Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bdil ta' gallarijiet ta' l-injam

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk persuni li jibdlu gallarijiet ta' l-injam humiex intitolati għal xi kumpens jew għajnuna oħra, bħal rifużjoni ta' VAT, eċċ.?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorita' tad-Djar tamministra tlett skemi li permezz tagħhom sidien jew inkwilini jistgħu jikkwalifikaw għal sussidju għal stallar ta' galleriji ta' l-injam. Dawn l-iskemi huma: Skema Z - Sussidju sa massimu ta' Lm1,200 fuq xogħlijiet ta' irranġar u titjib f'residenzi privati okkupati minn sidien; Skema 5 - Sussidju sa massimu ta' Lm1,200 fuq xogħlijiet ta' irranġar fi djar privati okkupati minn inkwilini jew ċenswalisti; Skema W - Sussidju sa massimu ta' Lm1,000 fuq xogħlijiet ta' irranġar fi djar proprjeta' fi Gvern. Il-VAT imħallsa fuq xogħlijiet tkun tista' tiġi rifuża jekk ir-residenza tkun l-ewwel dar ta' abitazzjoni ta' l-applikant u tkun inbniet qabel l-1960.

Pulizija — Persuni akkużati b'white slave traffic

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti akkużati b'white slave traffic għal skopijiet ta' prostituzzjoni sena b'sena, f'dawn l-aħħar tlett snin u x'weħlu wieħed wieħed separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-persuni mressqa l-Qorti mill-Pulizija fuq akkużi ta’ tlajjar għal skop ta’ prostituzzjoni tul dawn l-aħħar tlett snin, sal-31 ta’ Mejju 2005, huwa kif jidher hawn taħt: 200320042005 Numru ta’ persuni467334 Numru ta’ każi14125190 Is-sentenzi mogħtija kienu jinkludu priġunerija, sentenza sospiża, multa u twiddiba.

School-girl mothers unit

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn tfal jattendu l-ischool-girl mothers unit illum u għaliex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa hemm 78 tfajla tqila taħt it-18-il sena li qed jattendu jew il-programm offrut mill-Unit GĦOŻŻA (Għajnuna għall-Ommijiet Żgħażagħ għall-Żogħżija Ahjar) tlett darbiet f'ġimgħa, jew inkella qegħdin jirċievu s-servizz ta' Counselling offrut mill-istess Unit. Hemm 25 tfajla omm oħra li mat-tfal zgħar tagħhom qed jattendu l-Mother & Baby Support Group ta' darba fil-ġimgħa.

Armier — Bini ta' boat houses

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-pjani tal-gvern dwar il-bini tal-boat houses fl-Armier u fiex waslu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-proposti ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) dwar l-iżvilupp ta' Beachrooms fl-Armier ġew ippubblikati fil-Pjan ta' Azzjoni għal Marfa fl-2002. Dan il-Pjan identifika ħames siti fil-Marfa fejn, wara li jkun approvat il-Pjan, jista' jsir żvilupp ta' Beachrooms taħt ċertu kundizzjonijiet. Wara konsultazzjoni pubblika, dawn is-siti qed jiġu riveduti.

Host families — Taxxa tad-dħul

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-pjani tal-gvern fejn jidħlu taxxa tad-dħul, fejn jikkonċerna dawk il-familji li jżommu studenti barranin bħala host families?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-sistema tat-taxxa fuq id-dħul li hija addottata f’Malta hija bbażata fuq is-self assessment. Ma jidhirlix li għandi nagħti indikazzjonijiet dwar pjani tal-gvern f’dak li għandu x’jaqsam mas-sistema tat-tassazzjoni f’pajjiżna.

Djar ta' l-anzjani — Pensjoni tar-residenti

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm inżammu flus mill-pensjoni tar-residenti fi djar ta' l-anzjani din is-sena s'issa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-ammont ta' kontribuzzjonijiet miġbura mill-anzjani residenti fi djar u istituzzjonijiet, inkluż dawk taħt skemi ta' Public Private Partnership, bejn Jannar u April 2005, kien ta' Lm1,212,840.

Ċirkewwa — Rave party f'Paradise bay

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija ħarġitx il-permess biex isir rave party fil-Paradise bay, iċ-Ċirkewwa, fil-bidu tax-xahar li ġej, minkejja li dan jista' jfixkel il-merill u għasafar protetti oħra li jkunu jbejtu f'dan iż-żmien? Jaqbel il-Viċi Prim Ministru li l-post mhux wieħed ideali u dan għaliex f'dawn il-parties ħafna drabi tittieħed kwantita' ta' droga ecstasy, tant li fil-passat diġa' mietu nies waqt dawn l-attivitajiet u ħafna ttieħdu l-isptar ibatu mill-effetti ta' din id-dorga, meta l-post huwa 'il bogħod mill-isptar u m'hemmx aċċess għal ambulanza f'każ ta' emerġenza?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ħarġet il-permess sabiex issir l-attivita' imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, wara li l-applikazzjoni ġiet proċessata u l-applikant ipproduċa l-permessi meħtieġa minn Dipartimenti u entitajiet oħra, fosthom l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Infurmat ukoll illi din l-applikazzjoni baqgħet ma ġietx kontestata skond kif stipulat fir-Regolamenti ta' l-1991 dwar Proċeduri rigward Liċenzji tal-Pulizija. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija naħseb li l-Onorevoli Interpellant, japprezza wkoll illi l-isventuri msemmija, sfortunatament jistgħu iseħħu fi kwalunkw post ta' divertiment. Pero' ninsab infurmat illi fost il-kundizzjonijiet mogħtija f'dan il-permess hemm li jrid ikun hemm preżenti staff mediku u ambulanza, kif ukoll numru ta' pulizija mill-Iskwadra ta' Kontra d-Droga, kif ukoll minn tad-Distrett.

