Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-bus stop li kien hemm quddiem il-KFC ġo Msida Road, Gżira tneħħiet u ċċaqalqet quddiem djar residenzjali bl-inkonvenjenza għar-residenti? Kemm kienet ilha fil-post oriġinali? Jista' l-Ministru jikkonsidra li din terġa titpoġġa fejn kienet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li dan il-bus stop tressaq minħabba li kien qed jinżamm it-traffiku meta x-xarabank tieqaf fuq il-bus stop. Dan iċ-ċaqliq sar ukoll għal sigurta akbar għall-passiġġieri.
Jien infurmat ukoll li dan kien ilu żmien twil fil-post oriġinali tiegħu. Għar-raġunijiet mogħtija fl-ewwel parti tat-tweġiba, jien infurmat li ma jkunx għaqli li dan il-
bus stop
jerġa' jitqiegħed fejn kien.
Billi l-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma toħroġx mid-dar tista' l-Ministru tara li jintbagħat xi ħadd mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali ħalli jara jekk din il-persuna hijiex intitolat għall-SKA u l-karta r-roża u jgħinna tapplika?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għaddejt id-dettalji lid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali biex jieħu l-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsir insib fil-Ħarifa li ġejja u x'wassal lill-Kumitat Ornis ma jirrakkmandax il-ftuħ tal-insib fir-Rebbiegħa ta' din is-sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jista’ l-Onorevoli Membru jiċċara għal liema speċi qed jirreferi.
Dimostrazzjoni tal-kaċċaturi — Persuni li kkommettew xi reati
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux se jittieħdu passi fuq persuni li kkomettew xi reati waqt u wara d-dimostrazzjoni tal-kaċċaturi u nassaba li saret fis-7 ta' Marzu, 2007? X'inhuma l-akkużi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija għadha sejra bl-investigazzjonijiet tagħha sabiex ikunu identifikati dawk il-persuni li waqt id-dimostrazzjoni miżmuma mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti fi Triq ir-Repubblika il-Belt Valletta, nhar l-Erbgħa 7 ta' Marzu 2007 filgħaxija, ikkommettew reati kriminali, fosthom tfih ta' oġġetti iebsa lejn membri tal-Korp tal-Pulizija u membri ta' l-istampa, kif ukoll swat u grieħi fuq membri tal-Korp tal-Pulizija u membri ta' l-istampa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li sofrew mill-marda MRSA is-sena li għaddiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2006, l-Infection Control Unit fl-isptar San Luqa rċeviet 703 notifika ta' MRSA li ġew iżolati mill-laboratorju. Ta' min jingħad li madankollu mhux bilfors li kull wieħed minn dawn kien każ ta' infezzjoni akuta għaliex il-mikrobu tal-MRSA tista' spiss issibu jikkoloniżża l-ġisem mingħajr ma' jikkawża l-mard u f'dawn iċ-ċirkustanzi, l-mikrobu jista' jikkontamina kampjuni kliniċi bħal awrina u swabs li għalhekk joħorġu pożittivi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ddaħħlu ġo l-ITU s-sena l-oħra u għaliex?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li matul l-2006, kien hemm reġistrati 773 pazjenti li bejniethom iddaħħlu 841 -il darba (Direct Admissions & Transfers-In) ġewwa l-ITU fl-isptar San Luqa. Il-kundizzjoni klinika reġistrata li għaliha ddaħħlu l-ITU huwa kif jidher hawn taħt:
Clinical condition for admissions to ITU *
No. of Admission Episodes
Medical
460
Surgical (Elective)
203
Surgical (Emergency)
50
Overdose
39
Trauma (includes Fall From Height, MVA etc.)
72
Neurosurgery
13
Gynae & Obstetrics
4
Total
841
Source: Database of ITU, SLH
Note* : A patient may have more than 1 clinical condition that warranted a stay at ITU.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni fuq il-waiting list ta' l-operazzjonijiet illum, x'tip ta' operazzjoni qed jistennew, kif kienet il-figura tliet snin ilu u ħames snin ilu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-complement ta' staff ingaġġat mad-dipartiment tas-saħħa llum? Xi grad għandhom? Kemm jaħseb li se jkun il-complement meta jinfetaħ l-isptar Mater Dei u jkun qed jaħdem?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-complement ta' staff ingaġġat mad-Dipartiment tas-Saħħa illum huwa ta' 6,876.
