Tista' il-Ministru tgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hijiex tieħu l-pensjoni tajba u saritilhiex ir-revision of pay?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex inqata' ir-relief tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Qed jingħad li nqatgħu għax wara spezzjoni nstab illi kien hemm missier it-tarbija tagħha id-dar. Il-mara u missier it-tarbija mhumiex jgħixu flimkien, pero' missier it-tarbija raqad hemm għax it-tarbija hija marida u kellha attakk qawwi ta' l-asthma bl-omm ġejja u sejra l-isptar. Dan jixhduh l-awtoritajiet tas-saħħa. Tista' il-Ministru tinvestiga dan il-każ pjetuż fejn saħansitra l-omm kellha tbiegħ il-karozza tagħha għax m'għandix biex tmantni lilha nnifisha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma ngħatax post xieraq fejn joqgħod bħalma ngħataw il-ġirien tiegħu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li minn investigazzjonijiet li saru ma rriżultax li l-persuna msemmija mill-Onor. Interpellant toqgħod fl-indirizz indikat.
Tista' il-Ministru tgħid kemm żdied is-sick leave li ttieħed din is-sena komparat mas-sena l-oħra, u jagħti breakdown ta' kif żdied u fejn?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li, paragunat mas-sena l-oħra, fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena kien hemm żieda ta' madwar 9,000 ċertifikat tal-mard. L-akbar żieda kienet ġejja fiċ-ċertifikati sottomessi mis-settur privat, li jinkludi s-self employed, liema żieda kienet ta' madwar 7,300 ċertifikat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm irreġistraw ħaddiema barranin ma' l-ETC biex jirregolaw il-pożizzjoni tagħhom skond l-offerta li ħarġet dan l-aħħar? Minn liema pajjiż jiġu? X'xogħol jagħmlu kollha? Se jiġu aċċettati?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, inqatgħalha r-relief għal sitt ġimgħat u jekk hijiex se teħodhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali.
Jista' il-Ministru jara li t-toqob li hemm ġewwa l-ħitan tal-junior college ma' J. Borg Street jingħalqu billi minnhom jinżel ħafna ilma li qed jidħol fid-djar li hemm quddiem Triq San Ġużepp ġo Bordin Street, Imsida?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu prostituti jitlajjaw fil-Gżira, l-Imsida u Ta' Xbiex bejn l-4 u l-11 ta' Lulju? Jista' jgħid kemm inqabdu tfal f'postijiet ta' divertiment fl-istess ġimgħa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul il-perijodu msemmi mill-Onorevoli Interpellant, kien hemm ħames nisa li nqabbdu jitlajjaw għal skop ta' prostituzzjoni. Dawn kienu kollha fl-inħawi ta' l-Msida. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi ma kien hemm ħadd.
Jikkonferma l-Ministru li l-insib se jieqaf fis-sena 2008 kontra dak li qal il-Ministru qabel? Jekk se jkompli, kif hemm min mill-Unjoni Ewropea li qed jgħid li l-insib se jkollu jieqaf? Ma jidhirlux li għandu jikkjarifika dan il-fatt fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet li ħarġu mill-Unjoni Ewropea?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għad-dokument European Union Common Position, Kapitlu 22 li qed jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Billi issa t-Tuneżini u l-Libjani qed jimpedixxu vapuri tas-sajd Maltin milli jistadu f'ibħra li huma qed iżommu għalihom, jaqbel il-Prim Ministru illi l-forzi armati Maltin għandhom jieqfu milli joffru għajnuna lill-bastimenti ta' dawn il-pajjiżi jew ta' pajjiżi oħra illi għandhom permess jistadu f'dawn l-ibħra f'każ ta' diffikulta? Ma jidhirlux il-Prim Ministru illi ġaladarba dawn qed jgħidu li dawn l-ibħra huma tagħhom, allura għandhom jerfgħu kull responsabbilta' oħra li tmur ma' din id-dikjarazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien nifhem li l-Onorevoli Interpellant qed jissuġġerixxi li Malta ma tonorax l-obbligu tagħha skond Konvenzjonijiet Internazzjonali. Jekk dan hu li qed jifhem l-Onorevoli Interpellant, ma naqbilx.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux ġust illi tobba barranin li jaħdmu Malta jitħallsu bħall-Maltin, pero' il-barranin ma jħallsux taxxa? Issa li dħalna fl-Unjoni Ewropea, din ma tikkwalifikax bħala diskriminazzjoni? Jikkonferma l-Ministru li tobba Maltin li jaħdmu fl-Unjoni Ewropea jħallsu t-taxxa barra minn Malta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kundizzjoni tal-impjieg tat-tobba barranin li jaħdmu fid-Diviżjoni tas-Saħħa huma skond dawk imniżżla fil-kuntratt li jingħataw minn sena għall-oħra bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
M'inix f'pożizzjoni li nikkonferma jekk it-tobba Maltin li jaħdmu fl-Unjoni Ewropeja iħallsux taxxa barra minn Malta.
