Legislature:
Category:
Reset
Active:

Party f'Paradise Bay

Question

Billi bħalissa diġa' qed jiġi reklamat party li se jsir ġo Paradise Bay fl-4 ta' Ġunju meta huwa llegali li tħarbat għasafar protetti li jkunu qed ibejtu, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija ħarġitx il-permess neċessarju u jekk le, hijiex se toħorġu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija rceviet applikazzjoni sabiex jinzamm party kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Fil-process ta' din l-applikazzjoni gew sottomessi l-permessi mid-Dipartiment ta' l-Artijiet u l-Kunsill Lokali tal-Mellieha, kif ukoll l-Awtorita ta' Malta dwar l-Ambjent u l-ippjanar li hija l-awtorita kompetenti li tamministra l-Att ta' 2001 dwar il-Harsien ta' l-Ambjent. Infurmat ukoll illi l-Pulizija fuq talba simili li saret is-sena l-ohra kienet tat il-permess biex tinzamm l-attivita sa mhux aktar mis-1.00am. Din id-decizjoni kienet giet ikkontestata mill-applikant quddiem it-Tribunal ta' l-Appelli dwar Licenzji tal-Pulizija, liema Tribunal kien ikkonferma d-decizjoni mehuda mill-Kummissarju tal-Pulizija. Ghaldaqstant, sakemm ma jkunx hemm xi oggezzjoni ulterjuri skond kif stipulat fir-Regolamenti ta' l-1991 dwar Proceduri rigward Licenzji tal-Pulizija, il-Pulizija behsieba tohrog il-permess mehtieg ghal din l-attivita.

Rave party f'Paradise Bay

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-MEPA u/jew id-dipartiment ta' l-ambjent ħarġitx permess biex isir rave party f'Paradise Bay fl-4 ta' Ġunju li ġej, meta diversi għasafar protetti inkluż il-merill ikun qed ibejjet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għadha ma ħarġet l-ebda permess dwar l-attività imsemmija.

Rave parties

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-pulizija qed tħalli jsiru rave parties jew parties oħra fl-istaġun tal-bejta ta' l-għasafar proprju ġewwa riservi ta' l-għasafar fejn dawn huma protetti u ma jistgħux jiġu mfixkla f'dan iż-żmien delikat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-applikazzjonijiet li jsiru lill-Pulizija ikunu processati skond il-ligi. Pero' jekk l-Onorevoli Interpellant jaghtini aktar taghrif dwar xi permessi partikolari inkun nista' nivverifika aktar.

Party f'Paradise Bay

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk wassalx l-ilment tiegħi lill-kummissarju tal-pulizija dwar ħruġ ta' permessi għall-party ġewwa Paradise Bay fl-4 ta' Ġunju li ġej?

Response (BORG, TONIO)

Gentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghat-Twegiba li jien tajt ghall-Mistoqsija Parlamentari numru W255.

AFM — Klandestini

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm nefqet flus l-Armata fuq il-klandestini s-sena l-oħra u kif nefqithom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-ispiża li l-Forzi Armati ta’ Malta għamlu tul l-2005 fuq immigranti rregolari kienet tammonta għal Lm1,536,716 mqassmin hekk: Spejjes rikorrenti kienu jammontaw għal Lm1,354,850 u kienu maqsumin hekk:- a. Pagi ta’ uffiċjali u suldati mħaddma fuq amministrazzjoni ġenerali, sigurta’, kċejjen, sewqan u trasport ta’ immigranti irregolari: Lm759,736 b. Ikel (inkluż spejjeż ta’ ċilindri tal-gass likwidu biex wieħed ikun jista’ jipprepara l-ikel, apparti l-elettriku) : Lm264,136 c. Xiri ta’ oġġetti bħal beddin, tined u affarijiet relatati: Lm78,798 d. Provisti bħal ħwejjeġ ta’ fuq u ta’ taħt, bżonnijiet ta’ iġjene personal, ikel tat-trabi u oġġetti oħra ta’ kuljum : Lm72,663 e. Ilma u elettriku: Lm71,135 f. Tiswijiet u manutenzjoni ta’ postijiet fejn jinżammu l-immigranti irregolari: Lm68,606 g. Materjal tat-tindif: Lm20,997 h. Servizzi bħal tindif ta’ Cesspits, kiri ta’ skips u showers: Lm11,938 i. Fuel għat-trasport: Lm4,158 j. Medikazzjoni bħal tilqim, mediċini, surgical gloves, u affarijiet oħra relatati: Lm1,257 k. Ivvjaġġar ta’ uffiċjali in konnessjoni ma’ taħriġ li għandu x’jaqsam ma’ l-problema ta’ immigranti rregolari: Lm737 l. Xiri ta’ telephone cards: Lm689 Barra dan, il-Forzi Armati għamel ukoll investiment ta’ Lm181,837 in konessjoni ma servizzi varji lill-immigranti rregolari. Dawn kienu jinkludu : m. Xiri ta’ Minibuses u vannijiet għat-trasport : Lm41,450 n. Xiri ta’ Ġeneratur ta’ l-elettriku : Lm11,682 o. Kostruzzjoni ta’ sit ta’ kampijiet (tined) f’Lyster Barracks : Lm128,705 Barra dan tajjeb wieħed isemmi li l-Armata wkoll bniet binja li swiet Lm140,000 u li kienet intiza sabiex tintuża bħala stores għall-Armata. Fiċ-ċirkostanzi dawn gew użati għall-akkomodazzjoni ta’ l-Immigranti rregolari u għalhekk l-Armata trid tagħmel nefqa sabiex tibni stores ġodda.

