Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sigurta' Soċjali — Pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hijiex tieħu l-pensjoni kollha dovuta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.

Sigurta' Soċjali — pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hijiex tieħu pensjoni u għajnuna supplimentari kif dovut lilha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.

Kontijiet tad-Dawl u l-Ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn azjendi jew organizzazzjonijiet li jaħdmu bi qligħ li għandhom kontijiet pendenti mal-WSC u/jew Enemalta bħalissa? Kemm hemm azjendi li nqatalhom id-dawl jew ilma din is-sena?

Response (GATT, AUSTIN)

L-Onor. Interpellant naħseb jaf li jien ma nafx liema ażjendi 'jaħdmu bi qliegħ' u għalhekk ma nistax nirrispondi d-domanda tiegħu.

MEPA — Rave Parties

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-MEPA hijiex se tibqa' tagħti permessi għal rave parties jew attivitajiet tal-massa organizzati ġo postijiet koperti mill-ischeme nature 2000 fil-futur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) s' issa tipproċessa applikazzjonijiet għall-rave parties u attivitajiet oħrajn tal-massa f'żoni ambjentalment sensittivi fuq bażi ad hoc. Fl-ipproċessar ta' applikazzjonijiet ta' dan it-tip, jigi meqjus l-impatt li l-attività proposta jista' jkollha fuq l-ambjent tal-madwar u, fid-dawl ta' esperjenza li l-Awtorita' għandha dwar dan tul dawn l-aħħar snin, jitfasslu għadd ta' kundizzjonijet li taħtom tista’ ssir l-attività in kwestjoni. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu konfini speċifiċi li fihom tista' ssir l-attività, in-natura ta' strutturi li jinbnew għall-okkażjoni (li jridu jkunu ta' natura temporanja), kif ukoll l-iżmantellar ta' tali strutturi fi żmien speċifiku, il-kontroll fuq kalpestar ta' siti fl-inħawi waqt aċċess għas-sit minn nies jew vetturi, it-tindif tas-sit wara li ssir l-attivita' u l-limitu għal tniġġiż minn dawl (light pollution). Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu wkoll garanzija bankarja li tinżamm mill-Awtorità jekk tinkiser xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet mill-organizzaturi ta' l-attività. Għal dan il-għan, l-Awtorità' tibgħat spetturi li jżuru s-sit kemm qabel u kif wara l-attività. Hemm il-ħsieb li din is-sistema tkun riveduta billi jitfasslu linji gwida ġenerali għal attivitajiet bħal dawn.

Qrati — Tfal taħt is-16-il sena

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tfal taħt is-16-il sena ttellgħu l-qorti din is-sena u kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Matul din is-sena (2006) ittellgħu 92 tfal taħt is-sittax-il sena. 11 minnhom quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Malta) għaliex tressqu flimkien ma' persuna jew persuni maġġorenni u 81 quddiem il-Qorti tal-Minorenni. Rigward is-snin l-oħra, nagħmel referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 14011 u 18746.

Inkjesti Maġisterjali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn inkjesti maġisterjali pendenti llum? Jista' jgħid meta beda kull wieħed u x'inhu l-każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi quddiem il-Qorti tal-Magistrati (Malta) hemm 1,701 inkjesti pendenti, filwaqt li quddiem il-Qorti tal-Magistrati (Għawdex) hemm 293. Ma tistax tingħata informazzjoni dwar fuq x'hiex huma dawn l-inkjesti, peress li ai termini tal-liġi din hija ikkunsidrata bħala kunfidenzjali.

Arson Attacks

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru arson attacks din is-sena u kemm minnhom ġew solvuti? Kemm saru kull sena f'dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta' l-2006, il-Pulizija kellha 93 rapport ta' arson, li minnhom tlieta ġew solvuti. Infurmat ukoll illi r-rapporti ta' arson fis-snin 2002, 2003, 2004 u 2005 kienu ta' 92, 118, 119 u 124 rispettivament.

Immigranti Illegali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn immigranti illegali jgħixu Malta llum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi safejn għandu x'jaqsam dan il-Ministeru in-numru ta' immigranti illegali li qed jinżammu f'ċentri ta' akkomodazzjoni mmexxija mill-Pulizija hu ta' 100 ġewwa l-Ħal Far Refugee Centre u 87 ġewwa Ta' Kandja.

