Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm weġġgħu persuni kawża ta' armi tan-nar din is-sena? Kemm kienu aċċidentali u kemm b'att intenzjonat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Novembru ta' l-2006, ġew irrapurtati lill-Pulizija tmien każi li fihom kien hemm disa' persuni li sofrew feriti b'arma tan-nar aċċidentalment. Kien hemm ukoll każ ieħor, ukoll aċċidentali, fejn persuna tilfet ħajjitha.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kont numru 1000104586 M ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li jittratta d-dawl u ilma hux korrett jew le billi s-surcharge li tħallas fix-xhur ta' qabel reġa' ġie kkalkulat fil-kont attwali?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-kontijiet ta' l-elettriku u ilma li joħorġu proviżorjament kull xahrejn bejn il-kontijiet attwali. Bis-sitema li ilha topera minn Jannar 2005, qegħdin joħorġu sitt kontijiet fis-sena, (erbgħa proviżorji u tnejn attwali ). Il-kontijiet proviżorji jiġu awtomatikament aġġustati meta joħroġ il-kont attwali.
Ninsab infurmat li f'dan il-każ partikolari il-konsumatur ħallas Lm82.66 f'kontijiet proviżorji. Fl-20 ta' Novembru 2006 ħareġ il-kont attwali li jkopri minn Frar sa Settembru 2006, li kien jammonta għal Lm167.89. Minn dan l-ammont tnaqqsu l-kontijiet proviżorji u baqa l-bilanċ ta' Lm85.23. Għalhekk ma kien hemm ebda kalkolu doppju.
Irid jingħad ukoll li l-perjodu indikat fuq il-kont għal kull rata ta' surcharge huwa l-perjodu meta r-rata partikolari tkun applikabbli u mhux il-perjodu li għalih tinħadem is-surcharge għal kont partikolari. Din tkun skond in-numru ta' ġranet inklużi fil-kont li jaqgħu f'dak il-perjodu.
Tista' l-Ministru tgħid x'jiġri minn persuna li tkun marret toqgħod ma' persuna li tkun ħadet dar bis-sistema ta' requisition mill-housing kemm-il darba l-kerrej imut?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fil-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant, il-persuna li tkun marret toqgħod ma’ dik li ġiet nieqsa, tista’ tiġi rikonoxxuta bħala l-inkwilin legali jekk tipprova għas-sodisfazzjon tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali li kien ilha tgħix mal-kerrej oriġinali ta’ l-anqas tliet snin qabel id-data tal-mewt ta’ dan ta’ l-aħħar, kif ukoll li m’għandiex proprjeta’ oħra fejn toqgħod, kemm tagħha jew mikrija.
Jekk ma tissodisfax dawn il-kriterji, u allura ma tkunx rikonoxxuta bħala l-inkwilin legali, tkun suġġetta li tiġi żgumbrata.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu jagħmel il-gvern u x'inhi l-politika tal-gvern biex jitnaqqsu l-greenhouse gases emissions ġo pajjiżna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li diġà qegħda tittieħed azzjoni biex kemm jista’ jkun jiġu kkontrollati emissjonijiet ta’ gassijiet serra.
Matul dawn l-aħħar snin ġew imnedijin numru ta’ inizzjattivi favur l-użu ta’ sorsi renovabbli ta’ l-enerġija permezz ta’ skemi għal għajnuna finanzjarja. Il-kontroll ta’ l-emissjonijiet huwa wieħed mill-kriterji li qegħdin jiġu kkunsidrati fl-investiment li l-Korporazzjoni Enemalta qegħda tagħmel f’makkinarju ġdid għall-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku.
Ma rridux ninsew ukoll li numru ta’ liġijiet u miżuri ppreżentati mill-Unjoni Ewropea huma maħsubin biex jikkontrollaw l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, kemm direttament kif ukoll indirettament. Per eżempju, taħt l-Iskema Kummerċjali dwar l-Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra (
EU Emissions Trading Scheme
), il-pajjiżi membri, inkluża Malta, iridu jimponu limiti dwar l-emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju (
carbon dioxide
) minn industriji kbar, fil-każ ta’ Malta, l-impjanti għall-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku. Dan isir permezz tal-Pjan Nazzjonali għall-Allokazzjoni ta’ Emissjonijiet, liema pjan ġie diġà sottomess minn pajjiżna u jrid jiġi approvat mill-Kummissjoni Ewropea.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn lukandi, aparthotels jew guesthouses illum u kemm-il sodda għandhom? Kif jikkompara dan ma' ħames snin ilu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi llum hawn 188 stabbiliment ta' akkomodazzjoni għat-turisti fil-kategoriji msemmija mill-Onor interpellant u li bejniethom jagħmlu total ta' 39,538 sodda.
Fl-aħħar tas-sena 2001 kellna 191 stabbiliment fl-istess kategoriji li bejniethom kienu jagħmlu total ta' 38,701 sodda jiġifieri 837 sodda anqas milli għandna issa.
