Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pulizija — Prostituti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu prostituti jitlajjaw bejn it-13 u l-20 ta' Ġunju 2005 u fejn? Kemm inqabdu tfal taħt l-eta' f'postijiet ta' divertiment fl-istess żmien?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn it-13 u l-20 ta' Ġunju 2005 kien hemm 9 persuni li nqabdu mill-Pulizija jitlajjaw għal skopijiet ta' prostituzzjoni fl-inħawi ta' l-Msida, Marsa u Ta' Xbiex, filwaqt li fl-istess perijodu ma kien hemm ebda każ ta' żgħażagħ taħt is-sittax-il sena li nstabu f'postijiet ta' divertiment.

Servizz Pubbliku — Ħaddiema li huma ntitolati għal karozza b'xufier

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-gradi taċ-ċivil li huma intitolati għal karozza bi driver - karozza tal-gvern u perks oħra? X'inhuma dawn il-perks?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-uffiċjali ntitolati għal karozza bid-driver huma s-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Segretarju tal-Kabinett, is-Segretarju Permanenti u wħud mill-Kapijiet tad-Dipartiment li jkunu ġabu approvazzjoni speċifika mill-Ministeru tal-Finanzi wara li jkunu taw ir-raġunijiet għalfejn għandhom ikollhom id-driver. L-uffiċjali ntitolati għall-użu ta’ karozza tal-Gvern u perks oħra huma:- (i) uffiċjali fuq performance agreement li jokkupaw kariga minn Direttur ’l fuq; dawn l-uffiċjali huma ntitolati għal fuel, expense allowance u l-ħlas ta’ l-ispejjeż tat-telephone tad-dar. Dawn il-perkaċċi huma approvati skond il-grad ta’ kull uffiċjal u fil-limiti stabbiliti. Uħud jista’ jkollhom ukoll ħlas tal-mobile phone b’approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti tagħhom, fejn dan ikun ġustifikat. (ii) uffiċjali fis-Segretarjati Privati fil-Ministeri, liema benefiċċji huma marbuta mal-pożizzjoni ta’ l-uffiċjal. Dawn il-benefiċċji huma bbażati skond il-guidelines ta’ l-ingaġġ ta’ uffiċjali fis-Segretarjati Privati fil-Ministeru u maħruġa mill-Uffiċċju tal-Kabinett. (iii) uffiċjali f’xi gradi dipartimentali, li jistgħu jingħataw servizz tat-trasport jew xi perkaċċi oħra skond il-ħtieġa tax-xogħol u l-kundizzjonijiet marbuta mal-Ftehim Settorali bejn il-Gvern u l-Union.

Spiża fuq fuel għal użu ta' karozzi tal-gvern

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm nefaq flus il-gvern fuq fuel għall-karozzi u fuq kiri ta' karozzi u/jew vejikoli oħra matul l-2004 u fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern għandu Item ta’ nfiq apposta li tiġbor fiha l-attività tat-trasport fil-Ministeri u d-Dipartiment Governattivi kollha. Kif hemm f’paġna 3 ta’ l-Estimi Finanzjarji għas-sena 2005, dan l-Item jinkludi l-fuel kollu, l-kiri tal-vetturi ntużati, tiswijiet lill-vetturi tal-Ministeri u d-Dipartimenti, u spejjeż oħra relatati mat-trasport. Għas-sena 2004, l-ispiża totali, inkluża 18% VAT kienet ta’ Lm4.3 miljuni. Fis-sena 2005, sa l-aħħar ta’ Mejju, ntefqu Lm1.9 miljuni għall-istess skopijiet.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tara jekk il-persuna li qed insemmi separatament, hix tieħu l-pensjoni li hi ntitolata għaliha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Rave party f'Paradise Bay

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ir-rave party li sar fiċ-Ċirkewwa fil-5 ta' Ġunju kellux bżonn il-permess tal-kunsill lokali tal-Mellieħa u jekk iva, meta ngħata? Jekk il-permess tal-kunsill ma ngħatax, allura kif ħarġet il-permessi l-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 12960.

Rave Party f'Paradise Bay

Question

Billi l-party li sar f'Paradise Bay fil-5 ta' Ġunju u li fih ġara każ ta' overdose li għal ftit ma kienx fatali, kien qed isir f'post 'il bogħod mill-isptar u f'post fejn aċċess għall-ambulanza hu mpossibbli u billi bejn Marzu u Awissu jkun qed ibejjet l-għasfur nazzjonali l-merill, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħaddi l-oġġezzjoni tiegħi għall-ħruġ ta' permessi simili fil-futur fl-istess inħawi lill-control permits board tal-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant ser jiġi kunsidrat.

