Tista' il-Ministru tgħid kemm hawn residenzi mikrija llum? Kemm minn dawn huma okkupati minn persuni b'diżabilita' u kemm minn single mothers?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal postijiet ta' l-Awtorita' tad-Djar għax ebda dipartiment jew entita' taħt id-dekasteru tiegħi ma jżomm statistika dwar ir-residenzi kollha mikrija f'Malta u Għawdex.
Ninsab infurmata li l-Awtorita' għandha 101 residenzi mikrija li minnhom 31 huma mikrija lil single mothers u 23 huma mikrija lil entitajiet mhux Governattivi li jieħdu ħsieb persuni b'diżabilita'.
Tista' il-Ministru tgħid kemm inxtraw residenzi tal-housing authority kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin minn persuni b'diżabilita' u single mothers?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmata wkoll li waħda mill-persuni b’diżabilita’ li bbenefikaw minn xiri ta’ appartament fl-2002 mill-Awtorita’ tad-Djar, kif murija fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8825 li jien tajt f’Seduta Numru 192, sussegwentement irrifjutat l-allokazzjoni.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw amnestiji lill-ħabsin f'dawn l-aħħar 30 sena? Kemm gawdew ħabsin u x'kien ir-reat li għalih kienu l-ħabs?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 11774 fis-Seduta Nru. 197 tat-2 ta’ Diċembru 1999, u Mistoqsija Parlamentari Nru. 5738 fis-Seduta Nru 141 tal-21 ta’ Ġunju 2004.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn talbiet pendenti għall-home help? Kemm hawn persuni li għandhom home help, meals on wheels, telecare, u għamlu użu mill-handyman service?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 186 talbiet pendenti għall-Home Help u 2364 households li qed jibbenifikaw minn dan is-servizz. Hawn madwar 300 li għandhom is-servizz tal-Meals on Wheels u jużawh b'mod regolari, 9031 persuna għamlu użu mis-servizz tat-Telecare u 1098 mis-servizz tal-Handyman.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-oqbra li hemm vojta fiċ-ċimiterju ta' Burmarrad humiex se jitqassmu? Kemm hemm lesti? Kemm hi t-talba, meta se jitqassmu u liema numri fuq il-waiting list se jinqdew?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-oqbra li hemm lesti ser jitqassmu. In-numru t'applikanti għal oqbra f'dan iċ-ċimiterju hija ta' erba' mija u disgħin (490). Bħalissa hemm lesti mija u sittin qabar u li minnhom hemm il-ħsieb li jitqassmu lill-pubbliku mija u tletin. Bħalissa qegħdin isiru riċerki minn nutar tal-gvern sabiex fi żmien qasir dawk intitolati għal dawn l-oqbra jkunu jistgħu jiġu infurmati.
Jista' il-Ministru jgħid kemm weħlu vetturi mill-VRT din is-sena u għaliex?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li t-total ta’ vetturi illi weħlu mit-test tal-VRT mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Ottubru 2005 kien ta' 14,090.
Ir-Raġunijiet għaliex dawn il-vetturi weħlu mit-test kien minħabba dawl, steering/ suspension, brejkijiet, tyres, exhaust, emission, ħsejjes u l-body inġenerali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew scrapped vetturi din is-sena u f'dawn l-aħħar ħames snin, kull sena?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-vetturi li ġew skrappjati mis-sena 2000 sa Ottubru ta' din is-sena kienu :-
Sa l-aħħar t'Ottubru tas-sena 2005 13,243
2004 5,529
2003 2,798
2002 2,261
2001 2,805
Tista' il-Ministru tġħid għaliex il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, mhijiex qed tingħata għajnuna għall-mard meta din għandha z-zokkor u mhux tirċievi r-relief?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Tista' il-Ministru tgħid meta l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, se tieħu r-relief billi din ma taħdimx u għandha mara u żewġt itfal?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hijiex se titwaqqaf il-kaċċa waqt li tkun qed issir il-konferenza taċ-CHOGM u f'liema partijiet tal-gżira se ssir?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mhux maħsub li l-kaċċa titwaqqaf fil-ġranet taċ-CHOGM. Pero’ ser ikun hemm żona limitata madwar il-lukanda ta’ Għajn Tuffieħa, fejn il-passaġġ ghall-pubbliku ser ikun ristrett.