Immigranti Illegali

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hawn immigranti illegali jgħixu f'open centres illum u kemm jiswew lill-gvern fuq medda ta' xahar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li preżentament hawn 1,415 immigrant irregolari jgħixu f'Open Centres u li dawn iċ-ċentri jiswew madwar Lm62,000 fix-xahar.

Sptar — Persuni b'xorb żejjed

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm iddaħħlu persuni l-isptar din is-sena minħabba xorb ta' alkaħol żejjed? X'eta' kellhom u kemm minn dawn kienu barranin?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn tagħrif miġbur permezz tal-Hospital Activity Analysis (HAA) jirriżulta li bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena ġew ammessi 68 każ minħabba f'xorb eċċessiv fl-Isptar San Luqa. Minn dawn 9 kienu barranin. Il-każijiet jitqassmu fi tliet kategoriji: Kategorija A: Sindromu ta' dipendenza fuq l-alkoħol, jew stat ta' withdrawal state minħabba li min ikun dipendenti fuq l-alkoħol ikun waqqaf jew naqqas l-ammonti li s-soltu jixrob, jew dawk li jabbużaw mill-alkoħol (ICD-10codes F10.2, F10.3, F10.1 u F10.9) Kategorija B: Intossikazzjoni ikkawżata mill-alkoħol iżda l-persuna ma kenitx dipendenti fuq l-alkoħol (ICD-10 code F10.0) Kategorija C: Mard tal-fwied attribbwit għall-alkoħol (ICD-10 code K70) Importanti li wieħed igħid li dawn il-figuri li ġejjin ma jinkludux dawk il-pazjenti li jiġu inviżtati fid-Dipartiment ta' l-Emerġenza u għal xi raġuni jew oħra ma jjidħlux bħala pazjenti fis-swali ta' l-isptar. L-etajiet għal pazjenti f'kull kategorija jidhru hawn taħt: Jannar sa Awissu 2006 Numru ta' Pazjenti li ddaħħlu fl-Isptar San Luqa Eta' Kategorija A Kategorija B Kategorija C <15 - 1 - 15-24 1 7 - 25-34 1 3 - 35-44 8 1 3 45-54 9 2 6 55-64 3 - 11 65-74 5 - 3 75-84 - 1 2 Unspecified - 1 - Total 27 16 25

Sptar — Każi ta' Tehid ta' Droga

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm iddaħħlu nies l-isptar minħabba problemi relatati mat-tehid ta' droga din is-sena? X'eta' kellhom u x'tip ta' droga kienet?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn tagħrif miġbura permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis in-numru ta' nies li ddaħħlu fl-Isptar San Luqa bħala pazjenti minħabba problemi relatati nat-teħid ta' droga bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena huma kif ġej: Nota: Il-problemi relatati mat-teħid ta' droga jinkludu dawn il-kategoriji: Kategorija A: Avvelenament minn drogi narkotiċi, sustanzi psychodysleptics (hallucinogens), fejn mhux magħruf jekk l-avvelenament kienx inċidentali jew premeditat. (ICD-10 code Y12) N.B. Dawk il-każi fejn id-droga li kkawżat l-avvelenament ma gietx speċifikata m'humiex inklużi f'din il-kategorija. Kategorija B: Problemi mentali jew/u ta' mġieba minħabba l-użu jew l-abbuż ta' opioids, cannabinoids, sedativi u ipnotiċi, kokaina, hallucinogens u stimulanti oħra (ICD-10 codes: F11-F16) Importanti li wieħed igħid li dawn il-figuri li ġejjin ma jinkludux dawk il-pazjenti li jiġu inviżtati fid-Dipatiment ta' l-Emerġenza u għal xi raġuni jew oħra ma jidħlux bħala pazjenti fis-swali ta' l-isptar. Kategorija A (Jannar-Awissu 2006) Eta' Numru ta' nies li ddaħħlu l-isptar 15-24 5 25-34 3 Total 8 F'dawn it-8 każijiet il-kawża ta' avvelenament kienu narkotiċi jew sustanzi psychodysleptics (hallucinogens) Kategorija B (Jannar u Awissu 2006) Kien hemm 2 każi li ddaħħlu l-isptar minħabba problemi mentali jew/u ta' mġieba minħabba l-użu jew abbuż ta opioids, cannaboids, sedativi u ipnotiċi, kokaina, hallucinogens u stimulanti oħra. Dawn kellhom eta' bejn 25-34 sena u bejn 45-54 sena.

