Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija hijiex se tappella kontra s-sentenzi li ngħataw mill-Qrati dan ix-xahar dwar żewġ reati ta' pornografija, fejn fihom kienu nvoluti persuni taħt l-eta'?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħtini aktar dettalji tal-każijiet li qed jirreferi għalihom.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' nassaba u kaċċaturi li tteħdilhom isimhom mill-pulizija wara d-direttiva li ħarġu l-pulizija stess li ma jittieħdux passi mmedjati kontra min kien qed jikser il-liġi u dan minħabba li kienu għaddejjin diskussjonijiet ma' l-għaqdiet konċernati? X'kienu r-reati? Kemm ittellgħu l-qorti kaċċaturi u nassaba wara li tteħdilhom isimhom? X'kienu l-allegati jew x'setgħu kienu l-allegati reati? Jekk ittellgħu, jista' jgħid jekk id-diskussjonijiet ma' l-għaqdiet fallewx jew le? U x'inhi l-attwali pożizzjoni tal-kaċċaturi u nassaba llum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kien hemm 86 każ fejn il-Pulizija ma ħaditx passi immedjati quddiem il-Qorti in konnessjoni mar-Regolamenti l-ġodda tal-kaċċa li kienu qegħdin jiġu diskussi bejn l-awtoritajiet konċernati u l-għaqda tal-kaċċaturi u nassaba. Dawn ir-reati kienu kollha relatati ma' dawn ir-regolamenti l-ġodda tal-kaċċa u ċioe' insib għas-summien, pluvieri, gamiem jew melvizz; senter b'kompartiment li jista' jieħu aktar minn żewġ skrataċċ fl-istess ħin; kaċċa fuq il-baħar b'mutur li l-veloċita' tiegħu tkun teċċedi aktar minn tmintax-il kilometru fis-siegħa. Dawn il-każi, llum kollha qegħdin appuntati għas-smiegħ quddiem il-Qorti.
Dwar il-bqija tad-domanda, nitlob lill-Onor. Interpellant isaqsi lil Ministru konċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti dwar reati konnessi ma' moħqrija ta' annimali? X'weħlu f'kull kas?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru ta' l-2006, il-Pulizija ressqet sitt persuni quddiem il-Qorti fuq akkużi ta' moħqrija fuq annimali. Tlieta nstabu ħatja, fejn tnejn ġew mogħtija twiddiba u wieħed ġie mogħti Lm10 amenda. Persuna instabet mhux ħatja, filwaqt li l-każ tat-tnejn l-oħra għad mhux deċiż.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il darba appellaw minn xi sentenzi mogħtija mill-qrati, il-pulizija din is-sena? X'kienu r-reati u x'kienu s-sentenzi mogħtija għal kull reat?
Response (BORG, TONIO)
Appelli minn proċeduri kriminali isiru mill-Avukat Ġenerali u mhux mill-Pulizija. F'każijiet deċiżi mill-Qorti tal-Maġistrati, il-Pulizija tagħmel biss talba bil-miktub lill-qorti sabiex l-atti jintbagħtu lill-Avukat Ġeneral.
Ninsab infurmat illi matul din is-sena s'issa kien hemm 169 każ fejn il-Pulizija għamlet din it-talba, pero' t-tagħrif fid-dettal kif miltub mill-Onorevoli Interpellant ma jinżammx taħt forma kompjuterizzata.
Nieħu gost nara l-interess li qed juri l-Onorevoli Interpellant f'liġi benefika li l-partit tiegħu ivvota kontra fil-Parlament.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru rapporti lill-pulizija dwar ħsarat f'bini kkawżat waqt li jkun qed isir xogħol ta' kostruzzjoni fil-viċin din is-sena u s-sena l-oħra? Kemm mietu jew weġġgħu persuni minħabba inċidenti bħal dawn kull sena f'dawn l-aħħar ħames snin? Kemm ittellgħu nies il-qorti konnessi ma' reati bħal dawn u x'weħlu f'kull kas?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli taħt forma ta' statistika.