Jista' il-Ministru jikkonsidra illi Triq Gerry Zammit Gżira/Imsida tibqa' one way billi din hija dejqa ħafna u minnha jgħaddu karozzi tal-linja u veikoli kbar u dan huwa ta' periklu kbir għar-residenti li kemm-il darba sofrew danni minn ħabtiet bejn veikoli fil-proprjeta' tagħhom u anke minħabba l-fatt li huwa perikoluż ħafna li timxi fuq il-bankini li hemm billi mhux l-ewwel darba illi veikoli kellhom jitilgħu fuq il-bankina biex jevitaw inċident billi t-triq mhijiex dritta?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi Triq Gerry Zammit minn dejjem kienet two way ħlief għal perjodu ta’ ftit xhur ta’ prova fuq proposti tal-Kunsill Lokali ta’ l-Imsida.
Waqt din il-prova rriżulta li t-traffiku minn Rue d’Argens u mill-Gżira, partikolarment minn Triq Nazju Ellul kien qed isib diffikulta biex jasal Msida Circus. Biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata l-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta pproponiet li Triq Gerry Zammit terġa ssir two way iżda Triq ta’ Bieb it-Torri tibqa’ one way kif kien ġie propost mill-Kunsill Lokali ta’ l-Imsida, b’hekk it-traffiku jkun jista’ jimxi aħjar.
Mir-records ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta jirriżulta li għal perjodu ta’ tlett snin qabel ma Triq Gerry Zammit saret one way bi prova, ma kien hemm ebda inċident irrapurtat f’din it-triq.
Minkejja dan, l-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta flimkien mall-Kunsill Lokali ta’ l-Imsida ser tara kif tista’ tillimita l-flow ta’ vetturi kbar minn Triq Gerry Zammit biex l-inkonvenjent għar-residenti ta’ din it-triq jiġi minimizzat kemm jista’ jkun.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm għandu jiġbor il-gvern f'arretrati ta' l-income tax sena b'sena f'dawn l-aħħar 20 sena? Kemm intbagħtu notifiki ta' ġbir ta' arretrati għal kull sena? Kemm intalbu u kemm inġabru s'issa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inġabru flus mingħand anzjani residenti f'homes tal-gvern kull sena, għal dawn l-aħħar għaxar snin? Kemm kien in-numru ta' residenti affettwati kull sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar , risposta titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Minsitru jgħarraf lill-Kamra kemm kien l-għadd ta' taxpayers li ma mlewx il-formola ta' l-income tax fl-aħħar sentejn? Kemm minnhom ma ddikjarawx dħul minn interessi bankarji u investimenti oħra? Xi progress sar f'dan ir-rigward komparat maċ-ċifri mogħtija lill-media mill-Ministru tal-Finanzi fit-13 ta' Ġunju 2000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf l-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija din:-
a) Taxpayers
li ma mlewx il-formola tal-
income tax
:
i) Individwi – 2004: 12,864 (5.7% tal-formoli li kellhom jintbagħtu)
2005: 18,266 (7.9% tal-formoli li kellhom jintbaghtu)
ii) Kumpaniji – 2004: 10,161 (39.8% tal-formoli li kellhom jintbagħtu)
2005: 13,515 (49.6% tal-formoli li kellhom jintbaghtu)
Fil-każ tal-kumpaniji, il-maġġoranza tal-formoli li ma ntbagħtux ikunu ta’ kumpaniji li jkunu eżenti mit-taxxa, bħalma huma tax-
shipping
, kumpaniji li jkunu ġew likwidati,
struck-off
jew fi stadju ta’ likwidazzjoni, u kumpaniji oħra li jkunu abbandunati.
b) Mill-formoli li ma ntbagħtux kien hemm 4,003 (2004) u 5,924 (2005) individwu li rċieva interessi mingħajr tnaqqis ta’ taxxa, waqt li kumpaniji kien hemm 14 (2004) u 2 (2005).
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu t-total ta' arretrati ta' income tax dovut lill-gvern minn dipartimenti u entitajiet pubbliċi u għal liema snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-ammont ta’ arretrati ta’ income tax dovut minn entitajiet pubbliċi sal-aħħar ta’ Ottubru 2005 kien ilaħħaq Lm13,472,473, pero’ il-maġġoranza ta’ dan l-ammont huwa stima tal-Kummissarju għax ma tkunx għadha ntbagħtet il-formola tat-taxxa jew inkella t-taxxa għadha qed tkun ikkontestata. L-ebda ammont mhu dovut minn xi dipartiment pubbliku għax dawn m’humiex suġġetti għat-taxxa.