Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn inkjesti maġisterjali pendenti llum u fuq xiex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li hemm 1,475 inkjesti pendenti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Malta), filwaqt li fil-Qorti ta' Għawdex hemm 178.
Ai termini tal-liġi, informazzjoni fuq x'hiex huma dawn l-inkjesti, ma tistax tingħata.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm insterqu oġġetti mill-qorti kull sena għal dawn l-aħħar għaxar snin? Kemm minnhom instabu u x'insteraq?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-uniku rapport ta' serq mill-Qrati tal-Ġustizzja f'dawn l-aħħar 10 snin seħħ fis-sena 2003. Fis-17 ta' Novembru 2003, Security officer irraporta li naqsu erba' fire extinguishers mill-basement tal-Qorti. Sal-lum dawn għadhom ma nstabux.
Tista' il-Ministru tgħid jekk il-party li se jsir ġewwa Paradise Bay f'Ġunju li ġej u li se jsir bil-lejl u bi nhar huwiex fuq il-kriterji u kundizzjonijiet li ħareġ il-ministeru għal dawn il-parties? Jekk iva, jista' jgħid x'inhuma l-kriterji u l-kundizzjonijiet għal dan il-party in partikolari?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm tkeċċew membri ta' l-armata kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin, għaliex u x'rank kellhom? kemm telqu minn jheddhom fl-istess żmien?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-pulizija ħarġet il-permess biex isir party bil-lejl u bi nhar ġewwa Paradise Bay fiċ-Ċirkewwa fix-xahar ta' Ġunju meta fl-inħawi jkun qed ibejjet il-merill u għasafar oħra protetti peress li huwa illegali li xi ħadd ifixkel dawn l-għasafar milli jbejtu? Billi Ġunju huwa l-aqwa żmien meta l-għasfur nazzjonali ibejjet u billi ħsejjes u dwal u nies jgħajtu u jagħmlu l-istorbju b'mużika qawwija se tfixkel lil dawn l-għasafar milli jbejtu, jidhirlu li għandu jwaqqaf din l-atttivita' u jipposponi l-ħruġ tal-permess għal xhur oħra meta l-għasfur nazzjonali ma jkunx qed ibejjet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija għadha ma ħarġet ebda permess sabiex tinżamm l-attivita' imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Fil-fatt ninsab infurmat ukoll illi kien biss nhar it-2 ta' Mejju 2005, li l-Pulizija rċeviet applikazzjoni sabiex tinżamm attivita' simili fil-lokalita' msemmija nhar il-5 ta' Ġunju. Infurmat ukoll illi din l-applikazzjoni, s'issa, għadha ma ġietx kontestata skond kif stipulat fir-Regolamenti ta' l-1991 dwar Proċeduri rigward Liċenzji tal-Pulizija.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-MEPA tat il-permessi meħtieġa biex isir party ġewwa Paradise Bay fix-xahar ta' Ġunju, meta l-MEPA taf illi f'dak ix-xahar l-għasfur nazzjonali il-merill ikun qed ibejjet għaliex huwa żgur illi mużika, dwal u nies jgħajtu bil-lejl u bi nhar ifixklu din l-attivita' u għalhekk dan huwa illegali?
Jidhirlux għaldaqstant il-Ministru li għandu jwaqqaf din l-attivita' milli ssir u tiġi posposta għal xi żmien ieħor tas-sena meta l-għasfur nazzjonali u għasafar oħra ma jkunux qed ibejtu fil-bajja u fl-irdum tal-madwar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li din l-attività ilha issir għal dawn l-aħħar erbgħa snin. Il-permess li ħarġet l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) jirreferi għall-użu ta' art li hija diġa mittiefsa u l-bajja tar-ramel, u dan għal lejl wieħed biss. M’hemmx evidenza li turi li dan jista’ jkun ta’ tfixkil sinifikanti għall-merill. Il-MEPA ukoll irriservat id-dritt li tispezzjona s-sit wara l-attività sabiex taċċerta li ma tkunx saret ħsara. L-Awtorità talbet garanzija bankarja f'dan ir-rigward.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm insterqu affarijiet minn ġewwa l-barracks tal-forzi armati kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin? X'kienu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li matul is-snin 2000, 2002 u 2003 ma kien hemm l-ebda rapporti ta’ serq mill-barracks tal-Forzi Armati ta’ Malta. Fl-2001 kien hemm każ ta’ serq ta’ flus kontanti għal valur ta’ 24 Liri Maltin (Lm24), każ ta’ serq ta’ jack hammer (għodda li tintuża għat-tħaffir) u każ ta’ serq ta’ helmet li jintuża għal waqt l-irvellijiet. Fl-2004 kien hemm każ fejn insterqu xi ħwejjeġ (clothing) militari minn lockers ta’ xi suldati, u każ ieħor fejn insterqu (2) batteriji tat-trakkijiet.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm insterqu jew naqsu oġġetti mill-għases tal-pulizija u/jew mid-depot is-sena l-oħra? X'kienu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra kien hemm tlett każi fejn ġie irrapurtat li naqsu xi oġġetti minn bini użat mill-Korp tal-Pulizija. Dawn l-oġġetti kienu jikkonsistu f'cellular phone, aċċessorji minn vettura u arma tan-nar.