Sigurta' Soċjali — Każ ta' care order

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk it-tifla li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li hija taħt care order hijiex se tiġi fdata f'idejn ommha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Filwaqt li b'mod ġenerali ngħid li fil-każ ta' minuri taħt Care Order jien nimxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord Konsultattiv għat-Tfal u ż-Żgħażagħ, imwaqqaf skond l-Att dwar Tfal u Żgħażagħ (Ordnijiet għall-Ħarsien), ma nħossx li għandi ngħati informazzjoni dwar każ speċifiku, kopert mill-imsemmi Att, fejn l-aspett personali hu assolutament kunfidenzjali u dan fl-aħjar interess tal-partijiet konċernati.
Leg 10 PQ #12793 Sitting 276 2005-06-06 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Diskussjonijiet bejn Malta u l-Libja dwar is-sajd

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet bejn Malta u l-Libja dwar il-kwestjoni tas-sajd?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nhar is-Sibt u l-Ħadd li għadda, jiena żort il-Libja fejn iltqajt mal-Prim Ministru Libjan, mal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin Libjan u diversi Ministri u ufficjali oħrajn. Mil-laqghat li kelli deher li n-naħa Libjana fehmet it-tħassib u l-prokkupazzjoni tal-Gvern Malti dwar il-kwistjoni tas-sajd. Iż-żewġ naħat esprimew ir-rieda tagħhom li tinstab soluzzjoni li tkun ta' benefiċċju għaż-żewg pajjizi..
Leg 10 PQ #12794 Sitting 276 2005-06-06 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Dipartiment tal-Mużewijiet — Oqbra antiki

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk id-dipartiment tal-mużewijiet sabx xi oqbra antiki f'dawn l-aħħar ħames snin u jekk iva, fejn? Jista' jgħid jekk instabux mumji jew fdalijiet umani u/jew ħwejjeġ oħra? Jekk iva, x'instab u fejn?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li bejn is-snin 2000 u 2004 instabu disa siti ta’ oqbra antiki. Dawn is-siti ġew investigati sal-2002 mid-Dipartiment Tal-Mużewijiet, u mil-2003 mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali: Is-siti in kwistjoni huma : 1) Skav ta' parti minn Katakombi Rumani fi Triq San Ġwann l-Għammiedi, Rabat fl-2001. Dawn il-fdalijiet kienu qed jintużaw bħala kantina f’żminijiet reċenti, u ma nstabu l-ebda fdalijiet umani. 2) Skav ta’ qabar Puniku il-Mistra fl-2001. F’dan il qabar instabu fdalijiet ta’ għadam uman u ta’ fuħħar Puniku. 3) Skav ta’ qabar Feniċju f’l-art tal-Kulleġġ ta’ Sant' Agata ir-Rabat, fl-2001. Dan il-qabar instab kważi vojt, ħlief għal ftit fdalijiet ta’ għadam uman u xi biċċiet zgħar ta’ fuħħar feniċju. 4) Skav ta’ qabar Feniċju fil-limiti tar-Rabat, fl-2002. Dan il-qabar kien fih kemm għadam uman, kif wkoll għadam ta’ annimali. Il-fuħħar misjub f’dan il-qabar kien tal-perjodu Feniċju, Puniku u Ruman. 5) Skav ta’ oqbra Rumani f’Triq R. Saliba. Rabat, fl-2003. F’dawn l-oqbra nstabu kemm għadam uman kif wkoll fuħħar tal-perjodu Ruman. 6) Skavi ta’ parti minn katakombi Rumani, f’Triq San Gwann L-Għammiedi, Rabat, fl-2004. Dawn il-katakombi kienu ntużaw f’zminijiet reċenti bħala stallel, u għaldaqstant fihom ma nstabu l-ebda traċċi ta’ għadam jew ta’ materjal antik iehor. 7) Skavi ta’ katakombi Rumani f’Triq G. Borg Olivier, Rabat, fil-2004. Dawn il-katakombi kienu intużaw f’żminijiet reċenti bħala shelters tal-gwerra, u għaldaqstant fihom ma nstabu l-ebda traċċi ta’ għadam jew ta’ materjal antik ieħor. Ta' min iżid li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali hija impenjata regolarment f progetti ta' skavar arkeoloġiċi mportanti u ta' importanza nazzjonali, kif ukoll għal protezjoni ta' dawn il-monumenti arkeoloġiċi. Wieħed għandu jsemmi l-iskavi arkeoloġiċi li għadejjin bħal issa f'żewġ lokalitajiet ta' Malta, taħt id-direzzjoni tas-Sovrintendenza għall-Patrimonju Kulturali. Skavi fil Pjazza tal-Katidral, l-iMdina Dawn l-iskavi ilhom għaddejin għal sitt gimgħat, u qed jiġu diretti mis-Sovrintendenza, f'kollaborazzjoni mal-Mdina Rehabillitation Committee. Dawn l-iskavi qed jitfgħu dawl importanti fuq l-istorja antika tal-Mdina minn zmien il-Fenici u r-Rumani, sa żmien in-Normanni. Dan huwa l-ewwel skav estensiv li qatt sar fl-Imdina, u għal din ir-raguni qed jatgħtina rizultati ferm iktar cari milli qatt qabel. Skavi fix-Xatt il-Mollijiet, Marsa Dawn l-iskavi huma rizultat ta' xogħol infrastrutturali mid-Diviżjoni tax-Xogħolijiet fil-pjanura tal-Marsa. Waqt dan ix-xogħol instabu partijiet ta' bini antik mirdum. L-investigazjoni tas-Sovrintendenza stabiliet li dawn ir-rovini kienu parti minn stabiliment kbir, ta' zmien ir-Rumani. Jidher biċ-ċar li dan is-stabiliment kien jifforma parti minn port antik, li kien anke jintuża fiż-żmien il-medjovali. Din hija skoperta kbira kemm għal Malta kief wkoll għar-regjun Mediterranju. Is-Sovrintendenza issa qegħda tiddokumenta dawn is-sejbiet, permezz ta' xogħol ta' skavar. Qed isiru wkoll studji biex dan il-monument arkeologiku jigi salvat, b'ko-ordinazjoni tad-Divizjoni tax-Xogħolijiet.

