Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu persuni allegatament jagħmlu atti oxxeni fil-pubbliku din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Awissu ta' din is-sena, ġew irrapurtati lill-Pulizija 21 każ ta' atti oxxeni jew indiċenti fil-pubbliku.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru rapporti ta' rapes u indecent assault din is-sena u fejn? Kemm kienu ta' sess femminil il-vittmi, minn liema pajjiż kienu u fejn sar l-allegat reat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Awissu ta' din is-sena, il-Pulizija kellha 4 rapporti ta' stupru. Kollha kienu fuq persuni tas-sess femminil, li tnejn huma Maltin, waħda Awstraljana u oħra Ġappuniża. Dawn ġew irrapurtati li seħħew ir-Rabat Għawdex, Tas-Sliema, San Ġiljan u l-Gżira.
Matul l-istess perijodu il-Pulizija kellha 26 rapport dwar każi ta' attakki sesswali li kienu jinvolvu 28 persuna. Minn dawn il-persuni, 25 kienu tas-sess femminil minn dawn il-pajjiżi - Malta (11), Awstralja (1), Ingilterra (3) Ċipru (1), Olanda (2), Fillandja (1), Franza (1), Ġermanja (2), Italja (1). Russja (1) u Jugoslavja (1). Dawn il-każi ġew irrapurtati li seħħew Wied il-Għajn, Naxxar, San Ġiljan, Sliema, Żabbar, Dingli, Gżira, Ħamrun, Żebbuġ (Għawdex), Ħamrun, Mosta, Birkirkara, Birżebbugia u San Pawl il-Baħar.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ħarġu enforcement notices din is-sena u għaliex?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2005 inħarġu 867 Enforcement Notices mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) minħabba li kien qed isir żvilupp bi ksur ta' l-Att 1 ta' l-1992. Din l-informazzjoni hija wkoll aċċessibbli mill-pubbliku minn fuq il-website ta’ l-istess Awtorità.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm daħlu klandestini din is-sena? Kemm hawn miżmuma llum u kemm hawn f'open centres u kemm nefqet il-pulizija fuq il-klandestini kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena waslu Malta 1,569 immigrant illegali, filwaqt li fiċ-ċentri ta' detenzjoni hemm miżmuma 1,617. Dwar l-open centres, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2556.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhu l-average ta' ħlas fuq VAT u fuq l-income tax għall-persuna impjegata u oħra self-employed Maltija u Għawdxija għas-sena 2003?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub rigward ħlas ta’ income tax għas-sena 2003 hija din:
Persuna Impjegata: Malta Lm499; Għawdex Lm386
Persuna Self Employed: Malta Lm258; Għawdex Lm257
Għar-rigward ta’ VAT, id-Dipartiment m’għandux dettalji ta’ l-average ta’ ħlas minn persuni impjegati u minn self-employed. Ir-rekords li jinżammu mid-Dipartiment tal-VAT huma biss fuq bażi ta’ nace codes.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-post quddiem Bieb A fejn jitħallsu l-liċenzji tal-karozzi u li issa qed jintuża bħala garage, jistax isir użu aħjar minnu biex il-pubbliku jinqeda aħjar?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk is-sagħtar hux protett jew le u meta dan jista' jiġi distrutt?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li s-Sagħtar huwa protett skond l-Avviż tal-Gvern (Government Notice) Nru. 85 tal-1932, li huma ukoll magħrufin bħala r-regolamenti tal-Protezzjoni tas-Sagħtar. Skond dawn ir-regolamenti, interventi fuq sagħtar selvaġġ jista’ jsir biss bil-permess miktub tad-Direttur ta' l-Agrikultura. Dan ir-regolament jgħodd biss għas-Sagħtar salvaġġ, u mhux għal dak li huwa mkabbar miż-żerriegħa għal-skopijiet kummerċjali.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex inqata' l-insib ta' Marzu meta dan suppost kellu jibqa', dejjem skond kif wiegħed il-gvern, u l-istess Ministru qabel, wara ir-referendum għad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-pożizzjoni tal-Gvern dwar il-kaċċa u l-insib f’Malta hija bbażata minn dejjem fuq dak li kien nnegozjat u maqbul ma’ l-Unjoni Ewropea.
Sa’ llum l-insib f’Malta sar skond dak li kien jirriżulta lill-Gvern Malti mill-interpretazzjoni legali li dejjem ta lin-negozjati tas-sħubija. Wara ż-żjara f’Malta mid-delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’April li għadda kien hemm skambju ta’ ideat bejn iż-żewġ naħat.
Dan wassal biex ħareġ fid-deher li kien hemm differenza ta’ interpretazzjoni tar-regolamenti kif stabbiliti mid-Direttiva dwar l-Għasafar. Din id-differenza tikkonsisti f’interpretazzjoni legali tar-Regolamenti u mhux fis-sinifikat tagħhom.
Dan wassal biex il-Gvern ippubblika abbozz li jamenda ir-Regolamenti dwar il-Ħarsien ta’ l-Għasafar u tal-Fenek Selvaġġ minħabba li fil-każ tal-insib id-Direttiva 79/409/KEE ma tippermettix it-teħid ta’ għasafar li jkunu fi triqthom lejn pajjiżi fejn ibejtu, u matul ir-rebbiegħa.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu jitlajjaw prostituti mill-area ta' Ta' Xbiex, Gżira u Msida din is-sena, ġimgħa b'ġimgħa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Jannar u t-30 ta' Awissu ta' din is-sena hemm 41 persuna li bejnithom tressqu quddiem il-Qorti 136 darba fuq akkużi ta' tlajjar għal skop ta' prostituzzjoni fl-inħawi tal-Gżira, ta' Xbiex u l-Imsida. Infurmat ukoll illi dan it-tagħrif ma jinżammx b'ġimgħa, ġimgħa għal fini ta' statistika.
Tista' il-Ministru tara li tiġi rranġata l-kera tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, billi issa din romlot?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li s-sussidju fuq il-kera tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ser jerġa jiġi kalkulat wara li nbidlu ċ-ċirkostanzi dwar id-dħul tal-kerrej.
Jista' il-Ministru jara li l-ADT tirrevedi l-kas nru. 724 li hija talba għal reserved parking, billi l-affarijiet marru għall-agħar?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
B’riferenza għal każ numru 724, applikazzjoni għal reserved parking għal persuni b’diżabilità, it-tabib imqabbad mill-Awtorita' dwar it-Trasport kien irraporta li l-applikant ma kellux problemi severi ta’ mobilita, kif muri fiċ-ċertifikat provdut minnu. Għaldaqstant it-talba għal reserved parking ma ġietx milqugħha mill-Bord għal reserved parking għal persuni b’diżabilità.
Iżda, kif iddikjarat mill-Onorevoli Interpellant, li l-kundizzjoni medika ta’ l-applikant hawn riferut qalbet għall-agħar, huwa rakkomandat li l-istess applikant jissottometti ċ-ċertifikati meħtieġa lill-ADT sabiex il-każ ikun rivedut skond il-proċeduri u l-kriterji stabbiliti.
Tista' il-Ministru tgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hijiex qed tħallas kera tajba u hijiex intitolata għal xi sussidju? Tista' il-Ministru tgħid ukoll jekk il-persuna msemmija hijiex tieħu l-pensjoni tajba u jekk saritilhiex revision of pay?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li r-reviżjoni tal-kera tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ser tiġi kkunsidrata wara li din tipproduċi d-dokumenti mitluba mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Dwar it-Tieni Parti tal-Mistoqsija ninsab infurmata li l-persuna ndikata ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali.