Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm weġġgħu pulizija minħabba vjolenza fuqhom minn klandestini s-sena l-oħra u din is-sena? X'danni sofrew dawn il-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn Jannar tas-sena 2005 l-hawn kien hemm għaxar (10) membri tal-Korp tal-Pulizija li weġgħu waqt il-qadi ta' dmirijiethom ma' immigranti irregolari. Id-danni li soffrew kienu jinkludu trauma minn daqqiet jew aggressjoni, filwaqt li tnejn sofrew ksur.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm weġġgħu suldati minħabba li saret vjolenza fuqhom minn klandestini s-sena l-oħra u din is-sena? X'danni sofrew dawn is-suldati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-informazzjoni ghadha qed tinġbar u għaldaqstant it-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Tista' il-Ministru tara li l-ħsara li hemm ġol-blokk tal-gvern li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jiġi rranġat billi r-riħa qawwija ta' drenaġġ li hemm fil-lift hija ta' periklu għar-residenti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-ilment li rrefera għalih l-Onor. Interpellant ġie solvut mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar.
Billi ġo l-Imsida qed tiġri x-xniha li karozza tal-pulizija kienet b'xi mod involuta f'inċident tat-traffiku x-xahar li għadda u wassal għal mewt tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk din it-teorija ġietx investigata u x'kien l-eżodu? Jista' jgħid jekk il-pulizija ratx il-video ta' CCTV tal-Bank HSBC li jinsab ftit aktar 'il fuq?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-inċident imsemmi mill-Onorevoli Interpellant seħħ qabel il-fergħa ta' l-HSBC u ma jirriżultax li kienet involuta xi karozza tal-Pulizija. Anzi għall-kuntrarju, membri tal-Korp li kienu għaddejjin bil-karozza fl-istess triq, pero' fid-direzzjoni opposta, ċioe' fil-karreggjata l-oħra, fid-direzzjoni tal-Belt, hekk kif indunaw bl-inċident daru mar-roundabout ta' Sa Maison u marru jagħtu l-assistenza lix-xufier.
Infurmat ukoll illi dan l-inċident huwa wkoll suġġett ta' Inkjesta Maġisterjali u għaldaqstant nissolleċita lill-Onorevoli Interpellant sabiex kull informazzjoni li jista' għandu jressaqha quddiem il-Maġistrat Inkwirenti.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma ngħatax post tal-housing?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li minn diversi spezzjonijiet li saru rriżulta li l-post indikat ma kienx abitat tant li għal xi żmien kien ukoll imbarrat b’katnazz u għalhekk il-pretenzjoni tal-persuna konċernata, li tiġi allokata post ġdid, ma tistax tiġi milqugħa.
Ninsab infurmata wkoll li l-Awtorita’ tad-Djar infurmat b’dan lill-persuna konċernata.
Tista' il-Ministru tara li persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tingħata SKA billi dan qed jiġi rifjutat lilha mill-bord u meta din għandha d-diabete?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li fil-fatt il-ħlas tal-benefiċċju lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant reġa beda jitħallas mill-1 ta’ April 2006, bl-arretrati dovuti. Id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali ġibed l-attenzjoni tal-persuna konċernata bil-miktub dwar dan il-fatt.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk id-drivers ta' l-imħallfin humiex obbligati li jwasslu parenti, ħbieb jew jaqdu l-imħallfin waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom? Jekk le, jista' jgħid x'qed jagħmel biex dan jieqaf?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-doveri ta' xufier assenjat ma' membru tal-Ġudikatura huma:
Li jwassal lil Ġudikant, li miegħu jew magħha huwa assenjat, mid-dar għall-Qorti u lura;
Li jieħu lil Ġudikant fuq kwalunkwe xogħol tal-Qorti fejn ikun hemm il-ħtieġa;
Li jsuq lil Ġudikant fil-ħin tax-xogħol, u anke wara, biex jieħdu għal xi funzjoni uffiċjali li l-Ġudikant ikun mistieden għaliha.
Jekk xi xufier jagħmel xi xogħol ieħor għall-Ġudikant li miegħu hu assenjat barra dak imsemmi hawn fuq, l-Amministrazzjoni tal-Qorti ma tkunx infurmata bih peress li dan jagħmlu bona volonta' tiegħu u bi ftehim ma' dak il-Ġudikant.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex għadha ma tnaqqsitx il-kera tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li s-sussidju fuq il-kera tal-post indikat mill-Onor. Interpellant inħadem is-sena l-oħra. Ir-reviżjoni tas-sussidju fuq il-kera jsir kull sentejn skond kif provdut fil-kuntratt tal-kirja.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għadha ma ħaditx ir-relief?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li fil-fatt diġa saru tliet pagamenti tal-benefiċċju lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant. Id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali ġibed l-attenzjoni tal-persuna konċernata bil-miktub dwar dan il-fatt.
Jista' il-Ministru jara li t-tobba ta' l-ADT jerġgħu jeżaminaw lil persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, billi din hija marida ħafna u marret għall-agħar u diġa' kellha t-talba għar-reserved parkingrifjutata?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-record tat-Traffic Management Unit irriżulta li skond ir-rapport tat-tabib ta' l-Awtorita' dwar it-Trasprot ta' Malta bid-data 20 ta' April 2005, l-applikant għar-reserved parking għal persuni b'diżabilita' ma kelliex prbolemi severi ta' mobilita meta applika għal tali reserved parking bay quddiem id-dar. Madankollu it-Traffic Management Unit qed jilqa' is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant u dan il-każ ser jiġi irrevedut.
Tista' il-Ministru tgħid jekk il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għaddiex mill-bord tal-SA u jekk iva, għandux bżonn jibqa' jagħmel ċertifikati tal-mard mill-blu kull ġimgħa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.
Tista' il-Ministru tara li persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li hi armla, tiġi mgħejjuna biex tirranġa s-saqaf billi dan se jaqa'?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar approvat somma biex isiru xogħlijiet fir-residenza tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant, liema xogħlijiet jinkludu bdil ta' saqaf.
Hekk kif jitlestew dawn ix-xogħlijiet u jiġu provduti l-irċevuti fiskali, l-Awtorita' tkun tista' tħallas l-ammont approvat lil din il-persuna.
Jista' il-Ministru jispjega għaliex qed ikun hemm ħafna queue fil-poliklinika tal-Gżira f'dawn l-aħħar ġimgħat u x'qed isir biex il-problema tittaffa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li ma jirriżultax li hemm ħafna queue f'ebda parti taċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Gżira, ħlief filgħodu quddiem l-ispiżerija. Dawn il-queues żdiedu dan l-aħħar għaliex żdiedet il-varjeta' ta' mediċina li issa qed tiġi mqassma mill-ispiżeriji fil-komunita'. F'dak ir-reġjun, żdied ukoll in-numru tal-anzjani li huma intitolati għal mediċini b'xejn. Kien għalhekk li nhar ta' Tlieta u Ħamis il-ħin tal-ftuħ tal-ispiżerija ttawwal sat-tlieta ta' wara nofs inhar biex tittaffa l-problema.