Sigurta' Soċjali — Abbuż fis-servizzi soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' persuni li nqabdu jabbużaw mis-servizzi soċjali s-sena l-oħra? X'kienu l-abbużi? Kemm kien l-ammont iffrodat? Kemm ittellgħu nies il-qorti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li n-numru ta’ persuni li nqabdu jabbużaw mill-benefiċċji soċjali matul is-sena l-oħra kien ta’ 526 għall-ammont totali ta’ Lm526,105. L-abbużi kienu diversi, fosthom l-għoti ta’ informazzjoni skorretta dwar il-komposizzjoni tal-familja u dwar il-mezzi finanzjarji u nuqqas ta’ rappurtar ta’ bidu ta’ mpjieg. Ninsab infurmata wkoll li matul is-sena l-oħra tressaq każ wieħed quddiem il-Qorti dwar abbuż fit-teħid ta’ benefiċċji soċjali, liema każ għad mhux deċiż.

Bejgħ ta' laħam ta' l-annimali

Question

Billi qed isir bejgħ ta' laħam ta' annimali maqbuda bis-sistema tal-Ħalal, jista' il-Ministru jgħid fejn qed isir dan, jekk dan hux isir bil-permess tal-gvern u jekk imurx kontra l-liġi li tipproteġi l-annimali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Att Legali 260 tal-2003, dwar il-Protezzjoni ta' Annimali waqt it-Tbiċċir jew il-Qatla, meħud mill-Att dwar it-Trattament Xieraq ta’ l-Annimali (Att. Nru tal-2001), fit-Tieni Kapitolu, Artiklu 6 (2), jagħti permess għal metodi partikulari ta' qatla meħtieġa minn ċerti riti reliġjużi, f'dan il-każ il-metodu Ħalal. Il-kundizzjonijiet meħtieġa fejn annimal jinqatel bil-metodu Ħalal jinvolvi kriterji li huma identiċi għal qatla regolari barra l-fatt li l-annimal jiġi maqtul mingħajr l-istordiment, li huwa neċessarju fil-qatla regolari, u jrid isir minn persuna kompetenti. Bejgħ ta' laħam ta' annimali maqtula bis-sistema tal-Ħalal qed isir. Dan il-laħam jiġi importat minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea minn stabbilimenti approvati mill-Unjoni Ewropea. Malta ukoll hawn stabbilimenti approvati u liċenzjati biex tintuża din is-sistema.

Skejjel ta' l-Istat — Studenti barranin

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn studenti barranin fi skejjel tal-gvern illum? Kemm minn dawn huma ta' reliġjon mhux kattolika? Minn liema pajjiż huma?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti barranin fi skejjel tal-Gvern huwa ta' 482. Dawn l-istudenti huma mqassmin kif ġej: Primarja 303 Sekondarja 147 Post-Sekondarja 32 Informat ukoll li t-32 student ta' l-iskola post-sekondarja ma tinġabarx informazzjoni dwar ir-reliġjon tagħhom. Informazzjoni aktar dettaljata ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Aġenzija Appoġġ

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hawn tfal f'idejn l-aġenzija appoġġ minħabba li nħarġilhom care order?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li n-numru ta’ tfal taħt Care Order li qed jiġu segwiti mis-Social Workers ta’ l-Aġenzija Appoġġ hu 187.

