Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni li għandhom status ta' immigrant illegali l-qorti, kull sena matul il-ħames snin li għaddew? X'kien ir-reat f'kull każ?
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tjur li nġabru mid-dipartiment biex tiġi evitata l-bird flu? Fejn inżammu? Kemm mietu? Kemm għad hemm ħajjin? Kemm insterqu? Kemm intelqu? Kemm għad hemm miżmuma? Kemm ħarbu? Jekk insterqu, kemm insterqu, x'insteraq u x'passi investigattivi ħa d-dipartiment?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ tjur li nġabru mid-dipartiment u li qegħdin jinżammu ġo Fort Delimara kien 336. Minn dawn mietu 23 b'mewt naturali u għalhekk preżentement għadna 313 ħajjin. S'issa, mill-papri għadu ma ntelaq xejn, u ma kellna l-ebda każ ta' serq jew li ħarbu.
Billi issa l-Unjoni Ewropea se twaqqaf patrols bil-baħar kontra l-immigrazzjoni illegali, jista' il-Ministru jgħid x'se jsir mill-immigranti miġbura fuq dawn il-vapuri f'każ ta' emerġenza, dawn se jinġiebu Malta? Jekk se jsir dan, ma jaħsibx il-Ministru li l-problema li diġa' għandna se tikber?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Id-dettalji operativi tal-patrols għadhom qed jinħadmu mill-FRONTEX. Il-Gvern Malti qiegħed f`kuntatt mill-qrib mal-FRONTEX dwar dan.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni (first time buyers) li xtraw proprjeta' kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin? Kemm minn dawn kienu barranin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li n-numru ta’ persuni li xtraw l-uniku residenza ordinarja tagħhom kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin hu kif se jidher hawn taħt:
Sena
Maltin
Barranin
2001
3808
5
2002
3530
3
2003
4013
5
2004
4600
2
2005
4506
2
2006*
2449
0
* sas-6 ta’ Lulju 2006
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' barranin li ngħataw ċittadinza Maltija f'dawn l-aħħar ħames snin? Minn liema pajjiż oriġinaw u għaliex ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li dwar l-ewwel u t-tieni parti tal-Mistoqsija tiegħu nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 11634 u Nru. 15796 ninfurmah, dwar it-tielet parti tal-Mistoqsija, li ċ-ċittadinanza Maltija tingħata b'reġistrazzjoni lil dawk il-persuni li għandhom dritt jiġu reġistrati, bħal l-irġiel jew in-nisa ta' ċittadini ta' Malta, u b'naturalizzazzjoni lil dawk il-persuni li jissodisfaw ir-rekwisiti stabbiliti biex tingħata ċ-ċittadinanza Maltija.
Tista' il-Ministru tgħid x'passi qed jieħu l-ministeru biex jiġu akkomodati immigranti illegali li jkunu nħelsu mid-detenzjoni? Kemm hemm open centres ippjanati u kemm hawn illum u kemm jospitaw nies?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Ministeru tiegħi qed jipprovdi diversi ċentri fejn jiġu akkomodati immigranti irregolari meta joħorġu miċ-ċentri ta’ detenzjoni. F’dan l-istadju, meta qed isir żvilupp fiċ-ċentru l-ġdid f’Ħal Far, m’hemmx ippjanat ftuh ta’ Open Centres ġodda.
Ninsab infurmata li l-kumplament tat-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda ma' l-Air Malta din is-sena u s-sena l-oħra? Xi grad għandhom? Kemm impjegati ta' l-Air Malta ħadu l-early retirement kif offrut mill-kumpannija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li n-nies ġodda li ġew impjegati ma l-Air Malta matul l-2005 u l-2006 huwa ta’ wieħed u disgħin (91) u tlieta u ħamsin (53) rispettivament, fil-gradi segwenti:
Maltin
2005 2006 (Gunju)
4 Kadetti (trainee pilots) 4 Kadetti (trainee pilots)
2 Avukati 1 Chief Officer
1 Chief Officer
5 General Managers
2 Operation Research Analysts
36 Business Support Assistants
Ta’ min jgħid li s-36 Business Support Assistants kellhom l-impjieg tagħhom mibdul minn wieħed b’kuntratt definint għal impjieg permanenti.
