Legislature:
Category:
Reset
Active:

PSC

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni quddiem il-PSC illum u għaliex? Xi grad għandhom u fejn jaħdmu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena infurmat li b’effett mill-1 ta’ Frar 2000, taħt ir-Regolamenti tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (Proċedura tad-Dixxiplina) 1999 il-każijiet ta’ dixxiplina ġew delegati lill-Kapijiet tad-Dipartimenti. Huma biss il-każijiet kriminali, każijiet ta’ dixxiplina li jistgħu jwasslu għal tkeċċija u appelli, li jiġu riferuti lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, u m’għandhomx jgħaddu mill-Uffiċċju tiegħi. Għar-rigward tad-Dipartimenti li jaqgħu fid-dekasteru tal-Prim Ministru u fil-Ministeru tal-Finanzi, ninsab infurmat li m’hemm l-ebda uffiċjal pubbliku li bħalissa għandu l-każ tiegħu pendenti quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Fir-rigward tal-Ministeri l-oħra is-sitwazzjoni hija kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Servizz Pubbliku

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm tkeċċew ħaddiema taċ-ċivil is-sena l-oħra u għaliex? Fejn kienu jaħdmu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi fl-2005 kien hemm għaxar uffiċjali pubbliċi li tkeċċew mis-Servizz Pubbliku wara li nstabu ħatja ta’ reat kriminal jew dixxiplinarju. Id-dettalji l-oħra mitluba mill-Onorevoli Interpellant jinsabu fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qtugħ tas-servizz tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni li nqatalhom is-servizz tad-dawl u l-ilma din is-sena? Kemm hawn persuni u stabilimenti li waqgħu lura fil-ħlasijiet tal-kontijiet tagħhom illum?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-ewwel tas-sena sa l-4 ta' Mejju 2006, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ssospendiet 304 servizz domestiku tad-dawl u 300 servizz domestiku ta' l-ilma fil-waqt li hemm 7,386 kont domestiku li waqgħu aktar minn tlett xhur lura fil-ħlas. Minn naħa tal-Korporazzjoni Enemalta inqatgħu 226 servizz ta' l-elettriku sal-aħħar ta' April 2006.

VAT — Parties

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm tħallas VAT wara kull party li sar is-sena l-oħra? X'tip ta' spezzjoni ssir f'kull party biex jiġi żgurat li l-VAT titħallas?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li meta jintalab permess speċifiku sabiex jużaw biljetti tad-dħul minflok ir-riċevuta fiskali għall-parties, id-Dipartiment jagħmel sorveljanza jekk fl-opinjoni tiegħu, dak it-tali party huwa ta’ ċerta entita’ sabiex jiġi żgurat li l-VAT dovuta titħallas. In-numru ta’ permessi maħruġa matul 2005 għall-parties kien ta’ 25. Wieħed irid isemmi li fid-denunzja tal-VAT, persuni reġistrati jiddikjaraw kemm id-dħul kif ukoll il-ħruġ fuq l-attivita’ tagħhom. Din tista’ tinkludi ukoll dħul minn xi attivita’ partikulari fosthom parties. Fid-denunzja, persuni reġistrati mhumiex rikjesti sabiex jindikaw id-dettalji ta’ l-attivitajiet li jkunu għamlu. Għal din ir-raġuni ma tistax tingħata s-somma ta’ VAT li tħallset.

BMW's li ntużaw għaċ-CHOGM

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'xogħol jagħmlu u min xtara l-BMW's taċ-CHOGM is-sena l-oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninstab infurmat illi, kif inhu magħruf pubblikament, l-bejgħ tal-BMW li kienu mislufin lill-Gvern għal żmien ic-CHOGM, sar bejn l-importaturi tal-vetturi u l-individwi li xtawhom. Il-Gvern ma kellu x’jaqsam xejn ma dan il-bejgħ.

Postijiet ta' Detenzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru ħarbiet minn detenzjoni s-sena l-oħra u din is-sena? Kemm saru attentati li ma rnexxewx, minfejn saru u kemm ġew maqbuda wara li ħarbu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005 kien hemm tlett priġunieri li ħarbu mill-isptar San Luqa fejn kienu rekoverati. Dawn kollha nqabdu. Filwaqt li din is-sena kien hemm priġunier li ħarab mill-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin. Dan inqabad ukoll. Infurmat ukoll illi matul is-sena l-oħra kien hemm ukoll 19-il immigrant irregolari li rnexxielhom jaħarbu miċ-ċentri ta’ detenzjoni immexxija mill-Pulizija, jew minn sptar fejn kienu rekoverati. Minn dawn 7 kienu nstabu. Din is-sena kien hemm 35 li rnexxielhom jaħarbu, li minnhom s’issa nstabu 19.

Ċittadinanza Maltija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm persuni akkwistaw ċittadinanza Maltija s-sena l-oħra u minn liema pajjiż kienu?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 18772, ninfurmah li l-informazzjoni mitluba minnu diġa' tajtilu fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 15796.

Vetturi clamped u towed away

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew clamped u towed away veikoli s-sena l-oħra u minfejn? Kemm minnhom kienu tal-kiri?

Response (BORG, TONIO)

Għal dak li jirrigwardja l-Kunsill Lokali ninsab infurmat illi fis-sena 2005 ma ġiet ikklampjata l-ebda vettura, filwaqt illi 355 il-vettura ġiet irmonkata (towed). Minn dawn, 36 kienu vetturi tal-kiri. Il-lokalitajiet li fihom ġew irmonkati dawn il-vetturi huma kif jidher fit-Tabella "A" li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Qed inpoġġi ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella "B" li turi l-informazzjoni dwar vetturi li ġew clamped jew towed mill-Pulizija. Locality tindika Distrett tal-Pulizija.