Jikkonferma l-Viċi Prim Ministru kontenut ta' ittra li dehret f'gazzetta lokali tal-Ħadd 10 ta' Lulju fejn intqal illi mis-sena d-dieħla immigranti illegali li jinqabdu fi Sqallija, Lampedusa, Linosa jew Pantellerija se jibdew jintbagħtu hawn sakemm Malta u l-Unjoni Ewropea jaraw x'se jsir minnhom? Jekk dan huwa veru, il-gvern beħsiebu jaċċettah dan?
Response (BORG, TONIO)
Ma hemm ebda verita' fl-allegazzjoni kontenuta fl-ittra indikata mill-Onorevoli Interpellant: Malta hi responsabbli biss għaz-zona tas-salvataġġ tagħha.
Tista' il-Ministru tgħid kemm hawn single parents jokkupaw residenza tal-housing authority illum? Kemm ingħataw postijiet is-single parents sena b'sena f'dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ma tinżammx statistika kif mitluba mill-Onor. Interpellant fl-Ewwel Parti tal-Mistoqsija.
Dwar l-informazzjoni mitluba fit-Tieni Parti tal-Mistoqsija għas-snin mill-1995 sa' l-2004 nirreferih għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Numru 10024 f'Seduta Numru 223. Ninsab infurmata li n-numru ta' postijiet mogħtija mill-Awtorita' tad-Djar u d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali lil single parents din is-sena kien ta' 49 u 52 rispettivament.
Jista' il-Ministru jgħid kemm twieldu tfal to umarried mothers sena b'sena f'dawn l-aħħar 15-il sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li skond is-Sistema Nazzjonali ta' Informazzjoni dwar l-Ostetriċija li bdiet tiffunzjona fuq bażi nazzjonali fis-sena 1999, in-numru ta' trabi li ġew irreġistrati li twieldu lil unmarried mothers f'Malta u Għawdex sena b'sena mis-sena 1999 huma kif ġej:
Sena
Numru ta' tfal li ġew irrapurtati li twieldu lil
unmarried mothers
1999
425
2000
429
2001
487
2002
561
2003
675
2004
704
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm barranin ingħataw ċittadinanza Maltija sena b'sena f'dawn l-aħħar għaxar snin u jgħid minn liema pajjiż ġew? Kemm minn dawn kienu ġew Malta oriġinarjament bħala klandestini?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għas-snin 1995-1999 hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Għal dik dwar is-snin 2000-2004, nirreferih għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 11634.
Ebda persuna minn dawk li ħadu ċ-ċittadinanza Maltija ma kienet persuna klandestina.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm nefqet flus l-armata fuq l-immigrazzjoni illegali din is-sena? Jista' jagħti breakdown u jelenka eżattament fuqxiex u kif intnefqu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li sat-30 ta’ Ġunju 2005 l-ispiża fuq iż-żamma ta’ immigranti irregolari telgħet għal Lm495,948, mqassma kif ġej:
Pagi ta’ uffiċjali u suldati mħaddma fuq amministrazzjoni ġenerali, sigurtà, kċejjen, sewqan u trasport ta’ immigranti irregolari:- Lm376,445
Ikel:- Lm77,140
Xiri ta’ bedding u bżonnijiet ta’ iġjene personali:- Lm21,107
Upkeep u maintenance tal-postijiet fejn jinżammu l-immigranti rregolari:- Lm9,387
Materjal tat-tindif:- Lm4,895
Ilma u elettriku:- Lm4,186
Trasport (konsum ta’ fuel):- Lm1,706
Medication:- Lm680
Gas u pitrolju għat-tisjir ta’ l-ikel:- Lm402
Barra mill-ispejjeż imsemmija hawn fuq, il-Forzi Armati jonfqu ħafna flus u jużaw riżorsi umani fuq tfittxija u salvataġġ ta’ immigranti. Hu diffiċli ħafna li wieħed jikkwantifika dawn l-ispejjeż peress li ċ-ċirkostanzi ta’ kif tibda tfittxija u kif jitwettaq salvataġġ mhux dejjem ikunu l-istess.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm weġġgħu ħabsin waqt l-irvellijiet li saru fil-ħabs dan l-aħħar? Kemm minn dawn kellhom jiddewwew l-isptar? Kemm weġġgħu pulizija jew gwardjani?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li waqt l-aħħar irvell li sar fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin, kien hemm tnax-il priġunier li sofrew feriti ta' natura ħafifa u ntbagħtu l-isptar għall-kura. Ħdax ġew mibgħuta lura l-ħabs wara li għamlulhom il-bżonnijiet li kellhom bżonn. Wieħed inżamm sa l-għada filgħodu.
Kien hemm tlett uffiċjali li weġgħu waqt l-irvell.