Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu nies il-qorti fuq misapproprjazzjoni ta' taxxi s-sena l-oħra? X'kien l-ammont f'kull każ u x'weħlu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għar-rigward tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hemm proċeduri għaddejjin il-Qorti fuq disa każi. Każ ieħor ġie dikjarat mill-Qorti sine-die u każ ieħor kien solvut.
L-ammont ta’ taxxi dovuti għall-ħdax il-każ pendenti hu kif ġej :
LM
7,389
29,140
28,502
42,159
69,617
18,157
16,131
29,432
88,127
1,196
265
Għar-rigward tad-Dipartiment tal-VAT, matul is-sena 2005 ġew inizjati 3 każijiet ta’ misapproprazzjoni mill-pulizija wara li ġew mitluba minn dan id-Dipariment. Dawn kienu għall-ammonti Lm545,130, Lm17,083, LM121,258.
Peress li l-każijiet ta’ misapproprazzjoni jiġu nvestigati mill-pulizija qabel ma’ jinbdew proċeduri kriminali fil-Qorti, matul l-istess sena, ħadd minn dawn l-imsemmija hawn fuq għadu ma’ ttella l-Qorti.
Iżda matul is-sena 2005, kien hemm diversi każijiet ta’ misapproprazzjoni li kienu nbdew fis-snin preċedenti u ttellgħu l-Qorti matul is-sena 2005 għall-kontinwazzjoni tal-każijiet rispettivi tagħhom.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija hijiex se tieħu passi kontra sid il-Bamboo Bar, f'Paceville wara li dan allegatament biegħ alkaħol lil tfajla ta' 14-il sena u li wara ġiet irrejpjata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-każ ta' stupru imsemmi mill-Onorevoli Interpellant għadu fl-istadju ta' l-Appell quddiem il-Qorti u għaldaqstant m'għandu jingħad xejn li jista' jippreġudika proċeduri fil-Qorti.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru reati kriminali kontra reliġjużi u anzjani s-sena l-oħra u x'ġara?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005 il-Pulizija kellha 2,103 rapport minn persuni li għandhom aktar minn 60 sena. Ir-reati rrapurtati kienu kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll illi l-informazzjoni dwar il-kariga, stat jew attivita' personali tal-persuna li tkun għamlet ir-rapport ma tinżammx taħt forma ta' statistika.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sarux serqiet minn postijiet reliġjużi s-sena l-oħra, u jekk iva fejn u x'insteraq?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005 il-Pulizija kellha 22 rapport ta' serq minn knejjes, kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ambulanzi li kienu involuti f'kolliżjoniijet is-sena l-oħra? Kemm minnhom kellhom pazjenti fihom? Kemm weġġgħu persuni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li s-sena l-oħra kien hemm tmien (8) ambulanzi li kienu nvoluti f'kolliżjonijiet. Ħadd ma kien weġġa' f'dawn il-kolliżjonijiet.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-waiting list għal dawn l-operazzjonijiet:
Kataretti,
hip replacement, knee replacement
, ftuq?
Kemm ilhom jistennew f'kull każ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-waiting list għall-operazzjonijiet mhux urġenti immsemija mill-Onor. Interpellant huma kif ġej:
Hip Replacement 293
Knee Replacement 983
Dawn ma jinkludux operazzjonijiet urġenti.
Iż-żmien ta' stennija jilħaq bejn sentejn u erba' snin jiddependi skond il-konsulent u skond iċ-ċirkustanzi mediċi tal-pazjent bħal piż żejjed u mard ieħor.
Dwar Oftalmoloġija sal-lum hemm jistennew 3,812 persuna bi żmien ta' stennija kif ġej:
Dawk li huma urġenti sitt xhur, mhux daqs hekk urġenti sena u dawk li huma ta' rutina bejn sentejn u nofs u tliet snin.
Iż-żmien ta' kemm idumu jistennew biex jagħmlu l-kataretta ivarja skond il-konsulent inkarigat mill-pazjent.