Għat-tieni parti tal-mistoqsija qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Fl-isptar San Luqa bħalissa l-complementhuwa ta' 3,733 filwaqt li dan in-numru mistenni jiżdied b'677 meta jiftaħ l-isptar Mater Dei u jkun qed jaħdem. Ta' min iżid li dawn iċ-ċifri qed jiġu riveduti sabiex jiġi assigurat l-aħjar kura għall-pazjenti.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jieħu l-gvern biex tiġi solvuta l-problema ta' flooding li hemm fil-Gżira?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi l-Ministeru ħejja proġett biex jinbena ġibjun kbir fit-tarf ta’ Wied Għollieqa, jittawwal il-culvert eżistenti fi Triq Turu Rizzo u jittranġa l-ħrug ta’ l-ilma għall-baħar. Il-pjanti ta' dan il-proġett ġew sottomessi f'applikazzjoni lill-MEPA.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsir insib din is-sena u minn meta? Jista' jagħti garanzija li l-kaċċa fir-Rebbiegħa u l-insib se jkunu jistgħu jiġu pprattikati bħalma kien imwieġeb qabel ir-referendum għal sħubija fl-Unjoni Ewropea mill-gvern?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, bħalma tħabbar fil-media u anke fl-istqarrija uffiċjali, l-istaġun tal-kaċċa u l-insib għall-gamiem u s-summien għal matul ir-rebbiegħa se jinfetaħ. Il-Ministru irċieva r-rakkomandazzjonijiet mill-Kumitat Ornis u se jiddeċiedi dwarhom fil-jiem li ġejjin. Id-deċiżjoni dwar ftuħ ta’ l-istaġun fir-rebbiegħa dwar l-insib għall-għasafar tal-għana għad trid tittieħed mill-Ornis u tkun komunikata lill-Gvern.
Jista' l-Prim Ministru jagħti garanzija li l-isptar Mater Dei se jkun bla ħlas meta jinfetaħ u fis-snin li ġejjin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ewwelnett nixtieq nippreċiża l-punt li s-servizzi tas-saħħa tagħna m’humiex bla ħlas. Fil-fatt, is-sena l-oħra, il-poplu ħallas, permezz tat-taxxi, xejn anqas minn Lm125 miljun għal dawn is-servizzi (Lm83 miljun rikorrenti u Lm42 miljun f’kapital).
Li għandna bla ħlas huwa l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa. Dan huwa l-punt li aħna kburin bih u li dejjem żammejna miegħu, kuntrarju għall-Gvern Laburista, li fl-1997, għamel ħlas fl-aċċess għas-servizzi tas-saħħa fl-għoti tal-mediċina.
Nixtieq inserraħ moħħ l-Onorevoli Interpellant li l-Gvern, kemm fil-Pjan ta’ Konverġenza u kif ukoll lil hinn minnu, permezz ta’ kif inhu stmat l-iżvolġiment ta’ l-ekonomija maltija, qed jeskludi għal kollox ħlasijiet għal aċċess tas-servizzi tas-saħħa fl-isptarijiet lill-pazjenti tagħna.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm twieldu trabi lil tfal taħt is-16-il sena kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin? Billi huwa ċar li sar abbuż fuqhom, x'passi ħadet il-pulizija fuq dawn il-każi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li r-Reġistru Pubbliku ma jżommx statistika kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant fl-ewwel parti tal-mistoqsija, għalhekk nissuġġerilu li jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi fil-każ ta' korruzzjoni ta' tfal ta' taħt l-eta', il-Pulizija tipproċedi kif provdut fl-artikolu 203 tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9).
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tfal taħt is-16-il sena li kellhom korriment (miscarriage) kull sena, għal dawn l-aħħar ħames snin? Dawn il-każi safejn hu ċar li sar abbuż fuqhom, jiġu rrappurtati lill-pulizija?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li min tagħrif miġbur permezz tas-sistema tan-National Hospital Information System, in-numru ta' tfajliet taħt is-sittax -il sena li ddaħħlu fl-isptarijiet Ġenerali tal-Gvern li kellhom korriment (miscarriage) kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin jidhru hawn taħt.
Sena
Numru ta' tfajliet <16 il sena li ddaħħlu fl-isptarijiet Ġenerali tal-Gvern minħabba korriment (ICD-10 Code: O00-O08)
2002
1
2003
1
2004
1
2005
0
2006
3
Fil-każi ta' fejn hu ċar li sar abbuż fuqhom, jiġu rrapurtati lill-pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid liema swali jew servizzi oħra ta' saħħa se jiġu offruti mill-isptar Mater Dei meta jinfetaħ fix-xahar ta' Lulju ta' din is-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Wara li l-isptar jinfetaħ fl-ewwel ta' Lulju, l-ewwel servizzi jkunu d-dipartimenti tal-Amministrazzjoni u s-servizzi anċillari. Wara, jibda l-proċess biex jiġu trasferiti s-servizzi ta' kura. Din is-sekwenza ta' migrazzjoni hija maħsuba biex tiżgura li ma jkun hemm ebda perikolu għas-saħħa tal-pazjenti.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw promotions fl-armata f'dawn l-aħħar 12-il xahar? X'tip ta' promozzjonijiet kienu u x'kienu r-ranks affettwati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bejn Jannar u Diċembru ta’ l-2006, fil-Forzi Armati ta’ Malta ngħataw 616-il promozzjoni. Numru żgħir ta’ promozzjonijiet irriżultaw f’kummissjoni bħala uffiċjal. Il-promozzjonijiet jew kummissjonijiet kienu kif jidher fit-tabella mehmuża.