Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' klandestini li ma rnexxilhomx jikkwalifikaw għal stat ta' refuġjat u kemm jintelqu wara li għaddilhom iż-żmien ta' detenzjoni f'dawn l-aħħar ħames snin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-total ta' persuni li l-applikazzjoni tagħhom għal status ta' refuġjat ġiet miċħuda u li ġew deteminati bħala li lanqas ma jikkwalifikaw għal status umanitarju mis-sena 2002 sa l-aħħar ta' April 2006, kien kif ġej:
2002 - 286
2003 - 187
2004 - 259
2005 - 580
2006 - 201
Total - 1,513
Ninsab infurmat ukoll illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar kemm intelqu immigranti rregolari tul dawn l-aħħar ħames snin wara li għaddilhom iż-żmien ta' detenzjoni, ma jinżammx taħt forma kompjuterizzata u għaldaqstant għadu qed jinġabar.
Jista' il-Ministru jelenka fuq liema tajr li jpassi minn Malta nstab li jistgħu jkunu qed iġorru l-mikrobu tal-bird flu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li t-tajr tal-passa li jista' jgħaddi minn fuq Malta u li jista' jippreżenta riskju ta’ ġarr ta' Avian Influenza (bird flu) huma dawn li ġejjin:
White fronted goose Anser albifrons
Bean Goose Anser fabalis
Mallard Anas platyrhynchos
Gadwal Anas strepera
Northern Pintail Anas acuta
Northern Shoveler Anas clypeata
Eurasian Wigeon Anas Penelope
Common Teal Anas crecca
Garganay Anas querquedula
Common Pochard Aythya ferina
Tufted duck Aythya fuligula
Northern Lapwing Vanellus vanellus
Ruff Philomachus pugnax
Black headed gull Larus ribibundus
Common gull Larus canus
Mil-lista t'hawn fuq, il-White fronted Goose, il-Bean Goose u il-Common Gull rari ħafna li jgħaddu minn fuq il-gżejjer Maltin.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm weġġgħu nies f'kolliżjonijiet tat-traffiku s-sena l-oħra u din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi, minn rapporti li saru lill-Pulizija jirriżulta li matul is-sena 2005 kien hemm 1,140 persuna li weġgħu f'inċidenti tat-traffiku filwaqt li 18 oħra tilfu ħajjithom. Infurmat ukoll illi bejn Jannar u April ta' din is-sena, ġew irrapurtati li weġgħu 323 u 3 tilfu ħajjithom.
Jista' il-Ministru jgħid kemm għalqu lukandi f'dawn l-aħħar ħames snin? Xi grad kellhom? Kemm infetħu fl-istess żmien?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Mis-sena 2001 ’il hawn għalqu erbgħa u tletin lukanda: 2 ta’ 5 stilel, 7 ta’ 4 stilel, 14 ta’ 3 stilel, 9 ta’ 2 stilel u 2 guest houses; u fetħu sittax-il lukanda ġdida: 4 ta’ 5 stilel, 7 ta’ 4 stilel u 5 ta’ 3 stilel. Irid jingħad iżda li f’Diċembru 2001, in-numru ta’ sodod liċenzjati kien ta’ 38,701 filwaqt illi f'Mejju ta’ din is-sena, n-numru ta’ sodod huwa ta’ 39,919.
Minn mindu nbidlet is-sistema ta' ħlas ta' kontijiet ta' dawl u ilma, kemm huwa maħsub li sar overpayment u underpayment mill-konsumaturi u kemm kien l-ammont f'kull kas?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat l-informazzjoni mitluba ma tistax tinġabar mingħajr ma jsir eżami wieħed wiehed ta' madwar 230,000 kont.