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi d-dettalji ta' l-informazzjoni mitluba mill-Onor interpellant.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw sentenzi ta' pieni ta' ħabs mill-qorti tal-maġistrati u mill-qorti superjuri din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul din is-sena, sa' l-aħħar ta' Novembru, il-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin irċeviet erba' mija u ħmistax (415) -il sentenza karċerarja.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm telqu persuni mill-Armata din is-sena u għaliex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li sa l-aħħar ta’ Novembru ta’ din is-sena spiċċaw 71 persuna mill-Forzi Armati ta’ Malta.
- 1 talab li jispiċċa wara li għalaq il-55 sena
- 5 xtraw il-ħall tagħhom mis-Servizz
- 4 ġie tterminat is-servizz tagħhom fl-interess tas-Servizz
- 17 ġie tterminat is-servizz tagħhom minħabba raġunijiet ta’ saħħa
- 15 li kienu fuq estensjoni tagħhom fuq il-55 sena
- 9 spiċċaw hekk kif għalqu 25 sena servizz
- 11 ġie tterminat is-servizz tagħhom waqt ir-reklutaġġ
- 5 spiċċaw wara li għażlu li jingaġġaw fil-Korp tal-Pulizija
- 1 miet waqt li kien għadu jservi fis-Servizz
- 3 voluntiera li kienu jservu fil-Forza ta’ Emerġenza ta’ Riżerva ta’ Voluntiera xtraw il-ħall tagħhom mill-Forza.
Jista' il-Prim Ministru jgħid meta se joħorġu promozzjonijiet fl-Armata u meta saru l-aħħar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li presentament qed isir l-eserċizzju ta’ promozjonijiet li jkun lest fil-ġimgħat li ġejjien.
Sa dan it-tant dak fir-ranks ta’ Logutenant Kurunell, Maġġuri u Kaptani saru xahrejn ilu.
L-aħħar li sar ezerċizzju ġenerali ta’ promozzjonijiet fl-armata kien fl-2001.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ġew irrapportati serqiet ta' proprjeta' ta' l-Armata din is-sena? X'insteraq f'kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li din is-sena kien hemm sitt kazijiet fejn propjeta’ tal-Forzi Armati ta’ Malta kienet irraportata nieqsa.
Dawn kienu jinvolvu kwantitajiet zgħar ta’ fuel, ‘digital camera’, parts ta’ body ta’ truck, ‘steel helmet’ ‘foul weather jacket’ u ‘flying suit’.
Saru investigazzjonijiet u fejn kien indikat ittieħed l-passi dixxiplinarji skond kif kien jimmerita l-kaz.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ħarġu direct orders mid-dekasteru tiegħu din is-sena? Lil min ingħataw, kemm kien il-valur u għaliex? Minn liema dipartiment ħarġu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Direct Orders
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm ħarġu direct orders mid-dekasteru tiegħu din is-sena? Lil min ingħataw, kemm kien il-valur u għaliex? Minn liema dipartiment ħarġu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inħarġu visas din is-sena? Minn liema pajjiż kienu? Kemm ġew rifjutati u għaliex? Kemm kien in-numru ta' persuni li ma tħallewx jidħlu Malta u ntbagħtu lura mill-port u mill-ajruport?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Novembru ta' l-2006, inħarġu 50,632 visa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, filwaqt li matul l-istess perijodu ġew rifjutati 3,072. Kif għidt fi Tweġibiet preċedenti dwar is-suġġett, kull applikazzjoni għall-ħruġ ta' visa tkun ikkunsidrata skond il-meriti u ċirkostanzi tal-każ individwali. Infurmat ukoll illi matul l-istess perijodu kien hemm 243 persuna li ma tħallewx jidħlu wara li waslu Malta. Minn dawn, 7 waslu bil-baħar u l-kumplament bl-ajru.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni taħt house arrest illum? Kemm ilhom u x'inhu r-reat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 38 persuna taħt "house arrest" fuq ordni tal-Qorti bħala kundizzjoni ta' liberta' proviżorja, fuq akkużi li jinkludu omiċidju, offiżi fuq il-persuna, reati relatati ma' droga, serq, stupru, korruzzjoni ta' minorenni, frodi, u attentat ta' omiċidju.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew akkużati nies b'money laundering din is-sena? Kemm hu l-valur totali li hu maħsub li ġie moħbi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Novembru ta' l-2006, kien hemm ħames persuni li tressqu l-Qorti mill-Pulizija b'akkużi relatati ma' money laundering, u li l-ammont involut ilaħħaq madwar Lm1,750,000.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ħarġu direct orders mid-dekasteru tiegħu din is-sena? Lil min ingħataw, kemm kien il-valur u għaliex? Minn liema dipartiment ħarġu?
Jista' il-Ministru jgħid kemm ħarġu direct orders mid-dekasteru tiegħu din is-sena? Lil min ingħataw, kemm kien il-valur u għaliex? Minn liema dipartiment ħarġu?
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ħarġu direct orders mid-dekasteru tiegħu din is-sena? Lil min ingħataw, kemm kien il-valur u għaliex? Minn liema dipartiment ħarġu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’ seduta oħra.
Tista' il-Ministru tgħid kemm ħarġu direct orders mid-dekasteru tagħha din is-sena? Lil min ingħataw, kemm kien il-valur u għaliex? Minn liema dipartiment ħarġu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hija kif murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.