Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' moħqrija fuq annimali s-sena l-oħra? X'kien ir-reat u x'weħlu f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2006, il-Pulizija ressqet erbatax-il persuna quddiem il-Qorti fuq akkużi li jinkludu moħqrija fuq annimali. Disgħa nstabu ħatja, fejn sitta ġew immultati, tnejn ġew mogħtija twiddiba u wieħed ġie mogħti Lm10 amenda. Persuna instabet mhux ħatja, filwaqt li l-każ ta' l-erbgħa l-oħra għad mhux deċiż.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm nefaq flus il-korp tal-pulizija fuq żamma ta' immigranti llegali s-sena l-oħra?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma diġa’ kelli l-okkażżjoni nispjega fi Tweġibiet preċedenti, minħabba n-natura tax-xogħol minnu nnifsu u l-eżiġenzi li jistgħu jinqalgħu minn ġurnata għall-oħra, huwa impossibli li wieħed jikkwantifika bl-eżatt kemm qed tkun l-ispiża tal-Korp tal-Pulizija fuq l-immigranti irregolari.
Madankollu, ninsab infurmat illi apparti s-salarji tal-membri tal-Korp tal-Pulizija, l-ispiża kienet:
IkelLm248,538
Spejjeż għar-ripatrijazzjoniLm98,598
Spejjeż oħraLm42,124
TotalLm389,260
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm nefqet flus l-armata s-sena l-oħra fuq żamma ta' immigranti llegali? Kif intnefqu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li nnefqa li l-Forzi Armati ta’ Malta għamlu tul l-2006 fuq l-immigranti rregolari kienet ta’ Lm2,259,426 kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni taħt house arrest illum u għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 48 persuna taħt "house arrest" fuq ordni tal-Qorti bħala kundizzjoni ta' liberta' proviżorja, fuq akkużi li jinkludu omiċidju, reati relatati ma' droga, serq, stupru, korruzzjoni ta' minorenni, frodi, u attentat ta' omiċidju.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati persuni nieqsa s-sena l-oħra? X'eta' kellhom? X'sess kienu u ta' liema nazzjonalita' kienu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2006, kien hemm 319 persuna li kienu ġew irrapurtati lill-Pulizija bħala nieqsa. L-eta' tagħhom kienet tvarja bejn is-sentejn u l-ħamsa u tmenin sena. Minn dawn 157 kienu tas-sess maskil u 162 kienu tas-sess femminil, filwaqt li 81 kienu barranin.
99% fil-mija ta' dawn irritornaw lura jew instabu mill-Pulizija; ħafna minnhom ikunu telqu mid-dar minħabba inkwiet fil-familja.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw probations mill-Qrati s-sena l-oħra u x'kienu r-reati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-istatistika hawn taħt imniżżla tinkludi kemm persuni ingħataw Ordni ta’ Probation fis-sena 2006 u x’kienu r-reati.
Ordnijiet ta’ Probation ingħataw 135
L-Ordnijiet ta’ Probation ingħataw dwar dawn ir-reati segwenti:
1 ksur ta’ Ordni ta’ Probation
1 pussess ta’ droga u serq
1 pussess ta’ droga b’intenzjoni ta’ traffikar
1 korruzzjoni ta’ minuri
1 pedophilia
1 ikkaġuna feriti ta’ natura ħafifa
1 serq u reċidiv
2 serq u offiża tat-traffiku
2 heddu lil mara u t-tfal
2 tlajjar bl-intenzjoni ta’ prostituzzjoni
2 żammew persuna kontra l-volonta tagħha
2 ikkaġunaw feriti ta’ natura gravi
2 ħebbew għal persuna
3 serq u ħsara volontarja
3 serq, irċevew oġġetti misruqa u ħsara volontarja
3 frodi u serq
3 ksur ta’ l-ordni pubblika
3 ħruq ta’ propjeta
3 għamlu rapport falz lill-pulizija
4 ħsara volontarja
4 serq u rċevew oġġetti misruqa
5 offiża tat-traffiku
5 ħebbew għal uffiċjal pubbliku
9 frodi
20 pussess ta’ droga
51 serq
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni barranin jgħixu legalment Malta u ta liema nazzjonalita' huma?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 19,723 persuna ta' nazzjonalita' barranija li għandhom karta ta' l-identita' bħala residenti f'Malta, skond l-Att dwar il-Karta ta' l-Identita' (Kap 258). Minn dawn, 10,940 huma minn pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropeja. Mhux kull min għandu karta' ta' identita', neċessarjament qed igħix f'Malta.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' pedofelija s-sena li għaddiet u x'weħlu f'kull każ? X'kien ir-reat?
