Legislature:
Category:
Reset
Active:

Imsida/Ta' Xbiex/Gżira — Barranin

Question

Billi ġewwa l-Imsida, Ta' Xbiex u l-Gżira aktar tara nies ta' xeħta orjentali jew Għarbija jiġru barra milli tara Maltin, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm minn dawn ġew imwaqqfa mill-pulizija biex jaraw humiex hawn legalment jew le? Kemm inqabdu nies illegalment din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija kontinwamet tagħmel spezzjonijiet għal persuni ta' nazzjonalita' barranija li jistgħu jkunu Malta mingħajr permess. Fil-fatt matul l-ewwel tlett xhur ta' din is-sena kien hemm 104 persuna li nstab li kienu Malta irregolarment.

Ħruġ ta' visas

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inħarġu visas is-sena l-oħra u għal liema pajjiż kienu? Kemm minnhom, skond l-informazzjoni li għandu jew li suppost għandu il-gvern, irriżulta li ma rritornawx lejn pajjiżhom jew telqu minn Malta wara li għalqilhom il-permess ta' soġġorn hawn Malta? Minn liema pajjiż kienu?

Response (BORG, TONIO)

Fir-rigward ta' l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 ġew approvati 5,541 visa, skond il-pajjiżi kif jidhru fuq it-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 11126.

Visas

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inħarġu visas għal persuni mill-Ukrajna, Moldova, Belarus u Russi ta' sess femminili bejn it-18 u t-30 sena s-sena l-oħra? X'ġew jagħmlu u kemm minnhom ġew aktar minn darba?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli taħt forma kompjuterizzata.

Servizzi Soċjali — Unmarried mothers

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm ħareġ flus il-gvern f'għajnuna għal unmarried mothers is-sena l-oħra? Skond l-informazzjoni li għandu d-dipartiment, kemm ħarġu flus f'manteniment għal uliedhom missirijiethom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Dipartiment ta' l-ambjent — Għasafar fl-airport

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex id-dipartiment ta' l-ambjent mhux iwaqqaf l-awtoritajiet ta' l-airport milli javvelenaw b'mod indiskriminat kull għasfur li jkun fl-airport, meta għal raġunijiet ta' safety jistgħu jintużaw mezzi oħra inqas krudili? X'passi beħsiebu jieħu d-dipartiment 'il quddiem?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien ninsab aċċertat mill-management tal-Malta International Airport li din l-allegazzjoni li qed jiġu avvelenati xi għasafar fl-ajruport għal raġunijiet ta' safety m' hix vera. Meta jkun hemm raġuni sabiex jiġu kkontrollati għasafar fl-inħawi ta’ l-ajruport minħabba “safety”, dan isir taħt id-direttivi tal-kumitat ORNIS u s-superviżjoni ta’ l-Ispettorat għall-Ambjent tad-Direttorat għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA)

Airport — Għasafar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba ġew avvelenati għasafar ġewwa l-airport tal-Gudja s-sena l-oħra u din is-sena? Kemm inġabru għasafar mejta minħabba dan l-avvelenament u x'tip kienu? Għaliex l-airport mhux juża mezzi oħra ta' kontroll anqas krudili, bħal ħsejjes u għasafar tal-priża mgħallem?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Mediċini out of stock

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hawn mediċini, illi huma intitolati għalihom persuni bil-karta s-safra jew r-roża, out of stock din is-sena, xahar b'xahar?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. Għax-xhur ta' Jannar u Frar nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 10732 u numru 10808.

Sptar San Luqa

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew imħassra operazzjonijiet minħabba nuqqas ta' spazju f'St Lukes, xahar b'xahar din is-sena u x'kienu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ma ġiet imħassra l-ebda operazzjoni din is-sena.Infurmat li jsiru medja ta' 12-il każ ta' major surgery fl-ortopedija fil-ġimgħa li minħabba iffullar kellhom jiġu posposti. Dawn il-postponimenti ta' operazzjonijiet kienu ippjanati minn qabel u beda jseħħ mid-9 ta' Jannar 2005. Rigward il-General Surgery, Paediatrics, ENT, Urology, Neurosurgery u Plastic Surgery l-informazzjoni mitluba hi kif ġej: Jannar Frar Marzu April General Surgery 41 24 24 14 Paediatrics 0 0 0 0 E.N.T. 49 24 25 1 Urology 0 0 0 0 Neurosurgery 0 0 0 0 Plastic Surgery 4 7 8 0 Totali 94 55 57 15 Dawn kollha ingħataw jew se jingħataw appuntament għall-data oħra.

