Tista' l-Ministru tgħid min ma jikkwalifikax għall-pensjoni ta' l-invalidita' H.P. (handicapped person)?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li persuna tista tikwalifika għall-Pensjoni għal Diżabilita' jekk tiġi ċċertifikata li hija persuna gravement diżabilitata, li għalkemm għad għandha tul ta' ħajja raġonevoli ma tkunx tista żżomm lilha nnifisha b'impjieg jew xogħol għal rasha fulltime, jew li ssir hekk inkapaċi meta jkollha l-eta' li tagħmel hekk, minħabba diżabilita' permanenti.
L-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Taqsima I) Artiklu 2, jkompli jagħti kundizzjonijiet mediċi li jaqgħu taħt din id-definizjoni. Min japplika għal din it-tip ta' pensjoni jkun irid jidher quddiem bord mediku mwaqqaf apposta.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-MEPA rrifjutat rikjesta għall-bini ta' basement ġo dar ġia eżistenti ġo Triq Znuber, San Gwann meta tat permess biex isir dan ġo areas oħra meta Triq z-Znuber mhijiex main road?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika eżatt għal liema applikazzjoni qiegħed jirreferi.
Jista' l-Ministru jara jekk il-kont li rċevew l-Msida Racing Pigeon Club ta' Triq l-Irmiġġ hux korrett, peress li s-surcharge mitlub huwa fuq 3 snin u dan meta s-surcharge ilu inqas?
Response (GATT, AUSTIN)
L-Enemalta għandha servizz tal-apposta u nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel kuntatt magħha.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-kategoriji ta' nies li huma entitled "to a tax free car"?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat peress li “entitlement to a tax free car” hija regolata mill-Ministeru tal-Finanzi.
Billi minn riċerka nstab li l-billboards huma l-aktar ħaġa li tista' tkun ta' distrazzjoni għas-sewwieqa, jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorita' dwar it-Trasport għadha ma ħadet ebda pass f'dan ir-rigward billi tneħħi l-billborads mit-toroq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm sar investiment kapitali mill-Armata s-sena l-oħra? Kif sar? Kemm ħarġet direct orders l-Armata s-sena l-oħra, lil min u għaliex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk din is-sena il-MEPA intalbitx toħroġ permess ħalli jsir party għall-massa enormi ta' nies ġo Paradise Bay waqt l-istaġun tal-bejta ta' diversi għasafar protetti u meta dan is-sit jaqa' taħt l-iskema ta' konservazzjoni Natura 2000? Jekk iva, x'deċiżjoni ttieħdet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li t-talba għall-permess għall-festival mużikali ġor-Ramla taċ-Ċirkewwa (magħrufa bħala Paradise Bay) waslet għand l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fi Frar 2007.
Kif intqal fil-Mistoqsija Parlamentari, dan is-sit huwa protett bħala Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni skond il-provvedimenti ta’ l-Att Legali 311 ta’ l-2006 li bih Malta timplimenta id-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-Ewropa 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-Konservazzjoni ta’ Ambjenti Naturali u ta’ Fawna u Flora Selvaġġi. Is-sit huwa ukoll skedat bħala Arja ta’ Importanza Ekoloġika skond in-Notifika tal-Gvern 400 ta’ l-1996.
L-Awtorità b’hekk evalwat din it-talba fuq bażi ta’ l-impatti li din l-attività jista’ jkollha fuq l-ambjent naturali tal-madwar kif ukoll fuq speċi t’annimali, partikolarament l-għasafar, li jistgħu jinstabu f’dan is-sit jew fil-viċinanzi. Ġew meqjusa ukoll iż-Żoni Speċjali ta’ Ħarsien iddikjarati skond l-Att Legali 79 ta’ l-2006 u d-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-Ewropa 79/409/KEE tat-2 ta’ April 1979 dwar il-Konservazzjoni ta’ Għasafar Selvaġġi. Dawn iż-żoni jinstabu f’distanza ta’ iżjed minn kilometru minn dan is-sit.
F’dan ir-rigward l-Awtorità ikkonsultat ukoll mal-BirdLife Malta dwar l-ispeċi t’għasafar li jbejtu f’dan is-sit. Skond l-infomazzjoni li ġiet mogħtija, l-għasafar li jinstabu fis-sit innifsu m’humiex mniżżla fl-iskeda I tad-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-Ewropa 79/409/KEE.