Avukati tar-Repubblika

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid f'kemm-il kas l-avukati tar-Repubblika appellaw għal xi sentenzi mogħtija mill-qorti s-sena l-oħra u din is-sena u x'kien ir-reat u s-sentenza f'kull kas?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' kawzi li l-Avukati tal-Ufficju ta' l-Avukat Generali appellaw minnhom huma s-segwenti: Fis-sena 2005 gew appellati 49 kaz, li 3 minnhom kienu b'ammissjoni u gew appellati skond l-artikolu 392A1. Fis-sena 2006 gew appellati (sa l-ahhar ta' April) 27 kaz. Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli bl-informazzjoni mitluba dwar dawn il-kawzi: Nru 1. Tabella ta' kawzi appellati mill-Avukati tar-Repubblika ta' Malta ghal sentenzi moghtija mill-Qorti ghas-sena 2005 u 2006. Nru 2 (a) (b) (c). L-ismijiet tal-kawzi li gew appellati u decizi ghas-sena 2005. Nru 3. L-ismijiet tal-kawzi li gew appellati u decizi ghas-sena 2006.
Leg 10 PQ #18773 Sitting 389 2006-05-24 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Persuni Maltin f'ħabsijiet barra minn Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn Maltin f'ħabsijiet barra minn Malta llum u fejn?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Hemm erbgħatax (14) il-persuna ta` nazzjonalita maltija li jinsabu arrestati barra minn Malta u li nafu bihom (x`uħud jistgħu jagħżlu li ma jinformawniex jew li ma jitolbux assistenza tal-Gvern Malti). Dawn jinsabu arrestati fil-pajjiżi li ġejjin: Franza - 2 Turkija - 1 Awstralja - 1 Italja - 6 Spanja - 1 Olanda - 1 Svizzera - 1 Renju Unit - 1 Erbgħa minn dawn il-persuni għandhom jinħelsu matul din is-sena għax ikunu skontaw is-sentenza. Żewġ persuni oħra wkoll jistgħu jinħelsu qabel iż-żmien matul din is-sena.

Pulizija — Protestanti paċifiċi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-pulizija qed twaqqaf protestanti paċifiċi kontra vapuri tal-gwerra li jkunu fil-portijiet tagħna?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi immedjatament wara li seħħet l-aħħar protesta dwar il-vapuri tal-gwerra, l-amministrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija, wara li għamlet l-indaġini sabiex tistabbilixxi r-raġuni tas-sekwestru tal-materjal użat f'din il-protesta, tat struzzjonijiet sabiex il-materjal sekwestrat ikun irritornat lill-organizzaturi. Sussegwentement ġiet ukoll imsejħa laqgħa ma' l-organizzaturi ta' din il-protesta, fejn ġie spjegat lilhom il-parametri legali li għandhom jiġu segwiti f'manifestazzjoniijiet bħal dawn. Dawn fehmu l-pożizzjoni tal-Korp u pprommettew li ser jibdew josservaw dawn il-parametri. Infurmat ukoll, illi sabiex ma jkunx hemm diskrepanzi fl-operat tal-Pulizija waqt protesti pubbliċi, l-amministrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija kienet ħarġet struzzjonijiet ta' kif il-membri tal-Korp għandhom jaġixxu f'manifestazzjonijiet bħal dawn, fis-sens li sa kemm tali manifestanti ma jkunux qed jiddisturbaw il-kwiet u l-paċi pubblika, jew jikkaġunaw allarm pubbliku, b'wiri ta' armi jew kitbiet sedizzjużi, razzjali jew oġġezzjonali moralment, jew joħolqu inkonvenjent fit-tmexxija tat-traffiku ta' vetturi jew ta' nies, u jkunu qegħdin jaġixxu paċifikament, allura ma hemmx lok ta' intervent tal-Pulizija biex twaqqafhom. Anzi kull intervent għandu jkun wieħed ibbażat fuq id-demokrazzija li jħares id-dritt tal-manifestanti bil-mod li huma għażlu li juru l-approvazzjoni jew id-diżapprovazzjoni tagħhom f'dik il-manifestazzjoni.