Stazzjonati Barra (UK)
2005 2006 (Gunju)
25 Cabin Crew (10 Maltin) 34 Cabin Crew (2 Maltin)
16-il Pilota 14-il Pilota
L-ammont ta’ mpjegati li ħadu l-early retirement kif offrut mill-kumpanija huwa ta’ għaxra (10).
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm persuni tressqu quddiem il-qorti fuq reati ta' prostituzzjoni din is-sena? Kemm minn dawn kienu barranin u minn liema pajjiż?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena, kien hemm 68 persuna, kollha ta' nazzjonalita' Maltija, li bejniethom tressqu l-Qorti 248 darba fuq akkużi ta' tlajjar għal skop ta' prostituzzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inħarġu visas is-sena l-oħra u din is-sena u minn liema pajjiż ġew il-viżitaturi? Kemm-il talba saret li ġiet rifjutata u minn fejn saret it-talba?
Response (FRENDO, MICHAEL)
L-Onorevoli interpellant għandu jirreferi l-mistoqsija lill- Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew studenti jitgħallmu l-Ingliż is-sena l-oħra u kemm ġew din is-sena? Kif jikkompara din is-sena ma' l-istess żmien is-sena l-oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sena l-oħra ġew 61,607 student jitgħallmu l-Ingliż f'Malta u Għawdex. Iċ-ċifri ta' kemm jiġu studenti kull sena jinġabru meta tintemm is-sena.
Jista' il-Ministru jispjega eżattament x'inhi l-pożizzjoni tad-delizzju tal-kaċċa u l-insib vis-a-vis dak rapportat dan l-aħħar fil-gazzetti lokali, is-sena d-dieħla u wara s-sena d-dieħla? Id-deroga li biha l-kaċċa hija permessa fir-Rebbiegħa u l-insib is-sena kollha fl-istaġun miftuħ, huma derogi permanenti kif imwiegħed qabel ir-referendum għall-EU jew trid issir talba kull sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Membru jirreferi għall-istqarrija li l-Gvern Malti ħareġ nhar id-29 ta’ Ġunju 2006 li kopja tagħha qed tidher hawn:
Press Release No 0979
ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI EWROPEA DWAR IL-KAĊĊA FIR-REBBIEGĦA
Il-Gvern jinnota l-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea biex tibda proċeduri kontra l-Gvern Malti dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.
Huwa mifhum li l-Kummissjoni Ewropea se tibgħat ittra ta’ notifika formali, li huwa l-ewwel avviż bil-miktub li jitlob lill-awtoritajiet Maltin jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fi żmien xahrejn. Sa issa, Malta għadha ma rċevitx il-komunikazzjoni imsemmija.
Dan huwa l-ewwel pass mit-tliet fażijiet li tapplika l-Unjoni Ewropea biex tiddetermina, permezz ta’ opinjoni motivata wara li tkun ġabret u analizzat l-informazzjoni supplimetari mitluba mill-istat membru, jekk hemmx każ biżżejjed biex tgħaddi għall-fażijiet l-oħra.
Il-Gvern Malti ma jaqbilx mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u jtenni l-impenn tiegħu li jiddefendi l-każ fil-fora kollha li tippermettilu l-liġi.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hawm immigranti illegali taħt il-kustodja ta' l-armata llum? F'liema tip ta' akkomodazzjoni qed jinżammu (bini b'saqaf tal-konkos, nissen huts, tined, eċċ.) u kemm f'kull tip? Fejn se jinżammu dawk li se jiġu jżuruna fil-futur qarib?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li bħalissa hawn 1061 immigrant taħt il-kustodja ta’ l-Armata. Dawn jinsabu akkomodati fiċ-ċentri magħluqa kif imsemmija hawn taħt:
a) 451 fiċ-ċentru ta’ Ħal Safi, kollha akkomodati f’bini b’saqaf tal-konkos;
b) 610 fiċ-ċentru ta’ Ħal Far ġewwa Lyster Barracks, minnhom 306 huma akkomodati f’bini b’saqaf tal-konkos u 304 huma taħt tined tal-‘canvas’.