Rave party f'Paradise Bay

Question

Billi fil-party li sar iċ-Ċirkewwa nhar il-5 ta' Ġunju il-mużika nstemgħet mil-lukanda Paradise Bay u kienet ta' inkonvenjent anke għal ħafna residenti, jista' il-Ministru jgħid jekk l-organizzaturi kisrux il-guidelines tal-MEPA dwar noise pollution u jekk sarx monitoring ta' dan? Jekk sar rapport f'dan is-sens, x'passi se tieħu l-MEPA kontra dan l-abbuż?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħarġet permess sabiex setgħat issir din l-attività minħabba li s-sit huwa skedat u zona ta' konservazzjoni speċjali. Fil-fatt uffiċċjali ta’l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) immoniterjaw iż-żona qabel, waqt, u wara l-attività sa biex jassiguraw li ma ssirx ħsara ambjentali fl-istess żona. Minn dan irriżulta li l-kundizzjonijiet li għamlet l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ġew osservati. Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Pulizija hi l-awtorità kompetenti fir-rigward ta' ħsejjes li jistgħu jkunu ta' nkonvenjent għal min joqgħod viċin.

Pulizija — Qbid ta' droga

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk id-droga li tinqabad mill-pulizija tiġix ittestjata qabel ma tiġi distrutta biex jiġi żgurat li l-purita' tagħha hija l-istess, bħal meta nqabdet? Kif isir il-proċess ta' distruzzjoni u min ikun preżenti? Kemm ġie distrutt is-sena l-oħra u din is-sena? Kien hemm diskrepanzi fil-purita' bejn meta saret is-sejba u qabel ma nqerdet?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8974, ninsab infurmat illi d-distruzzjoni tad-droga ssir skond l-Ordni tal-Qorti. Wara jsir rapport (proċess verbal) tal-proċedura kollha għas-sodisfazzjoni tal-Qorti skond il-liġi. Qatt ma rriżultaw id-diskrepanzi ntavolati fid-domanda.

Korp tal-pulizija — Membri

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn pulizija llum u x'rank għandhom? Kemm hemm nisa u irġiel u kemm ilhom fil-korp? Kemm hemm membri li ilhom aktar minn 25 sena u kif u f'liema sezzjoni, skwadri, eċċ. huma mqassmin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 1,726 membru fil-Korp tal-Pulizija. Dawn huma mqassma kif ġej: Irġiel Nisa Aktar minn 25 sena servizz Kummissarju 1 - 1 Deputat Kummissarju 1 - 1 Assistent Kummissarju 9 - 7 Supretendent 20 1 10 Spettur 76 15 9 Surġent Maġġur 1 - 1 Surġent 282 25 49 Kuntistabbli 1,086 209 90 Ma nħossx li tagħrif aktar dettaljat dwar l-operat tal-Korp tal-Pulizija għandu jkun ippublikat.

Saħħa — Infermiera

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn nurses impjegati mal-gvern illum u fejn huma stazzjonati?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li n-numru ta' nurses li huma impjegati mal-gvern illum huwa ta' 1918. Fit-tabella ta' hawn taħt turi fejn huma stazzjonati. Post tax-Xogħol Numru ta' Nurses Sptar San Luqa 1130 Sptar Monte Karmeli 218 Sptar Sir Paul Boffa 69 Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita' 312 National Blood Transfusion Centre 9 Primary Health Care 163 Policy and Planning 2 Corporate Services Directorate 1 Health Information 4 Nursing Service Directorate 4 Public Health 6 Total 1918

Tobba

Question

Billi tobba barranin jaħdmu f'Malta għandhom paga ogħla minn dik tal-Maltin, jista' il-Ministru jgħid jekk dawk li ġejjin minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea għadhomx igawdu xi vantaġġ? Jekk le, kemm telqu minħabba dan? Kemm hemm tobba bararnin minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea llum? X'pagi u perks għandhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tobba barranin kollha li jaħdmu f'Malta, minbarra wieħed, għandhom l-istess paga bħal dik tal-Maltin. Minbarra dan, huma jitħallsu expatriate allowance ta' Lm1,400 fis-sena. Is-salarju u l-imsemmija allowance ma titħallas taxxa fuqhom. Din tapplika għat-tobba barranin kollha, sew jekk ġejjin minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropeja, sew jekk le. Dawk it-tobba li temmew l-impjieg tagħhom ma tawx raġuni għal dan. Hemm 25 tabib barrani minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropeja. Il-paga tagħhom hija bħal dik tat-tobba Maltin. Kif diġa semmejt hawn fuq, dawn jitħallsu expatriate allowance ta' Lm1,400 fis-sena. Is-salarju u l-imsemmija allowance ma titħallasx taxxa fuqhom. Minnbarra dan dawn it-tobba għandhom dritt għal biljett ta' l-ajru għal pajjiżhom u lura għalihom u għal familja tagħhom għal kull kuntratt ta' sena.