Operazzjonijiet — Waiting list

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hija twila l-waiting list għal dawn l-operazzjonijiet illum: kataretti; ftuq; hip replacement; knee replacement?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-waiting list għall-operazzjonijiet mhux urġenti imsemijja mill-Onor. Interpellant huma kif ġej: Hip Replacement 354 Knee Replacement 948 Iż-żmien ta' stennija jilħaq madwar sentejn pero ivarja skond ċirkostanzi mediċi tal-pazjent bħal piż żejjed u mard ieħor. Il-waiting list tvarja ukoll skond il-konsulent. Dwar Oftalmoloġija, sal-lum hemm jistennew 3,117 persuna bi żmien ta' stennija li jvarja bejn sena u nofs u sentejn u nofs. Dwar ftuq l-informazzjoni għadha qed tinġabar, l-informazzjoni tingħata aktar tard.

Qbid ta' għasafar

Question

Jista' il-Ministru jagħti breakdown ta' l-għasafar li nqabdu u li nqatlu skond il-carnet de chasse li waslu fid-dipartiment għas-sena 2003?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni tal-Carnet de Chasse 2003 qiegħda fil-proċess biex tiddaħħal fis-sistema kompjuterizzata ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u b'hekk tkun tista' tinħareġ l-istatistika meħtieġa.

Klandestini — Menu

Question

Jista' il-Prim Ministru jelenka l-menu li ngħata lill-klandestini għall-breakfast, l-ikla ta' nofsinhar u ta' filgħaxija din il-ġimgħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-menu li ngħata lill-immigranti rregulari matul il-ġimgħa li għaddiet (11-15 ta’ April 2005) kien ivarja mill-affarijiet ta’ l-ikel skond it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

AFM — Menu

Question

Jista' il-Prim Ministru jelenka l-menu tal-breakfast, ta' l-ikla ta' nofsinhar u ta' filgħaxija li ngħata lis-suldati u fizzjali li kienu xogħol din il-ġimgħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma naħsibx li għandi noqgħod ngħid x’kien il-menu ta’ l-ikel għal xi ġimgħa partikulari. Jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi lment dwar dan l-ikel nitolbu jgħaddihuli.

CCF

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - hija sospiża minn xogħlha fil-ħabs mingħajr spjegazzjoni ta' xejn u kemm ilha sospiża?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant qatt ma ġiet sospiża. Hija ġiet mitluba tieħu 'forced leave'. Din il-persuna li ilha fuq 'forced leave' mill-4 ta' Ġunju 2004, ġiet infurmata bil-miktub dwar l-azzjonijiet li kienu ser jittieħdu kontra tagħha.

CCF — Menu

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jelenka l-menu tal-breakfast, ta' l-ikla ta' nofsinhar u ta' filgħaxija li ngħataw il-ħabsin din il-ġimgħa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi għal ġimgħa ta’ bejn il-11 ta’ April 2005 u s-17 ta’ April 2005 fil-ħabs ġie provdut dan l-ikel kif elenkat fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Każ ta' pensjoni mill-Amerika

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk il-persuna li ħadmet bejn is-snin imsemmija separatament hijiex intitolata għall-pensjoni mill-Amerika?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali kkomunika direttament bil-miktub mal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant dwar il-każ tagħha.

VAT — Studenti barranin

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk titħallasx VAT fuq dħul finanzjarju minn żamma ta' studenti barranin ġewwa djar ta' familji Maltin? Jekk le, għandu ħsieb il-gvern li jagħmel dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fil-każ ta’ studenti barranin li jintbagħtu fid-djar minn skejjel tal-lingwi, il-VAT fuq il-parti ta’ l-akkomodazzjoni titħallas lid-Dipartiment mill-iskola għaliex tkun tifforma parti mill-pakkett sħiħ li l-istudent barrani jħallas lill-iskola għas-servizz li jingħata.

Dipartiment tad-djar

Question

Billi ħafna persuni li jkunu krew postijiet mhumiex intitolati għal sussidju għax is-sid ma jridx jiffirma biex il-post ma jidhirx għal skopijiet ta' taxxa, tista' il-Ministru tgħid x'passi qed jieħu d-dipartiment fuq dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li biex persuna tapplika taħt Skema R ta' l-Awtorita' tad-Djar għal sussidju fuq il-kera ta' dar mill-privat trid tipproduċi kopja tal-kuntratt tal-kera u l-irċevuti tal-kera. Applikazzjoni li ma tkunx akkumpanjata minn xi wieħed minn dawn id-dokumenti ma tistax tiġi proċessata. Minn naħa tagħha l-Awtorita' titlob lis-sid jikkonferma li l-applikant ikun fil-fatt qed jikri mingħandu u bl-ammont ta' kera kif murija fl-applikazzjoni. Meta sid, għal xi raġuni, jonqos li jagħmel dan, l-applikant jintalab jikkonferma bil-ġurament l-informazzjoni mogħtija fl-applikazzjoni.