Dwar operazzjonijiet tal-ftuq hemm jistennew 396 persuna bi żmien ta' stennija bejn ġimgħatejn u sentejn, jiddependi skond il-konsulent u skond iċ-ċirkustanzi mediċi tal-pazjent.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni li qegħdin fuq chemo u radiotherapy illum?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li llum 10 ta' Mejju 2006 hemm 48 persuna li qiegħdin jieħdu r-Radjuterapija u 18 li qiegħdin jieħdu Kimoterapija ġo l-Isptar Sir Paul Boffa.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu prostituti l-qorti u pimps s-sena l-oħra u x'weħlu? Kemm minn dawn kienu diġa' misjuba qabel u kemm-il darba f'kull każ individwali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005 kien hemm 83 persuna, 30 minnhom l-ewwel darba, li bejniethom tressqu l-Qorti 379 darba fuq akkużi ta' tlajjar għal skop ta' prostituzzjoni. Dawk li l-każi tagħhom ġew deċiżi u misjuba ħatja ġew mogħtija sentenzi sospiżi, multa jew ċanfira u twiddiba. Infurmat ukoll li matul is-sena l-oħra wkoll kien hemm 6 persuni li tressqu l-Qorti fuq prostituzzjoni ta' ħaddieħor, kollha l-ewwel darba. Minn dawn, każ wieħed ġie deċiż fejn wara li l-persuna kienet misjuba ħatja, ġiet mogħtija sentenza ta' 2 ħabs sospiżi għal 4 snin.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni fuq probation illum u kemm hawn li għandhom aktar minn waħda? Jista' jagħti breakdown ta' kemm għandhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond ir-rekords ta' l-Uffiċċju tal-Probation, fis-16 ta' Mejju 2006, kien hemm 289 Ordnijiet ta' Probation attivi.
Minn dawn l-Ordnijiet ta' Probation, 13-il persuna għandhom aktar minn Ordni ta' Probation waħda hekk kif imniżżla hawn taħt:
10 persuni għandhom żewġ Ordnijiet ta' Probation
3 persuni għandhom tliet Ordnijiet ta' Probation
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru rapes u attakki sesswali oħra s-sena l-oħra? Fejn saru? X'eta' kellhom il-vittmi u ta' liema sess kienu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005 il-Pulizija kellha 69 rapport ta' reati ta' natura sesswali fuq individwi. Il-lokalitajiet li ġie indikat li seħħew fihom huma Ħ'Attard, Birkirkara, Birżebbugia, Bormla, Ħad Dingli, il-Fgura, il-Furjana, Ħal Għaxaq, il-Gżira, il-Ħamrun, il-Kalkara, Ħal Lija, il-Marsa, f'Marsaskala, l-Imdina, il-Mellieħa, il-Mosta, in-Naxxar, Paola, Pembroke, il-Pieta', ir-Rabat (Malta), ir-Rabat (Għawdex), San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, tas-Sliema, is-Swieqi, Ħal Tarxien, ix-Xewkija (Għawdex), Ħaż Żabbar, Żebbuġ (Għawdex), u ż-Żejtun.
Dawn ir-rapporti kienu jirrigwardjaw 80 persuna (20 maskili u 60 femminili) li l-etajiet tagħhom kienu jvarjaw minn 0 sa 45 sena.
Tista' il-Ministru tgħid kemm qasmu nies bil-helicopter għal Għawdex is-sena l-oħra u fil-ħames snin ta' qabel, sena b'sena?
Tista' tgħid kemm waqfu cruise liners ġo Għawdex is-sena l-oħra?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministri koncernati.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni jaħdmu llum full-time u part-time? Kif jikkompara dan ma' ħames u għaxar snin ilu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' persuni li jaħdmu full-time u part-time hu kif ġej:
Full-Time Part-Time only
Nov'05 138,412 22,893
Dec'00 136,759 15,292
Dec'95 131,623 9,056
Informat ukoll li l-aħħar statistika ppublikata hi dik ta' Novembru 2005.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni fuq community service illum? X'tip ta' service qed jitqabbdu jgħamlu? X'kien ir-reat li għalih weħlu community service f'kull każ individwali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant ma jinżammx taħt forma komputerizzata u għalhekk mhux disponibbli.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni li ngħataw sentenzi ta' ħabs din is-sena, probations u sentenzi ta' ħabs sospiżi? X'kienu r-reati f'kull każ individwali u kemm kienet twila s-sentenza?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' sentenzi ta' ħabs sospiżi, x'kien ir-reat f'kull każ individwali, kif ukoll kemm kienet twila s-sentenza qed jiġu murija fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra:-
Tabella A turi dawk is-sentenzi mogħtija mill-Qrati Kriminali Superjuri
Tabella B turi dawk is-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati (Malta)
Tabella C turi dawk is-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex)
Qed inpoġġi ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dwar pieni karċerarji (Tabella D) u dwar probations (Tabella E).