ETC

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inqatgħu persuni minn fuq l-ewwel parti tar-reġistru ta' l-unemployment is-sena l-oħra u għaliex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn Jannar sa Diċembru 2005 inqatgħu 2,267 persuna minn fuq l-Ewwel u t-Tieni parti tar-Reġistru b'deċiżjoni ta' l-ETC. Minn dawn l-2,267 persuna, 323 inqabdu jaħdmu u jirreġistraw, 1440 irrifjutaw opportunita' ta' xogħol, filwaqt li 504 persuna rriffjutaw opportunita' ta' taħriġ. F'dan l-istess perjodu kien hemm 20,188 (fl-Ewwel u t-Tieni parti tar-reġistru) persuna li ma komplewx jirreġistraw għax-xogħol minn jeddhom fuq l-Ewwel u t-Tieni parti tar-reġistru. Din il-figura tinkludi nies li daħlu u ħarġu mir-reġistru aktar minn darba.

Works Department

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ħaddiema tal-works department ittellgħu quddiem bord dixxiplinarju s-sena l-oħra u għaliex?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li fis-sena 2005, tressqu 189 impjegat tat-Taqsima tax-Xogħlijiet quddiem Bordijiet ta’ Dixxiplina. Ir-raġunijiet kienu s-segwenti:- Abbuż mis-sick-leave 90 Abbandun ta’ dmirijiet 15 Assenza mhux awtorizzata 55 Assenza mhux awtorizzata ta’ jum 2 Assenza mhux awtorizzata t’aktar minn jum 4 Diżubbidjenza 2 Ksur/nuqqas t’osservanza ta’ regolamenti 7 Mġieba aggressiva/arroganti/vjolenti 4 Negliġenza 5 Produzzjoni baxxa 5 Total 189

Pulizija — Bord Dixxiplinarju

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm pulizija ttellgħu quddiem bord dixxiplinarju s-sena l-oħra? Għaliex u x'rank kellhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra kien hemm spettur u żewġ kuntistabbli li għaddew proċeduri dixxiplinarji skond ir-regolamenti tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, prinċipalment fuq traskuraġni ta' xogħol, diżubbidjenza t'ordnijiet u ksur ta' fiduċja rispettivament. Kien hemm ukoll 19-il surġent u 157 kuntistabbli li għaddew proċeduri ta' dixxiplina sommarji fuq ksur tat-Tielet Skeda ta' Kap 164.

Persuni jaħdmu bla permess

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti s-sena l-oħra u din is-sena talli ħaddmu persuni illegalment u x'weħlu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul l-2005 u din is-sena l-ETC tellgħet il-Qorti 120 każ ta' persuni li ħaddmu persuni oħra illegalment. Minn dawn 76 każ għadu pendenti. Fejn instabet ħtija l-Qorti imponiet multi.

Pulizija — Oġġetti misruqa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm insterqu affarijiet proprjeta' tal-korp tal-pulizija s-sena l-oħra u din is-sena? X'insteraq?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005 kienet ġiet irrapurtata serqa minn residenza privata, minn fejn fost oġġetti oħra kienet ġiet rrapurtata nieqsa uniformi ta' kuntistabbli mara. Matul din is-sena, kienet ġiet rappurtata nieqsa vettura li kienet ipparkjata l-Ħamrun. Din kienet instabet ftit tal-ħin wara u persuna kienet ġiet imressqa l-Qorti. Kien hemm ukoll każ ieħor fejn kienu nstabu nieqsa xi flus minn ġo uffiċju, liema każ kien ġie solvut u persuna kienet tressqet quddiem il-Qorti.

Paradise Bay — Rave Parties

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari W257, ma jidhirlux il-Viċi Prim Ministru li l-istorbju, dwal u attivita' ta' nies li jkunu qed jattendu rave party proprju waqt l-istaġun tal-bejta ta' l-għasfur nazzjonali ta' Malta u ġo area bħal Paradise Bay ifixklu u jħarbtu dan l-għasfur waqt l-istaġun tal-bejta u jekk iva, għaliex qed iħalli l-pulizija joħorġu permessi għal parties waqt dan iż-żmien delikat tas-sena meta l-party jista' isir x'imkien ieħor jew fi żmien ieħor?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa' kelli l-okkażżjoni nispjega, fl-ipproċessar ta' dawn l-applikazzjonijiet, il-Pulizija tirrikjedi wkoll, fost oħrajn, il-permess mill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li hija l-awtorita' kompetenti fil-qasam tal-ħarsien ta' l-ambjent. Nirreferik ukoll għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. W255.

Paradise Bay — Rave Party

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħallas għall-permess biex juża Paradise Bay l-organizzatur tal-party li se jsir fl-4 ta' Ġunju? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra mappa li tispjega fejn jistgħu jgħumu ċ-ċittadini Maltin li jkunu jixtiequ jmorru jgħumu hemm dakinhar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-organizzaturi li ġew mogħtija l-permess biex jagħmlu l-Beach Festivals fl-4 ta' Ġunju 2006, ħallsu s-somma ta' mija u ħamsin Lira (Lm150.00) għall-permess mogħti mid-Dipartiment tal-Artijiet, is-somma ta' ħames liri (Lm5) għall-permess mogħi mill-Kunsill Lokali u tlett liri (Lm3) għall-permess tal-Pulizija. Infurmat ukoll illi ebda parti tal-bajja m'hi ser tiġi magħluqa għall-persuni li jridu jmorru jgħumu.