Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tkeċċew membri tal-korp tal-pulizija kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin u għaliex? Kemm telqu minn jeddhom fl-istess żmien u x'rank kellhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar ħames snin kien hemm 10 membri li tkeċċew mill-Korp tal-Pulizija wara li kienu nstabu ħatja ta' reati kriminali, filwaqt li 6 oħra tneħħew fl-interess pubbliku.
Jista' il-Ministru jgħid kemm spiċċaw gradwati bħala tobba u/jew oħra mill-Institute of Health Care f'dawn l-aħħar għaxar snin? Kemm minn dawn qed jaħdmu Malta illum f'kull grad?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-ebda tabib ma qatt ggradwa mill-Institute of Health Care, nitlob l-Onor. Membru jiċċara l-Mistoqsija.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienu r-riżervi ta' Malta kull sena għal dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni li qed jitlob l-Onorevoli Interpellant hija informazzjoni pubblika u tinstab fit-tabelli tar-rivista ta’ kull tlett xhur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta kif ukoll fuq il-website tal-Bank.
Tista' il-Ministru tgħid kemm nies ġew boarded out is-sena l-oħra? Kemm minn dawn kienu mpjegati u kemm kienu self-employed? Kemm kien it-total minn Għawdex meta kkomparat ma' Malta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Dwar l-Ewwel u t-Tielet Parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10789 f'Seduta Numru 252.
Ninsab infurmata li ma tinżammx statistika dwar l-informazzjoni mitluba fit-Tieni Parti tal-Mistoqsija.
Jista' il-Minsitru jgħid għaliex il-kumitat olimpiku Malti ippermetta li persuna li m'għandix liċenzja biex tuża arma tan-nar tirrappreżenta lill-Malta f'kompetizzjonijiet lokali u internazzjonali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill Malti għall-iSports m'għandux informazzjoni dwar it-tagħrif mitlub peress li l-Kumitat Olimpiku Malti ma jaqax taħt il-KMS.
Billi persuna li ma kellix liċenzja biex tuża arma tan-nar tħalliet mill-pulizija tittrenja u tispara u anke tirrappreżenta lil Malta fi sparar meta din ma kelhiex liċenzja, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex dan tħalla jsir? Billi dan tħalla jispara minn meta kellu għaxar snin, jidhirlu l-gvern li l-eta' ta' l-isparar fuq Range għandha tiġi minn għaxar snin 'il fuq?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li l-Pulizija tat xi permess kif indikat mill-Onorevoli Interpellant. Infurmat ukoll illi fl-Att il-ġdid dwar l-Armi ser ikunu proposti tibdiliet sabiex f'każijiet speċjali tkun tista' tingħata liċenzja lil żgħażagħ taħt it-18-il sena iżda li jkunu għalqu 16-il sena, għal ġarr u pussess ta' armi li jintużaw għall-isparar bħala sports. Ovvjament dan ikun taħt salvagwardji meħtieġa sabiex ma jsirux abbużi.
Jista' il-Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - ittellgħet quddiem il-PSC? Ta' xiex hi akkużata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi l-każ li qiegħed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant għadu sub judice u għaldaqstant ma jkunx xieraq li tingħata informazzjoni f’dan l-istadju.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jkun hemm pulizija jew warden fl-inħawi tal-junior college primarjament ħdejn il-ħwienet tax-xorb peress li qed ikun hemm ħafna studenti jagħmlu storbju u vendikazzjonijiet lir-residenti tal-madwar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizjia, kemm dawk tad-Distrett kif ukoll tat-Taqsima ta' kontra d-Droga, jagħmlu rondi b'mod regolari fil-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex twaqqfet l-għajnuna tal-mard lill-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - u tara li din issa tingħatalha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali nforma direttament u bil-miktub lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant dwar il-każ tagħha.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba ġew avvelenati għasafar ġewwa l-airport tal-Gudja s-sena l-oħra u din is-sena? Kemm inġabru għasafar mejta minħabba dan l-avvelenament u x'tip kienu? Għaliex l-airport mhux juża mezzi oħra ta' kontroll anqas krudili, bħal ħsejjes u għasafar tal-priża mgħallem?
Response (GATT, AUSTIN)
Kif jaf l-Onor. Interpellant, l-MIA Ltd hi kumpanija pubblika kkwotata fuq il-Borża ta' Malta fejn il-Gvern għandu biss sehem minoritarju. Konsegwentament il-Ministeru tiegħi m'għandu ebda funzjoni amministrattiva.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm iqum lill-gvern kull ħabsi kull jum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi jekk jingħaddu s-salarji ta' l-impjegati tal-Ħabs, l-ispiża tal-ikel, il-ħlas lill-ħabsin li jaħdmu, l-ispejjeż għal programmi ta' riabilitazzjoni, l-ispiża tas-servizzi tas-saħħa, u spejjeż oħra rikorrenti u jiġi diviż it-total bin-numru tal-medja ta' priġunieri f'kull ġurnata matul is-sena, l-ispiża tiġi madwar Lm26.94 kuljum.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'tip ta' xogħol jagħmlu l-ħabsin illum u kemm minn dawn jaħdmu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-preżent hemm total ta' mija u wieħed u disgħin (191) priġunier li qegħdin jagħmlu xi tip ta' xogħol.
Ix-xogħol provdut huwa ta' dawn il-ġeneru:-
Xogħol ta' Aluminium
Book Binding
Mastrudaxxa
Tindif ta' Vetturi
Fattigi tad-diviżjonijiet
Xogħol ta' l-elettriku
Xogħol ta' ħadid
Tisjir u tindif (Kċina)
Ħjata
Xogħol fl-istores
Xogħol fit-Tuck Shop
Xogħol ta' ħobż (Bakery)
Jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-bed capacity ta' l-isptar San Luqa illum? Kif inhuma mqassma u x'se tkun il-bed capacity ta' l-isptar Mater Dei u kif se jkunu mqassma? Jista' il-Ministru jgħid kemm minn dawn ta' l-aħħar se jkunu għall-pazjenti barranin u/jew bi ħlas għall-privat?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.