Servizz Pubbliku — Performance bonus

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm membri tas-servizz ċivili ingħataw performance bonus is-sena l-oħra? Kemm kien jammonta globalment? Kemm ma ngħatawx dan? Min huma dawk intitolati għalih?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat, li għas-sena 2004, tħallsu b’ammont totali ta’ Lm254,383 fost dawk l-impjegati tal-Gvern li huma ntitolati għall-Performance Bonus inklużi dawk fl-Armata. Dawn il-Performance Bonuses tħallsu fuq kriterji stabbiliti u a bażi ta’ riżultati miksuba skond kif provdut fil-kuntratt li għandhom fil-pożizzjoni jew fil-ftehim ta’ Klassifikazzjoni li jirregola l-grad tagħhom, kif applikabbli.

Postijiet ta' divertiment — Żgħażagħ taħt l-eta'

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu persuni taħt l-eta' f'postijiet ta' divertiment il-weekend li għadda - dak ta' bejn l-10 u t-12 ta' Ġunju? Jista' jgħid kemm ikunu nqabdu fil-weekend ta' bejn is-17 u d-19 ta' Ġunju peress li din il-mistoqsija se titwieġeb wara li jkun għadda dan il-weekend?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-jumejn imsemmija mill-Onorevoli Interpellant ma kienx hemm każijiet fejn inqabdu persuni taħt is-sittax-il sena f'postijiet ta' divertiment.

Rave party f'Paradise Bay

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru preċiż ta' pulizija li kienu xogħol waqt ir-rave party li sar ġewwa Paradise Bay fil-5 ta' Ġunju, fejn kollega tagħhom ħadet overdose?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kien hemm 30 membru tal-Korp tal-Pulizija dettaljati għal party imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.

Pulizija — Prostituti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu prostituti jitlajjaw f'Ta' Xbiex, Msida u Gżira kuljum bejn l-4 u t-13 ta' Ġunju, 2005? Meta jwieġeb din il-mistoqsija, jista' jgħid kemm se jkunu nqabdu kuljum bejn it-13 u l-20 ta' Ġunju, 2005?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher hawn taħt: 6 ta' Ġunju - 1 8 ta' Ġunju - 3 9 ta' Ġunju - 3 12 ta' Ġunju - 1 13 ta' Ġunju - 3 16 ta' Ġunju - 1 TOTAL - 12

Qrati — Sentenzi sospiżi/sentenzi ta' priġunerija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw probations, suspended sentences, u sentenzi ta' ħabs din is-sena u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi skond ir-records miżmuma fir-Reġistri tal-Qorti Kriminali u Qorti tal-Maġistrati (Malta), il-persuni li weħlu sentenza ta' priġunerija sospiża ta' aktar minn sena, jew sentenza ta' ħabs il-fuq minn sena, huma skond it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Qed inpoġġi ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub dwar Ordni ta' Probation li ngħataw, kif ukoll l-informazzjoni dwar il-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex).

Pulizija li ttellgħu quddiem bord ta' dixxiplina

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu pulizija quddiem bord ta' dixxiplina s-sena l-oħra u din is-sena u għaliex u x'kien l-esodu? X'rank kellhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra kien hemm 2 kuntistabbli li għaddew proċeduri dixxiplinarji skond ir-regolamenti tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, prinċipalment disubbidjenza t'ordnijiet. Il-każ tagħhom ġie deċiż u weħlu jumejn u tlett ijiem sospensjoni tal-paga rispettivament. Kien hemm ukoll 16-il surġent u 176 kuntistabbli li għaddew proċeduri ta' dixxiplina sommarji fuq ksur tat-Tielet Skeda ta' Kap 164. Minn dawn 170 instabu ħatja u ngħataw twaqqif ta' off duty li tvarja minn ġurnata sa sitt ijiem, kif ukoll twissija. Matul din is-sena kien hemm spettur u kuntistabbli li għaddew proċeduri dixxiplinarji skond ir-regolamenti tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, prinċipalment fuq traskuraġni ta' xogħol u disubbidjenza t'ordnijiet rispettivament. Il-każ tagħhom għad mhux deċiż. Kien hemm ukoll 15-il surġent u 139 kuntistabbli li għaddew proċeduri ta' dixxiplina sommarji fuq ksur tat-Tielet Skeda ta' Kap 164. Minn dawn 145 instabu ħatja u ngħataw twaqqif ta' off duty li tvarja minn ġurnata sa ħames t'ijiem, kif ukoll twissija.

Pulizija — Persuni jgħumu lebsin b'mod indiċenti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk inqabdux persuni jgħumu ħdejn il-baħar lebsin b'mod indiċenti jew agħar minn hekk mhux imlebbsin? Fejn sar dan l-abbuż?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena ma kienx hemm każijiet ta' persuni li nstabu fejn il-baħar/jgħumu mhux lebsin deċenti jew għarwenin.