Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pazjenti li ddaħħlu l-isptar kawża ta' armi tan-nar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm iddaħħlu nies l-isptar din is-sena jsofru minn feriti kkaġunati minn armi tan-nar? Kemm minn dawn kienu aċċidentali?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li skond l-informazzjoni disponibbli fid-dipartiment ta' l-Emerġenza, in-numru ta' każi fejn nies iddaħħlu l-isptar jsofru minn feriti kkaġunati minn armi tan-nar kien ta' erbgħa matul is-sena 2006 sal-ġurnata tal-lum. Kull ferita kkaġunata minn arma tan-nar tiġi infurmata l-pulizija u għalhekk, nitlob lill-Onor. Membru jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Qrati — Bejgħ ta' alkaħol lill-Minuri

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm persuni ttellgħu l-qorti talli bigħu alkaħol lill-minuri kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin? X'weħlu f'kull każ? Kemm minn dawn ittellgħu l-qorti aktar minn darba u kemm-il darba?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant ma jinżammx taħt forma ta' statistika. Pero' nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 2177 fil-5 ta' Novembru 2003, Nru. 7148 fil-11 ta' Novembru 2004, Nru. 18961 fil-21 ta' Ġunju 2006 u Nru. 20475 fis-27 ta' Settembru 2006.

Persuni li ddaħħlu l-isptar kawża ta' overdose

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm iddaħħlu persuni l-isptar minn overdosage din is-sena? X'kien l-esodu? Kemm minn din kienet droga?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis in-numru ta' każijiet ta' overdose li ddaħħlu fl-Isptar San Luqa bħala pazjenti bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena huma kif ġej: Kategorija A (Jannar-Awissu 2006) Kien hemm 8 pazjenti irreġistrati li ddaħħlu kawża ta' avvelenament inċidentali. Kollha kemm huma intbagħtu d-dar. Il-kawża f'dawn il-każijiet kienet kif ġej: f'wieħed l-avvelenament inċidentali kien b'mediċinali anti-epileptiċi, jew sedativi/ħipnotiċi jew anti-parkinsonism, waqt li fis-7 l-oħra s-sustanza ta' l-avvelenament ma ġietx speċifikata. Kategorija B (Jannar-Awissu 2006) Ma kienx hemm każijiet irreġistrati f'din il-kategorija. Kategorija Ċ (Jannar-Awissu 2006) Kien hemm 87 pazjenti li ddaħħlu l-isptar kawża ta' avvelenament fejn mhux magħruf jekk kienx inċidentali jew premeditat. Minn dawn il-87 pazjenti, 79 intbagħtu d-dar waqt li 8 ġew trasferiti f'sptar ieħor. Il-kawża ta' l-avvelenament f'din il-kategorija (fejn mhux magħruf jekk l-avvelenament kienx premeditat jew inċidentali) f'ħafna każijiet mhix irreġistrata. Minn dawn it-87 każ, 7 kienu kawża ta' avvelenament b'mediċinali anti-pyretics, analġesiċi jew anti-rewmatiċi, f'9 każijiet il-kawża ta' avvelenament kien mediċinali anti-epileptiċi, jew sedativi/ħipnotiċi jew anti-parkinsonism, f'8 każijiet il-kawża kienu narkotiċi jew sustanzi psychodysleptics (hallucinigens), waqt li l-bqija 63 każ is-sustanza li kkawżat l-avvelenament ma ġietx speċifikata.

Local Wardens — Ċitazzjonijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħarġu ċitazzjonijiet il-wardens din is-sena u għaliex? Kemm kien in-numru ta' ċitazzjonijiet preskritti kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex għall-ewwel parti tal-mistoqsija jirreferi għat-tweġiba li tajt għal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 20520. Dwar kemm ġew preskritti ċitazzjonijiet, l-informazzjoni qed tiġi miġbura u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.

Malta shooting federation — Tiraturi Maltin

Question

Jista' il-Ministru jindaga u jispjega kif tiraturi Maltin li m'għandhomx dritt jisparaw arma tan-nar hawn Malta għax huma taħt l-eta', intgħażlu mill-Malta shooting federation biex jirrappreżentaw lil pajjiżna f'kompetizzjonijiet internazzjonali barra minn Malta? X'għajnuna tingħata lil din l-għaqda mill-gvern Malti? X'persentaġġ intuża mill-federation biex dawn it-tfal jittellgħu barra minn Malta meta Maltin oħra m'għandhomx dritt jipparteċipaw f'dan l-isport għax għad m'għandhomx eta'?

Response (GALEA, LOUIS)

L-ewwelnett nirreferi l-Onor. Membru għall-provvedimenti l-ġodda ta' l-Att dwar l-Armi li daħal fis-seħħ fil-15 ta' Awissu 2006, b'mod partikolari artikolu 26 li jippermetti l-prattika ta' l-isparar bil-mira b'armi lil persuni li jkunu għalqu l-14 il-sena taħt kondizzjonijiet speċjali. Informat li b'arranġament mall-Kumitat Olimpiku Malti, kull materja ta' natura teknika li tinvolvi għażliet t'atleti u finanzjament ta' programmi ta' taħriġ u kompetizzjonijiet hija kompetenza tal-Kumitat Olimpiku Malti.