Anki jekk wiehed iħares lejn l-informazzjoni b'mod globali, wieħed irid jgħid li l-bilanċ fil-billing system tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma hu wieħed dinamiku. Bilanċ jista jkun credit imbagħad isir debit bi ħruġ ta' kont u jista jerġa jiġi credit meta joħroġ kont proviżorju. Barra minn hekk bilanċi b'overpayment jikkanċellaw dawk b'underpayment u l-informazzjoni mitluba xorta ma tkunx ingħatat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm għandha dejn l-Enemalta illum?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li d-dejn tal-Korporazzjoni Enemalta fil-31 ta' Diċembru 2005 kien kif imsemmi:
Bank Loans Lm118,057,000
Bank Overdrafts Lm628,000
Government Loans Lm5,590,000
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm għandu jiġbor il-gvern f'arretrati ta' l-income tax sena b'sena f'dawn l-aħħar 20 sena? Kemm intbagħtu notifiki ta' ġbir ta' arretrati għal kull sena? Kemm intalbu u kemm inġabru s'issa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni refuġjati jew klandestini li għandhom permess ta' xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sa Ottubru 2005 l-ammont ta' persuni refuġjati li għandom permess ta' xogħol huwa ta' 247, filwaqt l-ammont ta' persuni bi stat umanitarju li għandhom permess ta' xogħol huwa ta' 19. Informat ukoll li b'kollox hawn 2,203 persuni li m'humiex ċittadini ta' pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea li għandhom permess ta' xogħol.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm twieldu tfal lil immigranti klandestini waqt li kienu Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numri ta' trabi lli twieldu bejn l-2002 u l-2005 minn immigranti illegali li kienu akkomodati f'ċentri ta' detenzjoni kien ta' 38.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni ta' nazzjonalita' barranija li għandhom permess jaħdmu llum u minn liema pajjiż huma?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sa Ottubru 2005, l-ammont ta' persuni ta' nazzjonalita' barranija li għandhom permess jaħdmu huwa ta' 3,533 u lista tal-pajjiżi tagħhom ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm persuni ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin u minn liema pajjiżi kienu?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13530, ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba minnu għas-sena 2005 hija kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien il-fuel bill ta' l-armata s-sena l-oħra u din is-sena? Kemm minn dan huwa dovut għal xogħol konness mal-klandestini?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li n-nefqa tal-Forzi Armati ta’ Malta fuq il-fuel matul is-snin 2004 u 2005 kienet kif ġej :
Sena 2004 -
Nefqa Totali: Lm321,263 li minnhom huwa stmat li ntefqu Lm86,955 fuq xogħol konness ma immigranti irregolari
Sena 2005 -
Nefqa Totali: Lm402,121 li minnhom huwa stmat li ntefqu Lm112,099 fuq xogħol konness ma immigranti irregolari.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-menu ta' l-ikel li ngħataw il-ħabsin il-ġimgħa l-oħra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-menu ta' l-ikel li ngħataw il-priġunieri bejn 07/11/05 u 13/11/05 kien kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni li ntbagħtu l-ħabs din is-sena għax ma ħallsux multi? Kemm kienet il-multa u kemm weħlu? X'eta' kellhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li intbagħtu l-ħabs fis-sena 2005 għax ma ħallsux multi jew spejjeż ta' Qorti li ġew mibdula f'ħabs kien ta' (86) sitta u tmenin.
Infurmat ukoll illi l-multi kienu jvarjaw bejn Lm4 u Lm20,540 filwaqt li l-pieni ta' ħabs kienu jvarjaw bejn ġurnata u 2000 ġurnata. L-etajiet kienu jvarjaw bejn 20 u 71 sena.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn ċittadini Maltin naturalizzati li waslu Malta jew bħala refuġjati jew bħala immigranti llegali?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellant, kif diġa` għamilt fit-tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13530, li ebda persuna minn dawk li ħadu ċ-ċittadinanza Maltija ma kienet persuna klandestina jew immigrant illegali.
Għar-rigward refuġjati li ġew rikonoxxuti bħala tali wara li waslu Malta taħt il-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951, hemm għaxar refuġjati (mhux immigranti illegali) li ngħataw ċittadinanza wara snin twal igħixu f'Malta.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm iqum lill-Istat illum biex jinżamm il-ħabs? X'tip ta' eżerċizzju sar, qed isir jew se jsir biex in-nefqa titnaqqas?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-vot rikorrenti għas-sena 2005 kien ta' żewġ miljuni u seba' mija u ħamsin elf lira (Lm2,750,000).
Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija infurmat li s-sezzjonijiet tad-dipartiment jiġu assessjati kontinwament biex fejn jinstab li jistgħu jiġu iffrankati xi spejjeż dan jiġi attwat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm mill-immigranti illegali li ġew Malta f'dawn l-aħħar ħames snin instab li kienu jbatu minn mard infettiv? X'kienet il-marda?
Response (BORG, TONIO)
Mal-wasla tagħhom f'Malta, l-immigranti llegali jiġu eżaminati minn tobba mid-Dipartiment tas-Saħħa. Għaldaqstant ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jitlob dan it-tagħrif lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tħallsu flus il-pulizija f'overtime jew extra duty din is-sena? Kemm għad baqgħalhom x'jieħdu u meta se jeħduhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005, tħallsu Lm263,198 u Lm698,673 għal overtime u extra duty on payment rispettivament maħduma minn membri tal-Korp tal-Pulizija. Kif diġa' kelli l-okkażżjoni nispjega, il-ħlas ta' l-overtime isir b'xahrejn b'lura, għaldaqstant l-overtime li nħadem bejn Novembru u Diċembru għadu ma ġiex komputat. Infurmat ukoll illi fil-paga ta' Jannar ser jitħallsu wkoll Lm81,624 bħala extra duty on payment.
Jista' il-Ministru jgħid minn fejn inxtraw il-peregrine falcons li ngħataw lill-Gvern Spanjol dan l-aħħar? Kemm kienu jiswew?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-għotja ta’ peregrine falcons lill-Gvern Spanjol kienet parti minn ċerimonja biex tfakkar l-475 sena mill-għotja tal-Gżejjer Maltin lill-Kavallieri ta’ San Ġwann mir-Re Karlu ta’ Spanja. Iċ-ċerimonja ġiet organizzata mill-Ambaxxata Maltija fi Spanja u l-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin Malti, il-Federazzjoni tal-Falkuni Spanjola, l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu u l-Ambaxxata Spanjola f’Malta.
Il-falkun li ntuża għal din iċ-ċerimonja simbolika nġieb Malta għall-okkażżjoni mill-Federazzjoni tal-Falkuni Spanjola u ttieħed lura minnha wara ċ-ċerimonja.