Response (BORG, TONIO)
Il-pedofelija hu reat li jiġri minħabba kondizzjoni ta' attrazzjoni sesswali għal tfal. Matul is-sena 2006, kien hemm 39 persuna li tressqu l-Qorti mill-Pulizija fuq akkużi ta' abbuż sesswali fuq minorenni li jinkludi kemm tfal kif ukoll żgħażagħ taħt 18-il sena. Minn dawn, s'issa, ħdax kellhom il-każ tagħhom deċiż, li minnhom tlieta ġew mogħtija sentenza ta' priġunerija, seba' ġew mogħtija sentenza sospiża, u wieħed kellu l-każ dikjarat proċediment eżawrit. Il-proċeduri kriminali fil-konfront tal-kumplament għadhom pendenti quddiem il-Qorti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu vapuri tal-gwerra s-sena l-oħra ġo portijiet Maltin? Ta' liema nazzjonalita' kienu u x'tip kienu?
Response (FRENDO, MICHAEL)
B'riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23129 mill-Onorevoli Adrian Vassallo dwar vapuri tal-gwerra ninforma li kien hemm 43 viżita ta' vapuri militari fl-2006, li kienu imqassmin hekk:
Rejnu Unit (5), Franza (3), Germanja (14), Kanada (1), Stati Uniti (3), Polonja (1), Portugal (1), Greċja (3),
Italja (3), Turkija (1), Spanja (3), Svezja (2), Danimarka (2), Marokk (1)
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru attakki fiżiċi jew verbali fuq għalliema s-sena l-oħra? X'tip kienu? Kemm minnhom kienu studenti, ġenituri u/jew oħrajn?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari Numru 22645 fuq l-istess suġġett.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm weġġgħu pulizija fuq ix-xogħol is-sena l-oħra u kif?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2006, kien hemm 122 membri tal-Korp tal-Pulizija li weġgħu waqt il-qadi ta' dmirijiethom. Minn dawn 31 kien waqt li ġew aggrediti, filwaqt li l-oħrajn weġgħu aċċidentalment.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-Qorti fuq reati konnessi ma' twettiq ta' atti kriminali fil-pubbliku s-sena l-oħra? X'kien ir-reat u x'weħlu f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-istatistika dwar persuni mressqa l-Qorti mill-Pulizija matul is-sena l-oħra għadha qed tinġabar. Tweġiba ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti talli ħaddmu persuni bla permess is-sena l-oħra u x'weħlu f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-każ ta’ ħaddiema barranin, hija l-pulizija li tħarrek lil dawn il-persuni.
Informat ukoll li fil-każ ta’ kawżi rigward il-ħaddiema Maltin li jkunu qed jaħdmu illegalment, nitlob l-Onor. Membru jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija numru 20057.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru rapporti ta' rapes jew indecent assaults s-sena l-oħra? X'weħlu f'kull każ dawk imressqa fuq dawn ir-reati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-istatistika dwar rapporti ta' rapes jew indecent assaults matul is-sena l-oħra għadha qed tinġabar. Tweġiba ser tingħata f'xi Seduta oħra.