Msida — Muturi pparkjati

Question

Billi ġewwa Triq Ta' Xbiex fl-Imsida kantuniera ma' Antonio Bosio Str, Msida qed ikun hemm muturi pparkjati ġo parking bay ta' karozza, meta eżatt maġenb din il-parking bay hemm parking bay apposta għall-muturi li qed tkun vojta, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-forzi ta' l-ordni, jiġifieri l-wardens jew il-pulizija, qed iħallu dan l-abbuż isir sfaċċjatament? Jista' jara li dan l-abbuż jieqaf?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7671.

Qrati — Persuni ħatja dwar traffikar ta' droga

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm instabu persuni ħatja ta' traffikar ta' droga s-sena l-oħra? X'weħlu l-barranin f'kull kas u x'weħlu l-Maltin? Billi l-liġi tgħid illi min jinstab ħati ta' traffikar ta' droga jistgħu jiġu kkonfiskati xi flus, bini u affarijiet oħra, jista' jgħid kemm ġew ikkonfiskati flus, bini u affarijiet oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fis-sena 2004 fil-Qorti nstabu 44 persuna ħatja ta' traffikar ta' droga. Minn dawn 25 kienu Maltin filwaqt li kien hemm 19-il barrani. L-informazzjoni dwarhom mitluba hi kif tidher fil-listi li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Paradise Bay — Użu għal rave party

Question

Jidhirlu l-Viċi Prim Ministru li hu sewwa u ġust li l-Paradise Bay kellha tingħata lil xi ħadd biex isir rave party bi nhar u anke bil-lejl, bi ħlas u għall-profitt, filwaqt li l-poplu kollu jinżamm milli jmur jgħum jew igawdi l-inħawi waqt li ħaddieħor jistagħna? Kemm se jħallas l-organizzatur għall-kiri tal-bajja għall-party li se jsir ġewwa Paradise Bay f'Ġunju li ġej?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi meta jingħataw permessi biex isiru attiviatajiet f'bajjiet, il-permessi jkunu suġġetti għall-kundizzjoni li l-bajja tibqa' aċċessibli u miftuħa għall-pubbliku. Id-Dipartiment tal-Artijiet ma irċieva l-ebda ilment mill-pubbliku li xi ħadd inżamm milli jmur jgħum meta saret l-aħħar attivita' f'din il-bajja. Rigward l-attivita' li sa ssir f'Ġunju li ġej, l-organizzaturi ser iħallsu mija u ħamsin lira maltin (Lm150).

Qrati — Esperti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħareġ flus il-gvern fi ħlasijiet għall-esperti tal-qorti s-sena l-oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 l-Gvern ħallas l-ammont ta' Lm339,886.67 lill-esperti tal-Qorti f'Malta, filwaqt li għall-istess perijodu, fil-Qorti ta' Għawdex l-ispiża kienet ta' Lm11,155.66.