Persuni li għaddew bord ta' l-invalidita'

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm persuni għaddew bord ta' l-invalidita' din is-sena u f'dawn l-aħħar ħames snin f'Malta u Għawdex? X'eta' kellhom u x'xogħol kienu jagħmlu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmata wkoll li ma tinżammx statistika dwar ix-xogħol li kienu jagħmlu persuni qabel ma bdew jirċievu l-Pensjoni għall-Invalidita'.

Pulizija mressqa quddiem bord tad-dixxiplina

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu pulizija quddiem bord tad-dixxiplina tal-korp din is-sena u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Jannar u l-5 ta' Ottubru ta' l-2006, kien hemm erba' membri tal-Korp illi dehru quddiem Bord tad-Dixxiplina skond Regolament 20 tar-Regolamenti ta' l-1999 tal-Kummissjoni Dwar is-Servizz Pubbliku (Proċedura ta' Dixxiplina). Kien hemm ukoll 292 membru tal-Korp tal-Pulizija li għaddew proċeduri interni ta' dixxiplina sommarji dwar xi reati kontra d-dixxiplina kif kontemplati fit-Tielet Skeda ta' Kap 164.

Pulizija li spiċċaw mill-korp

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm spiċċaw persuni mill-korp tal-pulizija din is-sena u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Jannar u d-19 ta' Ottubru ta' l-2006, kien hemm b'kollox 32 membru li spiċċaw mill-Korp tal-Pulizija. Minn dawn, 13 irtiraw bil-pensjoni wara li għalqu il-25 sena servizz, 7 irtiraw minħabba raġunijiet ta' saħħa, 11 irriżenjaw u 1 miet.

Pulizija — Armi tan-nar

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il darba ġew użati armi tan-nar mill-pulizija din is-sena waqt il-qadi ta' dmirijiethom? Kemm-il darba nfetaħ in-nar fuq membri tal-korp tal-pulizija din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta' l-2006, kien hemm okkażjoni waħda fejn il-Pulizija kellha tuża armi tan-nar wara li kien infetaħ in-nar fuqha. Kien hemm ukoll ħdax il-każ ieħor fejn ġew sparati tiri ta' twissija mill-Pulizija.

Kontijiet tad-Dawl u l-Ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn azjendi jew organizzazzjonijiet li jaħdmu bi qligħ li għandhom kontijiet pendenti mal-WSC u/jew Enemalta bħalissa? Kemm hemm azjendi li nqatalhom id-dawl jew ilma din is-sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

Persuni akkużati li kkorrompew uffiċjali pubbliċi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu nies il-qorti akkużati li kkorrompew uffiċjali pubbliċi din is-sena u fejn kienu jaħdmu l-uffiċjali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta' l-2006, il-Pulizija bdiet proċeduri kriminali kontra 8 persuni talli b'xi mod ikkorrompew xi uffiċjal pubbliku. Ħamsa minn dawn l-uffiċjali pubbliċi kienu jaħdmu ma' l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta u wieħed kien membru tal-Korp tal-Pulizija.

Każi ta' Vandaliżmu

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każi ta' vandaliżmu din is-sena? X'tip kienu u fejn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta' l-2006, ġew irraportati lill-Pulizija 2,126 każ ta' ħsara volontarja. Minn dawn, 4 każi kienu jirrigwardjaw ħsarat f'monumenti. Dawn kienu: a) kliem biż-żebgħa mal-pedestal tal-Monument li hemm fir- roundabout fit-tarf ta' Triq San Tumas f'Ħal Luqa; b) twaqqiegħ minn niċċa ta' statwa tal-Madonna fl-Imġarr; c) kliem biż-żebgħa mal-pedestal mal-Mafkar ta' George Stevens fil-Fgura u d) żebgħa mal-Monument fil-Ġnien Hastings il-Belt.

Persuni akkużati li aggredew uffiċjali pubbliċi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu nies il-qorti talli aggredew xi uffiċjal pubbliku din is-sena? Xi grad kellu l-uffiċjal?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta' l-2006, il-Pulizija bdiet proċeduri kriminali kontra 128 persuna talli b'xi mod aggredew uffiċjal pubbliku. Ninsab infurmat ukoll illi t-tagħrif mitlub fl-aħħar parti tal-Mistoqsija mhux disponibbli.

Bomb Hoaxes

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru bomb hoaxes kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin? Fejn saru u kemm ġew solvuti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar ħames snin, in-numru ta' rapporti ta' bomb hoaxes li saru lill-pulizija kienu kif jidhru fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat ukoll illi tlett każi ġew solvuti.

Pulizija — Finger print clock

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min huma dawk ir-rankijiet tal-korp tal-pulizija li qed jużaw il-finger print clock meta jidħlu jew jitilqu mix-xogħol?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-membri tal-Korp u l-impjegati ċivili kollha li jaħdmu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, irrispettivament mill-grad tagħhom, qed jużaw is-sistema elektronika tas-swaba', kull meta dawn jidħlu jew joħorġu mill-Kwartieri Ġenerali.

Relief lill-Prostituti

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk jingħatax ir-relief lil persuni li jinsabu ħatja ta' prostituzzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li ma jeżisti ebda provvediment taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali li jipprojbixxi l-ħlas ta' Għajnuna Soċjali lill-persuna li tinstab ħatja ta' reat kriminali. Ninsab infurmata wkoll li, b'dankollu, f'każijiet fejn il-persuna tinstab ħatja ta' rejat li jindika li għandha dħul mhux dikjarat, jissospendi l-pagament sakemm jinvestiga l-każ.