqabdu ħaddiema tal-gvern skartati mix-xogħol is-sena ieħor? Ma' liema dipartiment tal-gvern kienu jaħdmu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li b’effett mill-1 ta’ Frar 2000, il-każijiet tad-dixxiplina ġew delegati lill-Kapijiet tad-Dipartimenti taħt Regolamenti ġodda u għalhekk dawn il-każijiet, għajr każijiet kriminali, każijiet li jwasslu għal tkeċċija u appelli, m’għadhomx jgħaddu mill-Uffiċċju tiegħi. It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant jinsab f’Tabella ‘A’ li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dixxijiet tas-Satelitta — Rifużjoni tat-Taxxa

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm persuni gawdew minn rifużjoni tat-taxxa fuq id-dixxijiet tas-satellita? Jista' jgħid jekk hemmx persuni li għadhom ma tħallsux?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta' persuni li diġa gawdew mir-rifużjoni fuq liċenzji sħaħ tas-satellita jammonta għal 4,700. Minbarra dawn hemm madwar 12000 persuna li għandhom dritt għall-parti mir-rifużjoni, u li ser tibda tinħarreġ dalwaqt.

Żwieġijiet bejn persuni ta' l-istess sess

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-gvern Malti huwiex lsest li jirrikonoxxi żwieġijiet bejn nies ta' l-istess sess li jkunu validi f'pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (BORG, TONIO)

Il-liġi ta' Malta ma tipprovdix għar-rikonoxximent ta' żwiġijiet bħal dawk li għalihom qed tirreferi l-mistoqsija.

Vetturi — Liċenzji

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn vetturi liċenzjati llum? Kemm minn dawn huma vetturi kummerċjali? Kemm minn dawn ġew impurtati ġodda u kemm second hand?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-total ta’ vetturi liċenzjati jammonta għall-271,137. Minnhom hemm 44,575 vettura kummerċjali. Kull sena jiġu rreġistrati medja ta’ madwar 13,500 vettura li minnhom 70% jkunu ġodda filwaqt li 30% jkunu second hand.

Schoolgirl-mothers unit

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn tfal li qed jattendu l-ischool girl-mothers unit illum u għaliex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa hawn 34 tfajliet tqal li jattendu l-programm ta' tlett darbiet fil-ġimgħa, 33 tfajliet tqal li qed jużaw is-servizz ta' Counselling offrut mill-Unit u 28 tfajliet ommijiet u t-tfal żgħar tagħhom jattendu l-Mother and Baby Support Group ta' darba fil-ġimgħa. Informat ukoll li dan is-servizz offrut mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni huwa Unit GĦOŻŻA. Huwa offrut lil kull tfajla tqila taħt it-18-il sena.

PSC

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm tressqu persuni quddiem il-PSC is-sena l-oħra? Għaliex? X'kien l-eżitu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat li b’effett mill-1 ta’ Frar 2000, il-każijiet tad-dixxiplina ġew delegati lill-Kapijiet tad-Dipartimenti taħt Regolamenti ġodda u għalhekk dawn il-każijiet għajr każijiet kriminali, każijiet ta’ dixxiplina li jwasslu għal tkeċċija u appelli m’għadhomx jgħaddu mill-Uffiċċju tiegħi. Però għar-rigward tad-Dipartimenti li jaqgħu fid-dekasteru tal-Prim Ministru u fil-Ministeru tal-Finanzi, ninsab infurmat illi kien hemm tlett uffiċjali li l-każ tagħhom ġie riferut lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku matul is-sena 2004. It-tagħrif l-ieħor mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar dawn il-każijiet jinsab fit-Tabella ‘A’ li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Apparti hekk, hemm ukoll xi każijiet li kienu nbdew taħt ir-Regolamenti tad-Dixxiplina ta’ l-1977. Ninsab infurmat li mid-Dipartimenti kollha tal-Gvern kien hemm tlett uffiċjali li l-każ tagħhom ġie riferut lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku matul is-sena 2004. It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar dawn il-każijiet jinsab fit-Tabella ‘B’ li wkoll qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korporazzjoni Enemalta — Qtugħ fil-provvista ta' l-elettriku

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba kien hemm qtugħ ta' dawl is-sena l-oħra? Fejn affettwa l-qtugħ u għaliex seħħ?

Response (GATT, AUSTIN)

Qtugħ fil-provvista ta' l-elettriku jista' jaffettwa minn konsumatur wieħed sa lokalitajiet sħaħ. Hu mifhum li l-informazzjoni rikjesta tirrigwardja qtugħ fil-provvista ġejja mis-sistema tal-vultaġġ għoli jew minħabba xi qtugħ mil-Power Stations liema qtugħ jaffettwa diversi konsumaturi jew lokalitajiet sħaħ. Matul l-2004 jirriżulta li kien hemm 938 okkazzjoni ta' din in-natura mqassmin ma' Malta u Għawdex kollha. Il-biċċa l-kbira ta' dan il-qtugħ (421 darba) irriżulta minn xogħolijiet pjanati (per ezempju manutenzjoni) fuq is-sistema tal-vultaġġ għoli u dawn normalment jaffettwaw lokalitajiet relattivament żgħir. Ħsarat, li minnhom kien hemm 381 okkazzjoni, x'aktarx jaffettwaw lokalitajiet akbar. Kien hemm 115 operazzjoni ta' switching biex il-provvista tkun tista' tiġi maqluba minn post għall-ieħor. Dawn normalment jaffetwaw lokalitajiet żgħar għal ħin qasir. Kien hemm ukoll 21 kaz ta' qtugħ mill-power stations li jaffettwaw lokalitajiet kbar sakemm wieħed jista' jistartja impjant tal-generazzjoni ieħor biex jieħu post ta' dak li jkun waqaf għal xi raġuni jew oħra.