Billi dalwaqt tiġi Malta delegazzjoni tal-UE biex tara jekk il-liġijiet dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa humiex qed jiġu mħarsa mill-kaċċaturi, jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex se jinforma lid-delegazzjoni li fl-istess waqt il-gvern qed jippermetti li jsiru parties f'area li ġo fiha jbejjet l-għasfur nazzjonali li hu protett u li dan isir waqt l-istaġun tal-bejta ta' dan l-għasfur u għad-detriment ta' kull bejta tal-merill jew ta' għasafar oħra li jiġu abbandunati minħabba dawn il-parties li jistgħu jsiru faċilment jew f'xi żmien ieħor jew inkella band'oħra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari numru 11912.
Qasam tas-saħħa — Rapporti dwar imġieba abbużiva minn ħaddiema
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta' imġieba abbużiva ta' impjegati fil-qasam tas-saħħa fuq pazjenti f'dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? X'kien l-abbuż u l-grad ta' min allegatament wettqu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ma tinżammx statistika tan-numru ta' rapporti ta' imġieba abbużiva ħlief għal dawk li jwasslu għal passi dixxiplinarji jew jiġu riferuti lill-pulizija.
Mill-informazzjoni li għandi jidher li kien hemm żewġ każi ta' negliġenza minn Enrolled Nurses li meta ġew dixxiplinati ma nstabux ħatja.Kien hemm każ ta' fastidju sesswali minn Senior Physiotherapist li wara investigazzjoni mill-pulizija ma kienx hemm bażi għal azzjoni kriminali. Hemm każ ieħor ta' fastidju sesswali minn tabib li għadu qed jiġi nvestigat mill-pulizija.
Jista' il-Minsitru jgħid kemm hawn gradwati llum jirreġistraw għax-xogħol u x'tip ta' degree għandhom? Jista' jagħti informazzjoni ta kemm hawn gradwati jaħdmu llum u jagħti breakdown tad-degree li għandhom? Kemm hawn gradwati jagħmlu xogħol li mhux konness mad-degree li għandhom? X'tip ta' degree għandhom u x'qed jagħmlu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fi Frar 2005 kien hemm 74 persuni gradwati li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol. Lista tad-degree tagħhom ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Informat ukoll li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ma' tiġborx statistika ta' kemm hemm gradwati jaħdmu.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhu l-average ta' ħlas fuq VAT u fuq l-income tax għall-persuna impjegata u oħra self-employed Maltija u Għawdxija għas-sena 2003?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu vapuri tal-gwerra din is-sena, x'tip kienu u ta liema nazzjonalita' kienu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru ta' vapuri militari li daħlu Malta bejn Jannar u April ta' din is-sena kien ta' 7. Dawn huma:
Data Tip Nazzjonalita'
09/03/05 Navy - Frigate Franza
24/03/05 Navy - Frigate Ingilterra
26/03/05 Navy - Frigate Ġermanja
04/04/05 Navy - Frigate Franza
09/04/05 Navy-Landing Stati Uniti
Ship Logistics
09/04/05 Navy - Cruiser (CG) Stati Uniti
22/04/05 Navy - Destroyer (DDG) Spanja
Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu cruise liners din is-sena u kif jikkompara dan ma l-aħħar ħames snin għall-istess perijodu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru ta' cruise liners li daħlu f'pajjiżna minn Jannar sa Marzu kien ta' 18.
In-numru ta' cruise liners li għall-istess perjodu kienu f'pajjiżna dawn l-aħħar ħames snin huwa kif ġej:
Sena Numru ta' Cruise Liners
2000 10
2001 15
2002 21
2003 11
2004 5
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm tkeċċew membri ta' l-armata kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin, għaliex u x'rank kellhom? kemm telqu minn jheddhom fl-istess żmien?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm nisa membri fl-armata llum, x'rank għandhom u x'xogħol jagħmlu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li sat-30 ta’ April 2005 fil-Forzi Armati ta’ Malta kien hemm tmienja u tletin (38) membru regolari mara. Il-gradi jew ranks tagħhom huwa kif ġej:
Waħda (1) Uffiċjal Kaptan, waħda (1) Uffiċjal Kadett, waħda (1) Bombardier, tlettax (13) Lance Bombardier, wieħed u għoxrin (21) Gunner u Gunner-Rekluta.
Dawn jagħmlu xogħol li jvarja minn xogħol amministrattiv, xogħol ta’ skrivana, assistenza medika, ħajjata u għassiesa. L-uffiċjal kadett bħalissa qed tattendi kors l-Ingilterra relatat ma’ xogħol ta’ uffiċjal navali bl-iskop li meta tiġi lura taħdem fl-Iskwadra Marittima.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-kumitat olimpiku Malti hux se jibgħat persuni li m'għandhomx liċenzja ta' l-isparar jirrappreżentaw lill-pajjiżna f'kompetizzjonijiet lokali jew internazzjonali bħalma diġa' għamlu?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Membru jirreferi għat-Tweġiba numru 11862.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm daħlu rapporti ta' abbuż kommess minn uffiċjali u membri tal-korp tal-pulizija fuq persuni oħra kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin? X'kien l-allegat abbuż? Kemm minn dawn saru fuq membri tal-korp minn membri oħra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika tat-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.