Legislature:
Category:
Reset
Active:

Saħħa — Xiri ta' mediċini

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm għandu flus xi jħallas id-dipartiment f'arretrati għal xiri ta' mediċini?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern għandu jħallas Lm9,069,114.96 fl-aħħar ta' Marzu 2005 għall-xiri ta' mediċini u tagħmir mediku, u minnhom Lm4,561,185.35 jirreferu għall-arretrati sa l-aħħar tas-sena 2004.

Mediċini — Importazzjoni

Question

Jista' il-Minsitru jgħid liema huma dawk il-mediċini li mhux qed jiġu impurtati aktar din is-sena minħabba r-reġistrazzjoni?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li mhux il-mediċini kollha li kienu fuq il-lista transitorja li ġiet maqbula ma' l-Unjoni Ewropeja f'Novembru 2002 kienu attwalment jiġu mpurtati f'Malta. Il-prodotti mediċinali li kienu fuq din il-lista u li ġew impurtati sa nofs Novembru 2004 u li ma ġewx irreġistrati jistgħu jibqgħu fuq is-suq f'Malta sa l-aħħar ta' Diċembru 2006. Għalkemm prodott ikun irreġistrat mhux bilfors li qed jiġi mpurtat. L-Awtorita' dwar il-Mediċini tippublika il-lista ta' mediċini li huma rreġistrati magħha fuq il-website (www.health.gov.mt/mru/pub/PMA%20List.pdf). Ma tinżamm l-ebda statistika dwar il-prodotti mediċinali mpurtati f'Malta mill-Unjoni Ewropeja.

Qrati — Human traffickers

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti s-sena l-oħra u din is-sena talli ttraffikaw fin-nies (human traffickers)? X'weħlu wieħed wieħed eżattament f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004, u din is-sena s'issa, kien hemm għoxrin (20) persuna li tressqu l-Qorti fuq akkużi ta' traffikar ta' persuni. Mid-disa' li kellhom il-każ tagħhom deċiż, ħamsa ngħataw sentenza ta' ħabs sospiża, wieħed ingħata sentenza ta' ħabs sospiża u multa, tnejn ingħataw sentenza ta' ħabs u wieħed ingħata sentenza ta' ħabs flimkien ma' interdizzjoni u multa. Bi traffikar qed nifhem tentattivi sabiex nies jiddaħħlu jew jinħarġu illegalment minn Malta.

CCF

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid wasalx iż-żmien li jitkabbar il-ħabs preżenti u jiżdiedu l-pieni ta' ħabs għal kull reat billi kulma jmur ir-reati qed jiżdiedu? X'inhuma l-pjanijiet tal-gvern għall-awment tal-pieni u għal liema reat?

Response (BORG, TONIO)

Ma hemm ebda pjan li jitkabbar il-ħabs preżenti, peress li dan tkabbar diġa' fl-1995. Dwar awment ta' pieni, il-proposti tal-Gvern huma kontenuti fil-White Paper "Lejn Ġustizzja Aħjar u Eħfef".

CCF — Priġunieri

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni f'Malta ħajjin illum li qattgħu sentenza ta' ħabs u jagħti breakdown ta' kemm-il darba ġew mogħtija sentenza ta' ħabs sospiża u jagħti breakdown ta' kemm-il darba ingħataw probation u jagħti breakdown ta' kemm-il darba?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli taħt forma ta' statistika jew kompjuterizzata.

Postijiet ta' divertiment — Żgħażagħ taħt l-eta'

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu tfal taħt is-16-il sena f'postijiet ta' divertiment jew jingħataw xorb alkoħoliku matul din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel tlett xhur ta' din is-sena, il-Pulizija sabet 29 persuna taħt is-sittax-il sena f'postijiet ta' divertiment, li wieħed minnhom kien ukoll servut b'xorb alkoħoliku.

Enemalta/WSC — Servizz tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Minsitru jgħid kemm hawn persuni li kellhom is-servizz tad-dawl, ilma u/jew telephone maqtugħ din is-sena għax ma ħallsux? Kif jikkompara dan mal-ħames snin li għaddew?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Għar-rigward tal-informazzjoni dwar il-qtugħ ta' telephones, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1130.

Enemalta/WSC — Kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk xi azjenda tal-gvern jew parastatali għandhiex xi kontijiet pendenti għall-ħlas ta' dawl u ilma u tat-telephone? Jekk iva, liema huma u kemm hu l-ammont?

Response (GATT, AUSTIN)

Minħabba n-natura kummerċjali u kunfidenzjali ta' l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant, ma nħossx li għandi nagħti din l-informazzjoni.

