Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizz Pubbliku — Ħaddiema 'il fuq minn 61 sena

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid illum kemm hawn persuni li għandhom 'il fuq minn 61 sena mal-gvern u fejn qegħdin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi hemm 99 impjegat li għandhom ’il fuq minn 61 sena u qegħdin fil-Ministeri u dipartimenti tal-Gvern. Dettalji, Ministeru, Ministeru, ta’ fejn qegħdin dawn l-impjegati, jidhru fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korp tal-pulizija — Persuni trasvestiti bħala membri

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-korp tal-pulizija idaħħalx persuni trasvestiti bħala membri u jekk le, għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Kull persuna li għandha l-kwalifiki neċessarji skond l-avviż pubbliku tista' tapplika biex tidħol fil-Korp. Il-Bord ta' l-għażla f'"interview" li għaliha jattendi, jeżamina jekk l-applikant hix persuna idoneja li taqdi dmirha b'mod effiċjenti u effettiv fil-Korp tal-Pulizija.

AFM — Persuni omosesswali

Question

Billi ħafna armati ma jaċċettawx persuni omosesswali, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk l-armata Maltija tagħmilx dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Forzi Armati ta’ Malta m’għandhomx policy rigward persuni li huma omosesswali, iżda tajjeb li wieħed iżid jgħid li l-Armata ma tiddiskriminax kontra tagħhom.

Għawdex — Rabat - twaqqigħ ta' djar

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-MEPA ħarġet il-permessi biex iż-żewġt idjar kbar f'Race course Street, Victoria jitwaqqgħu u flokhom jitla' kumpless? Jaqbel il-Ministru li dan jistona mal-kumplament tal-bini tal-madwar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti (Development Permit Reports) magħmula mid-Direttorat ta’ l-Ippjanar fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) li jirreferu għal outline permit u l-full development permit. Dawn fihom, fost oħrajn, l-argumentazzjoni favur jew kontra t-twaqqigħ tal-faċċata in kwestjoni.

Testijiet għal-liċenzja tas-sewqan

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm saru testijiet għal-liċenzja tas-sewqan din is-sena u kemm weħlu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #13078 Sitting 283 2005-06-22 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ħruġ ta' visas

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inħarġu visas din is-sena u għal liema pajjiż?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Peress li l-informazzjoni mutluba tinkludi tagħrif li jinstab ukoll f'Ministeru ieħor, l-informazzjoni qed tinġabar.
Leg 10 PQ #13080 Sitting 283 2005-06-22 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Dipartiment tal-mużewijiet — Sejba ta' katakombi f'Targa Gap

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk id-dipartiment tal-mużewijiet huwiex se jiskava f'art jew ġonna privati li hemm f'Targa Gap fejn instabu katakombi dan l-aħħar u jekk le, għaliex?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-art fejn jinsabu il-katakombi magħrufa bħala Tal-Bistra, limiti tal-Mosta, jinsabu kollha ġewwa propjeta tal-Gvern. Dan jinkludi dawk il-katakombi li reġgħu inkixfu mill-ġdid iktar kmieni dis-sena, waqt xogħol ta’ tranġar tat-toroq. Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali hija responsabli għall-investigazjonijiet li għaddejjin f’din il-parti tal-katakombi reċentement mikxufa. Dawn l-investigazjoniet se jitkomplew mis-Sovrintendenza biex is-sit jigi dokumentat u skavat kif jixraqlu. Il-bqija tas-sit magħruf bħala Tal-Bistra kien ġie skavat fil-1914 u fil-1933 mid-Dipartiment tal-Muzewijiet.

Pulizija — Abbuż mid-droga

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija jiġux regolarment iċċekkjati għall-abbuż mid-droga u jekk iva, kemm instabu pożittivi s-sena li għaddiet u din is-sena? Jekk le, ma jaħsibx li dan għandu jibda jsir?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fejn ikun hemm suspett ta' abbuż ta' droga minn xi membru tal-Korp tal-Pulizija, isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa, inkluż testijiet mediċi jekk ikun il-każ.