Jista' il-Ministru jara li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jiġi eżaminat mill-bord ta' l-invalidita' tad-dipartiment tax-xogħlijiet mill-aktar fis billi dan mhux tajjeb għax-xogħol? Dan diġa' instab mhux tajjeb mill-bord ta' l-invalidita' tas-sigurta' soċjali imma ma jistax jipproċedi għax qed jistenna li jiġi eżaminat ukoll mit-tobba tad-dipartiment.
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat illi l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura rrefera l-persuna li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament lid-Diviżjoni tas-Saħħa biex tiġi eżaminata. Dan il-Bord Ortopediku għadu ma ħariġx r-rakomandazzjoni finali tiegħu.
Niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet m’għandux Bord ta’ l-Invalidita’.
Tista' il-Ministru tgħid jekk persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li qed tieħu ħsieb persuna li dettalji dwarha wkoll qed jintbagħtu separatament, hijiex qed tieħu l-benefiċċju soċjali kollu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Billi l-aċċess stradali għall-kamra tan-nar u għall-bdiewa fil-viċinanzi f'Tax-Xwieki Ħal Għargħur huwa limitat anke f'kas jekk tiġri xi diżgrazzja, jista' il-Ministru jgħid jekk dan l-aċċess jistax jiġi rranġat u mwessa'?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi fil-passat, id-Direttorat tat-Toroq għamel xogħlijiet ta’ tiswija fit-triq imsemmija bl-iskop li jiġi faċilitat l-aċċess fl-inħawi.
It-twessiegħ tat-trejqa imsemmija jiġi kkunsidrat skond il-prijoritajiet li jirriżultaw skond il-program ta’ asfaltar ta’ toroq.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'tip ta' pensjoni huma ntitolati mit-Teżor ħaddiema ta' l-Enemalta li oriġinarjament kienu mpjegati direttament mal-gvern mal-gas board, meta dawn jispiċċaw mix-xogħol? Dawn huma ntitolati għall-istess benefiċċji ta' ħaddiema oħra maċ-ċivil u li għaddew ma' kumpanniji parastatali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi biex impjegat li jkun irtira minn ma’ l-Enemalta jikkwalifika għall-Pensjoni jew Pensjoni u s-somma tat-Teżor, skond l-ordinanza dwar il-pensjonijiet (Kap 93), irid ikun impjegat fis-Servizz tal-Gvern qabel ikun telaq biex jieħu impjieg ma’ l-Enemalta. F’dan il-każ, is-servizz ma’ l-Enemalta jitqies bħala servizz mal-Gvern u l-pensjoni jew il-pensjoni u s-somma tingħata lil dak l-impjegat skond kif hemm ipprovdut fl-Ordinanza. Mill-banda l-oħra, impjegat li kien daħal fl-impjieg direttament mal-Gas Board u wara qaleb ma’ l-Enemalta ma jikkwalifikax għall-Pensjoni tat-Teżor taħt l-Ordinanza.
Jista' il-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għal xiri ta' qabar li n-numru tagħha qed jintbagħat separatament?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni għal xiri ta' qabar riferuta separatament ġiet miżjuda mal-Waiting List taċ-Ċimiterju ta' l-Addolorata.
Tali applikazzjoni saret fit-13 ta' Ġunju 2005 u hemm madwar 2730 l-applikazzjoni pendenti qabel din għal kunsiderazzjoni.
Fil-preżent id-Dipartiment m'għandux siti ta' oqbra disponibbli għal bejgħ fiċ-Ċimiterju Santa Maria Addolorata.