NSO — Twelid ta' trabi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm twieldu trabi ta' unmarried mothers is-sena l-oħra u din is-sena s'issa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fis-sena 2005 twieldu 3860 tarbija ħajja (live births) u minnhom 765 twieldu barra miż-żwieġ. Sa l-aħħar ta’ Marzu 2006 twieldu 888 tarbija ħajja (live births) li minnhom 151 twieldu barra miż-żwieġ. It-tagħrif għall-ewwel kwart tas-sena 2006 għandu jitqies bħala proviżorju.

Sigurta' Soċjali — Relief

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm unwed mothers fuq ir-relief illum? Kemm kien in-numru ta' unmarried mothers li twaqqfilhom ir-relief is-sena l-oħra u għaliex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li n-numru ta' unmarried mothers li kienu fuq ir-relief fil-bidu ta' dan ix-xahar kien ta' 1,718. Ninsab infurmata wkoll li matul is-sena l-oħra kien hemm 157 unmarried mothers li twaqqfilhom ir-relief. Dan twaqqaf għal diversi raġunijiet fosthom: li bdew jaħdmu, iżżewġu, ġew intitolati għall-Pensjoni ta' l-Eta' jew ma baqgħux jissodisfaw it-test tal-mezzi.

Kontravenzjonijiet tat-traffiku

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet mill-wardens is-sena l-oħra, kemm hu t-total ta' flus dovut b'dawn iċ-ċitazzjonijiet u għaliex ingħataw iċ-ċitazzjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fis-sena 2005 il-Gwardjani Lokali taw 224,180 il-ċitazzjoni. It-total ta' flus dovut b'dawn iċ-ċitazzjonijiet jammonta għal Lm1,545,403. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi għalxiex ingħataw dawn iċ-ċitazzjonijiet.

Ċitazzjonijiet mill-green wardens

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet mill-green wardens s'issa? Kemm ingħataw fl-area ta' Paceville, fl-area tal-junior college, fejn ingħataw l-oħrajn u x'kien l-abbuż?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) hija responsabbli għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti dwar l-Iskart ġewwa siti rurali. Is-siti msemmija f'din il-Mistoqsija Parlamentari huma urbani, u għalhekk ma jaqgħux taħt ir-responsabbilità ta’ dan il-Ministeru imma taħt ir-responsabbilità tal-Kunsilli Lokali rispettivi.

Tobba

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm iggradwaw tobba kull sena għal dawn l-aħħar għaxar snin u kemm minnhom qed jaħdmu Malta llum?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li n-numru ta' tobba li iggradwaw, sena b'sena mis-sena 1995 sal-lum huwa kif ġej: Sena Numru ta' Tobba Gradwati 1995 38 1996 - 1997 42 1998 - 1999 54 2000 - 2001 55 2002 30 2003 34 2004 65 2005 61 Id-Diviżjoni tas-Saħħa ma hiex f'pożizzjoni li tgħid kemm minn dawn it-tobba li iggradwaw matul il-perjodu hawn fuq imsemmi, għadhom jipprattikaw l-professjoni tagħhom f'pajjiżna.

Sptar Boffa — Mard Infettiv

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm attendew nies il-unit li hemm Boffa Hospital li jieħu ħsieb il-mard sesswali infettiv is-sena l-oħra? Kemm kellhom eta' dawk li attendew? X'sess huma u x'marda għandhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Genitourinary Clinic fl-Isptar Boffa s-sena l-oħra attendew 1832 pazjent. L-etajiet kienu hekk kif ġej: 12.3%- bejn it-13 u 19-il sena 73.1%- bejn l-20 u 40 sena 14.6%- 'il fuq minn 40 sena 62% kienu rġiel 38% kienu nisa Il-mard kien kif ġej: Diagnosis Number Non-specific urethritis 209 Muco-purulent cervicitis 129 Chlamydia 43 Gonohorrea 23 Syphilis 18 Ano-genital warts 144 HIV 7 Candida 107 Bacterial Vaginosis 67 Desquamative inflammatory vaginitis 6 Pelvic inflammatory disease 12 Hepatitis C 5 Herpes simplex genitalis 26 Mulluscum contagiousm 40 Dermatoses 160

VAT — Parties

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm tħallas VAT wara kull party li sar is-sena l-oħra? X'tip ta' spezzjoni ssir f'kull party biex jiġi żgurat li l-VAT titħallas?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.