F’każ li jaslu aktar immigranti rregolari dawn jiġu allokati fiċ-ċentri msemmija hawn fuq u fiċ-ċentri tal-Pulizija f’Ta’ Kandja u Ħal Far.
Jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' għajnuna u kemm flus ġew mogħtija lil Malta mill-Unjoni Ewropea minħabba l-immigrazzjoni illegali f'dawn l-aħħar tliet snin kull sena?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jindirizza din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ħarbu immigranti illegali din is-sena u kemm ħarbu wara l-aħħar irvell li sar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li din is-sena ħarbu 177 immigranti irregolari miċ-Ċentri ta’ l-Armata, u minn dawn s’issa inqabdu 140.
Wara l-irvell li sar fiċ-ċentru ta’ Ħal Safi fis-27 ta’ Ġunju, ħarbu żewġ gruppi ta’ immigranti: wieħed magħmul minn 14 u l-ieħor minn 31, li minnhom s’issa nqabdu 8 u 27 rispettivament.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid saritx talba mal-pulizija f'dawn l-aħħar tliet snin biex jinfetħu sex shops u table/lap dancing establishments? Jekk iva, kemm? Kemm ġew rifjutati? Kemm hemm żeffiena li jagħmlu dan ix-xogħol u minn liema pajjiżi huma?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa' kelli l-okkażżjoni ninforma lill-Kamra, il-liċenzji tan-negozju, m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid x'tagħrif għandu l-Ministeru dwar port tariffs issa li l-portijiet ġew privatizzati? Kif jikkompara dan illum ma' dak imwiegħed qabel il-privatizzazzjoni?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fost il-miri ewlenin tar-riforma fil-portijiet, inkluż kuntratt ġdid konkluż reċentement għall-ħatt u tagħbija ta' merkanzija fil-Port il-Kbir, hemm iż-żieda fl-effiċjenza u l-produttivita' fil-portijiet kif ukoll ristrutturar fis-sistemi portwali. Dan kollu għandu jwassal għal roħs fit-tariffi ta' min jipprovdi servizzi portwali, investiment ġdid fl-infrastruttura u makkinarju u żieda fil-volum ta' merkanzija fil-portijiet.
Ir-ristrutturar tal-mod kif jingħataw servizzi portwali jinkludi wkoll reviżjoni fl-organiżżazzjoni portwarja u simplifikkazzjoni u roħs tat-tariffi.
Fil-fatt dan wassal sabiex l-Awtorita' Marittima ta' Malta laħqet ftiehem mal-Malta Freeport Terminals Ltd u mal-Valletta Gateway Terminals Ltd dwar x'għandhom ikunu it-tariffi bażiċi għall-ħatt u tagħbija ta' din il-merkanzija fiż-żewġ portijiet.
Is-sistema maqbula sejra tissimplifika il-proċess ta' ħruġ ta' kontijiet u tirriffletti roħs fit-tariffi. Fil-fatt it-tariffa maqbula applikabbli għall-importazzjoni u esportazzjoni hija essenzjalment orħos minn dik li kienet qabel l-ewwel ta' Lulju. Dan ir-roħs fit-tariffi għandu jissokta la darba tiġi mitmuma ir-riforma tal-port. Kull roħs ieħor miftiehem fix-xhur li ġejjin ser ikun ukoll għal gwadan tal-konsumatur u l-ekonomija maltija in ġenerali.
It-tnaqqis li ġie maqbul sa issa bl-ebda mod ma jista jitqies bħala finali għaliex hemm diversi tariffi oħra li għad iridu jonqsu bħala parti mill-proċess ta' riforma fil-portijiet. Tajjeb wieħed ifakkar li l-gvern dejjem insista li r-riforma fil-portijiet għandha twassal għal bidla sħiħa u mhux biss ta operaturi tal-port.