Dipartiment ta' l-ambjent

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ħlejjaq waqgħu f'idejn id-dipartiment ta' l-ambjent din is-sena? X'kienu u għaliex? X'sar minnhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li mill-ewwel ta’ din is-sena 2005, kien hemm Fekruna tal-Baħar Komuni li membri tal-pubbliku ħadu fl-Għassa tal-Pulizija tal-Qawra. Din ittieħdet mill-uffiċjal tat-Taqsima tal-Ħarsien tan-Natura tad-Direttorat għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) lid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura f’Marsaxlokk biex tingħata l-kura veterinarja meħtieġa biex wara tiġi meħlusa fis-selvaġġ. Barra minn hekk għasfur protett li nstab ferut, Bgħadam Aħmar, ġie mgħoddi għall-kura meħtieġa biex ikun jista’ jerġa’ jinħeles fis-selvaġġ. Ninforma lill-Onor. Interpellant li Dipartiment ta’ l-Ambjent ma jeżistix.

Chadwick Lakes — Kukkudrill

Question

Jista' il-Ministru jgħid hux veru li nqabad kukkudrill mill-awtoritajiet fiċ-Chadwick Lakes u x'sar minnu l-imsejken kukkudrill abbandunat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li wara l-investigazzjonijiet li saru ma nstab l-ebda kukkudrill fiċ-Chadwick Lakes.

Pulizija — Fenek li ġie mqaxxar ħaj

Question

Billi skond il-gazzetti ġewwa ħanut f'Ħaż-Żabbar allegatament ġie mqaxxar fenek waqt li kien għadu ħaj, jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadet il-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma kellha ebda rapport dwar il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Pero' minn stħarriġ li sar sussegwement ġew identifikati żewġ persuni li jidher li kienu involuti u l-Pulizija ser tieħu l-passi opportuni skond il-liġi.

Unmarried mothers/single parents

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm tqassmu postijiet għall-akkomodazzjoni mill-gvern is-sena l-oħra? Tista' tgħid kemm minn dawn ingħataw lil unmarried mothers u/jew single parents?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar u d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali, s-sena l-oħra allokaw 143 u 156 post rispettivament. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10024 f'Seduta Numru 223.

Sigurta' Soċjali — Ċertifikati tal-mard

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm inħarġu ċertifikati ta' mard is-sena l-oħra u mingħajr ma tagħti ismijiet ta' tobba tgħid jew tagħti breakdown ta' kemm ħarġu ċertifikati kull wieħed?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li matul l-2004 id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali rċieva 230,223 ċertifikati rigward benefiċċju għal mard li jinkludu ċertifikati first, intermediate u final. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub qed jinġabar u Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Pulizija — Rapporti dwar imwiet traġiċi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hawn imwiet traġiċi din is-sena u x'tip kienu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel tlett xhur tas-sena 2005, l-imwiet traġiċi rrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher hawn taħt: Kawża tal-mewtNumru ta’ persuni Inċidenti tat-traffiku3 Suwiċidju6 Inċidenti fatali oħra4

Pulizija — Rapporti dwar persuni nieqsa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hawn missing persons is-sena l-oħra u din is-sena u kemm instabu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 kien hemm 255 persuna li kienu ġew irrapurtati lill-Pulizija bħala nieqsa, li minnhom 239 kienu rintraċċati, filwaqt li matul din is-sena ġew irrapurtati nieqsa 75 persuna li minnhom 73 ġew rintrattaċati.

Pulizija — Persuni li nqabdu jdaħħlu għasafar f'Malta llegalment

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jdaħlu għasafar u/jew ħlejjaq oħra illegalment f'Malta din is-sena? X'tip kienu u fejn inqabdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena, kien hemm 9 persuni li nstab li ppruvaw jimpurtaw f'Malta xi speċi ta' annimal illegalment, li kienu jinvolvu għasafar ta' l-għana, karkassi, ġlud ta' speċi varji, mammiferi u fkieren ta' l-art. Dawn il-persuni nqabdu, 8 fl-ajruport u 1 fil-port.

Għasafar ta' l-għana — Breeding programmes

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu t-tħejjijiet li jridu jsiru biex qabel is-sena 2007 jinbdew breeding programmes għall-għasafar ta' l-għana?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li meta nħareġ tender għal 'Breeding Programme', l-uniku rispons li kellu r-rekwiżiti neċessarji kien għola mill-budget previst għal dan il-proġett. Għalhekk qed isiru tħejjijiet biex ikun hemm 'Breeding Programme' f'Malta u ieħor f'Għawdex taħt l-awspiċju tal-istess Ministeru.