Immigranti Illegali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn immigranti illegali li jistgħu jaħdmu u li jħallsu VAT u/jew income tax? Jekk hawn xi ħadd, kemm ħallsu din is-sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ toħroġ permessi tax-xogħol lill-refuġjati, persuni li jgawdu protezzjoni temporanja u lill-Asylium Seekers. Toħroġ ukoll l-permessi direttament lill-individwi mingħajr ma torbothom fuq it-tip ta' xogħol li jistgħu jagħmlu. Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ m'hijiex l-entita' responsabbli mill-VAT u/jew Income Tax.

VAT offences

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti fuq VAT offences din is-sena u għaliex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li fuq offiżi tal-VAT, b’effett mill-ewwel ta’ Jannar sa l-aħħar ta’ Settembru 2006, ittellgħu s-segwenti : 1346 persuna ttellgħu l-Qorti fil-perjodu fuq indikat talli naqsu jissottomettu d-denunzja/i tal-VAT fi żmien mogħti bil-liġi, jew jekk issottomettew id-denunzja/i rispettivi, ma ħallsuhomx fit-totalita tagħhom. 133 persuna ttellgħu l-Qorti talli ma aderixxewx ruħhom ma’ sentenzi mogħtija fil-konfront tagħhom. 261 persuna ttellgħu l-Qorti talli l-persuna reġistrata jew il-persuna li kienet qed taġixxi f’isimhom naqsu li joħorġu rċevuti fiskjali jew li jżommu r-rekords neċessarja u rikjesta skond il-liġi.

Qrati — Anzjani

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu anzjani l-qorti din is-sena u x'eta' kellhom? X'kien ir-reat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta' l-2006, kien hemm 310 persuna anzjana u ċioe' tal-fuq minn 61 sena, li ttellgħu l-Qorti mill-Pulizija fuq diversi reati kriminali, fosthom reati kontemplati fil-Kodiċi Kriminali, ir-Regolamenti dwar it-Tipjip, ir-Regolamenti tat-Traffiku u r-Regolamenti dwar Liċenzji tan-Negozju.

VAT refunds

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm għandu jagħti refunds il-gvern fuq VAT u income tax illum? Kemm hu l-ammont f'arretrati li għandu jieħu l-gvern illum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li sa l-4 t’Ottubru 2006, l-ammont ta’ kreditu eċċessiv tal-VAT mitlub minn persuni reġistrati u l-għad irid jitħallas matul ix-xhur li ġejjin huwa ta’ Lm 19,892,254 . Din is-somma tinkludi rifujoniet lill-persuni eżentati b kreditu. Din is-somma tista’ tinbidel jekk kemm-il darba persuni reġistrati jnaqqsu l-ammonti dovuti lilhom minn denunzji tat-taxxa li għad iridu jintbagħtu sakemm il-kreditur jiġi biex jitħallas. L-ammont f’arretrati dovuti bħala VAT fl-4 t’Ottubru 2006 kien ta ; Lm6,128,897. Dan huwa ‘realistic balance’ dovut. Għar-rigward ta’ refunds li huma dovuti fuq icome tax, l-ammont totali hu ta’ Lm 19,228,877, filwaqt li l-ammont totali f’arretrati li għandu jieħu l-Gvern hu ta’ Lm257,639,913.

Qrati — Prostituzzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu nies fuq akkużi konnessi ma' prostituzzjoni jew tlajjar din is-sena? Kemm minnhom kienu pimps? X'eta' kellhom? X'sess għandhom u kemm minnhom kienu barranin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta' l-2006, kien hemm 93 persuna, li minnhom 22 huma rġiel, kollha ta' nazzjonalita' Maltija, li bejniethom tressqu l-Qorti 456 darba fuq akkużi ta' tlajjar għal skop ta' prostituzzjoni. Kien hemm ukoll raġel, li tressaq il-Qorti fuq akkużi li għex minn qliegħ tal-prostituzzjoni. L-eta' ta' dawk hekk akkużati kienet tvarja bejn l-14 u 56 sena.