Tista' il-Ministru tgħid jekk il-mara ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hijiex intitolata għal xi għajnuna tal-wens billi ma tistax taħdem għax trid tieħu ħsieb żewġha b'diżabilita'?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li spiċċa mix-xogħol minn ma' l-Enemelata u li oriġinarjament kien impjegat maċ-ċivil mal-gas board ħax il-pensjoni u s-somma tat-Teżor kollha dovuta lilu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ma jirriżultax li l-persuna indikata għandha pensjoni u somma tat-Teżor.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jerġa' jiġi mwaqqaf l-orthopaedic medical board?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Sa issa impjegat pubbliku li ried jirtira mix-xogħol għal raġunijiet mediċi qabel l-eta' ta' l-irtirar kellu jiġi eżaminat minn żewġ bordijiet mediċi, Bord taħt il-Liġi tas-Sigurta' Soċjali u Bord differenti taħt il-Public Service Management Code. Ġie deċiż li minn issa 'l quddiem anki fil-każ ta' impjegati pubbliċi jsir bord wieħed, dak taħt il-Liġi tas-Sigurta' Soċjali li wara kollox hija l-liġi li tintitola lil persuna għall-pensjoni tal-Invalidita'.
Tista' il-Ministru tgħid jekk il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hijiex qed tieħu r-relief kollu li jistħoqqilha billi tinsab bla xogħol?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex ħaddiema tal-works department u li ilhom morda għal xhur sħaħ mingħajr sick leave u ebda dħul ieħor għadhom ma ntbagħtux biex jiġu boarded out kif talbu huma stess fuq parir mediku tat-tobba tagħhom? Kemm hemm każi pendenti u meta se jarahom l-invalidity board tal-works department?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat illi meta ħaddiem jippreżenta ċertifikat mediku b’rakkomandazzjoni mit-tabib tiegħu biex jiġi boarded out, dan il-Ministeru minnufih jieħu passi sabiex jibda l-proċeduri mad-Diviżjoni tas-Saħħa. Din id-Diviżjoni taħtar Bord Mediku sabiex il-ħaddiem jiġi eżaminat.
Bħalissa hemm seba’ (7) każijiet pendenti li jridu jidhru quddiem il-Bord tad-Diviżjoni tas-Saħħa. Il-Diviżjoni tax-Xogħlijiet qatt ma kellu Invalidity Board imma jirreferi l-każijiet għand id-Diviżjoni tas-Saħħa.
Billi xi drabi persuni anzjani jkunu jridu min jieħu ħsiebhom il-ħin kollu u xi drabi dan jirrikjedi illi t-tfal tagħhom imorru jgħixu magħhom, tista' il-Ministru tgħid x'jiġri mit-tfal li jkunu qed jieħdu ħsieb il-ġenituri wara mewthom jekk dawn ta' l-aħħar ikunu joqogħdu ġo post tal-housing ? Kemm iridu jkunu ilhom jgħixu u jieħdu ħsieb il-ġenituri tagħhom biex ikunu jistgħu jiġu rikonoxxuti mill-housing bħala kerrejja leġittimi? X'jiġri jekk dawn ikunu qed jgħixu hemm għaż-żmien anqas minn dak indikat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Biex, fil-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, jiġi kkunsidrat rikonixximent ta' inkwilin ġdid, it-tifel jew tifla li jagħmlu talba f'dan ir-rigward irid jippruvaw li kienu ilhom jgħixu mal-ġenituri tagħhom għal żmien konsiderevoli li jindika li fil-fatt kienu qed jgħixu mal-ġenituri biex jieħdu ħsiebhom, liema zmien normalment ma jridx ikun anqas minn tlett snin.
Irrid inżid li rikonoxximent f'dawn il-każijiet ma jiddependix biss miż-żmien li t-tfal ikun ilhom jgħixu mal-ġenituri iżda tittieħed konsiderazzjoni ta' fatturi oħra, fosthom, jekk il-persuna li tagħmel it-talba għandiex proprjeta oħra fejn toqgħod, kemm tagħha jew mikrija. Persuna li ma tissodisfax il-kriterji biex tiġi rikonoxxuta bħala l-kerrejja leġittima tkun suġġetta li tiġi sgumbrata
Jista' il-Ministru jara li s-sistema ta' drainage ġo dar li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għandhiex xi ħsara? Dan għaliex ġo ħafna djar, partikolarment ġo dawk li qed insemmi separatament, qed jidħol ħafna drenaġġ kull meta tagħmel ix-xita.
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qed tagħmel tindif tas-sistema tad-drenaġġ fl-inħawi biex telimina dawn il-problemi.