AFM — Abbuż mid-droga

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm suldati nstabu li abbużaw mid-droga s-sena l-oħra u din isena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li din is-sena (sa l-14 ta’ Ġunju 2005) ma kien hemm l-ebda każ ta’ abbuż mid-droga minn membri tal-Forzi Armati, filwaqt li s-sena l-oħra kien hemm erba’ każijiet. L-ebda wieħed mis-suldati nvoluti ma għadu fl-Armata.

Parlament Ewropew — Żweġijiet bejn l-istess sess

Question

Billi ġewwa l-Parlament Ewropew qed tinħema liġi biex żweġijiet bejn l-istess sess li jkunu saru barra minn Malta jiġu rikonoxxuti ma' l-Ewropa kollha, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux jieħu passi biex f'din l-eventwalita' Malta żżomm il-pożizzjoni preżenti ?

Response (BORG, TONIO)

Ma hemm ebda abbozz ta' direttiva jew Regolament quddiem il-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja u Intern sabiex ikun hemm tali rikonoxximent. Malta dejjem għamlitha ċara li żweġijiet bħal dawn huma kontra l-public policy ta' pajjiżna.

Pulizija — Tlajjar għall-prostituzzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu persuni allegatament jitlajjaw għall-prostituzzjoni fl-ewwel ġimgħa ta' Mejju; fit-tieni ġimgħa ta' Mejju; fit-tielet ġimgħa ta' Mejju; fir-raba' ġimgħa ta' Mejju u fl-ewwel ġimgħa ta' Ġunju? Fejn inqabdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher hawn taħt: Mejju 05 1 ġimgħaMejju 05 2 ġimgħaMejju 05 3 ġimgħaMejju 05 4 ġimgħaĠunju 05 1 ġimgħa Numru ta’ persuni72392 Lokalita’Marsa Ta’ XbiexMarsa Ta’ XbiexMarsa Ta’ XbiexMarsa Ta’ XbiexMarsa Ta’ Xbiex
Leg 10 PQ #12980 Sitting 282 2005-06-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Bajja ta' Buġibba

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm se tiġi tiswa l-bajja ta' Buġibba li se tiġi rranġata? Min se joħroġ il-flus? Wara li tiġi rranġata, il gvern se jgħaddi din lill-privat? Jekk iva, kif?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-istima tal-bajja hija ta' Lm 400,000 imma dan jiddependi mir-reviżjonijiet tekniċi li jistgħu jinfluenzaw is-somma msemmija. Dwar il-finanzjament tal-bajja, qegħdin jiġu preparati skemi li jistgħu jinvolvu partnership mal-privat. Bħal fil-każ tal-bajja ta' San Ġorġ, din il-bajja mhux ser tgħaddi lill-privat, iżda jiġi kkonsidrat beach enroachment, li huwa neċessarju biex ikun possibli li l-manutenzjoni tal-bajja jiġi kopert.

Fondi lil Malta mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm irċeviet flus Malta mill-Unjoni Ewropea minn meta saret membru u kemm ikkontribwiet fl-istess żmien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Matul il-perjodu ndikat mill-Onorevoli Interpellant, Malta rċiviet l-ammont ta’ Lm46,231,717 mill-Unjoni Ewropea filwaqt li kkontribwixxiet l-ammont ta’ Lm25,965,865 sabiex b’hekk fadal bilanċ ta’ Lm20,265,852.

Rave party fiċ-Ċirkewwa — Għotja għall-karita'

Question

Billi min organizza r-rave party li sar fil-5 ta' Ġunju, 2005 f'Paradise Bay fiċ-Ċirkewwa qal illi parti mill-qliegħ se jmur għall-karita', jista' il-Prim Ministru jgħid kif id-dipartiment tal-VAT u tat-taxxi interni se jiżguraw li dan verament isir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li meta tiġi organizzata attività ekonomika minn xi operaturi tan-negozju, id-Dipartiment tal-VAT ma jkunx infurmat kull darba li ssir xi attività. Jekk l-attività tkunx għall-karità jew le, il-VAT xorta waħda hija imponibbli sakemm ma jintalabx permess speċjali biex l-attività titqies bħala one time philanthropic activity. Għar-rigward tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni, skond l-Atti dwar it-Taxxa, id-dħul mill-attività msemmija huwa taxxabbli. Min-naħa l-oħra, ħlasijiet għal skop ta’ karità mhumiex deduċibbli. Għaldaqstant l-unika rilevanza li jista’ jkollhom il-ħlasijiet imsemmija għad-Dipartiment tat-Taxxi Interni hija jekk min jagħmilhom ikunx talabhom bħala tnaqqis – ħaga li tista’ tiġi verifikata biss wara li tkun intbagħtet il-formola tat-taxxa għas-sena relattiva. F’każ li jinstab li tkun saret talba għal tnaqqis simili, din titqies bħala omissjoni tat-taxxa. Mhix ir-responsabbilità tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni li jiżgura jekk spiża tkunx saret għal skopijiet karitatevoli jew le imma jekk tkunx saret biss għall-produzzjoni ta’ l-income.

Ta' Xbiex Sea Front — Ipparkjar ta' muturi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex żewġ muturi pparkjati ġewwa unloading only zone (kaxxa safra) l-Imsida ġo Ta' Xbiex Sea Front għadhom ma tneħħewx mill-forzi ta' l-ordni? Billi dawn ilhom ipparkjati b'mod sfaċċat u abużiv, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħarġu ċitazzjonijiet il-pulizija u l-wardens fuq dan il-każ ix-xahar li għadda u sal-lum? Kemm ingħataw ċitazzjonijiet oħra f'din it-triq fl-istess żmien?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn spezzjoni li għamlet il-Pulizija nstab illi ż-żewġ muturi huma liċenzjati sabiex jintużaw fit-triq u kienu ipparkjati f'post fejn il-parkeġġ ta' vetturi huwa permess.

Bajjiet f'Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn bajjiet ramlin f'Malta? Kemm hi l-area ta' kull waħda? Kemm minn kull bajja hija mikrija lil terzi għal skopijiet ta' qliegħ? Kemm minn kull bajja partikolari mhijiex mikrija u għaldaqstant tista' tiġi gawduta minn kulħadd mingħajr ħlas?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ bajjiet ramlin f’Malta huwa ta’ tmintax (18) Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi d-daqs ta’ kull waħda minnhom (fuq bażi ta’ aerial photos 2004). Inżid ingħid li : · Bajjiet tar-ramel, jiġifieri bajjiet li għandhom il-parti niexfa eżistenti llum miksija naturali bir-ramel, u li huma mdaqqsa, għaldaqstant jakkomodaw iktar minn 10 persuni (valur arbitrarju) - ramliet zgħar m’humiex inklużi · Bajjiet li kellhom ramel, iżda dan telaq m’humiex inklużi (eż. Xlendi) · Il-bajja ta’ San Gorg, f’Paceville, fejn r-ramel ġie miżjud m’hiex inkluża minħabba li r-ritratti ttieħdu qabel. Dwar il-partijiet l-oħra tal-mistoqsija, din l-informazzjoni taqa’ taħt ir-responsabbiltà tad-Dipartiment ta’ l-Artijiet, u għalhekk nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 10 PQ #12959 Sitting 281 2005-06-20 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Għadira — Lukanda

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk lukanda ewlenija li hemm fit-tarf tal-bypass tal-Mellieħa quddiem il-bajja hijiex se tingħata parti mill-bajja ta' l-Għadira biex timmaniġġjaha hi bi ħlas?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onor interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.