Id-deċiżjoni ta’ l-Awtorità, li ttieħdet anki skond l-informazzjoni li ġiet mogħtija mill-BirdLife, hija li jinħareġ il-permess iżda li dan ikun suġġett għal kundizzjonijiet stretti. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu l-kontroll strett tan-nies li għandhom jiġu ristretti għar-ramla u l-art li hija diġà mittiefsa (bħall-parkeġġ). Kundizzjonijiet oħra jikkontrollaw l-użu tad-dawl u jipprojbixxu l-firxa ta’ dawl artifiċjali kemm fuq l-art naturali tal-madwar kif ukoll fis-sema.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ħareġ flus il-Gvern s-sena l-oħra f'pagi u benefiċċji oħra għall-eks ħaddiema tat-Tarzna u li llum qed jaħmlu mal-IPSL? Kemm hemm ħaddiema llum, xi grad għandhom u x'xogħol qed jagħmlu u fejn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li:-
(i) matul is-sena 2006 il-Gvern ħallas is-somma ta’ Lm2,890,973 f’pagi u l-ammont ta’ Lm22,468 f’benefiċċji oħra.
Apparti dan intefqet is-somma ta’ Lm10,065 bħala “Service Bonus” lil dawk il-ħaddiema tat-Tarzna li għalqu “l-61 sena u rtiraw mix-xogħol skond il-“Collective Agreement” li għandhom.
(ii) in-numru ta’ eks ħaddiema tat-Tarzna fi ħdan l-IPSL illum huwa ta’ 455. Dawn il-ħaddiema żammew il-grad li kellhom mat-Tarzna u dawn qed iwettqu dmirijiet kemm jista’ jkun komparabbli mal-grad tagħhom skond l-esiġenzi tal-post tax-xogħol fejn huma sekondati.
(iii) l-eks ħaddiema tat-Tarzna preżentament huma sekondati skond il-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jara li s-sistema tad-drenaġġ tal-Blokk F2 Housing Estate Ta' Xbiex jiġi rranġat u jew mibdul billi r-residenti qed ikollhom problemi kbar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li rriżulta li l-problema hija fil-house connection tal-blokk ta' appartamenti u mhux fil-mejn tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Għaldaqstant l-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet tal-link road bejn ix-Xatt tal-Gżira u Regional Road?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-kunċett tad-diżinn ġie ppreparat mill-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta u ġie mgħoddi biex jiżdied fin-North Harbours Local Plan.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm mobile phones fid-dekasteru u dipartimenti oħra li jaqgħu taħtu? Kemm minn dawn intilfu jew nsterqu f'dawn l-aħħar 5 snin u minn liema dipartiment jew ente?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni illum illi weħlu xi forma ta' community service? X'kien ir-reat? X'forma ta' community service ingħataw u għal kemm? Min jimmonitorja li l-ħati effettivament "jaħdem" waqt iż-żmien tal-community service?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kien hemm 22 persuna li weħlu xi forma ta’ xogħol fil-komunita.
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar dawn il-każijiet hu kif ġej:-
Dawn il-każijiet jirrigwardaw ir-reati segwenti:
· 2 dwar frodi
· 4 dwar droga (persuni li jkunu ħarġu mill-vizzju)
· 16 dwar serq
Ix-xogħol fil-komunita seħħ f’10 NGO’s, 3 entitajiet tal-knisja u 9 Kunsilli Lokali. Il-ħatja ġew mogħtija dawn ix-xogħolijiet:
· tindif u manutenzjoni: 17-il każ
· assistenza lil facilitator: 3 każijiet
· filing (computerised jew manual): 2 każijiet
F’dawn il-każijiet ingħataw total ta’ 2,400 siegħa xogħol imqassma f’dan il-mod:
· 2 każijiet ta’ 50 siegħa
· 1 każ ta’ 70 siegħa
· 13-il każ ta’ 100 siegħa
· 2 każijiet ta’ 120 siegħa
· 3 każijiet ta’ 150 siegħa
· 1 każ ta 240 siegħa
Il-ħati jiġi mmoniterjat mill-Uffiċċju tal-Probation, bil-kooperazzjoni ta’ l-entita li tipprovdi x-xogħol. Ix-xogħol isir mill-ħati fil-ħin liberu tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol kollu fuq il-promenade ta' Ta' Xbiex? X'xogħol baqa' xi jsir?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li x-xogħol fuq il-promenade ta’ Ta’ Xbiex għandu jitlesta kollu matul Mejju. Jonqos li jitwaħħlu l-arbli dekorattivi tad-dawl u numru żgħir ta’ bankijiet ta’ l-injam.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ħallas flus il-gvern is-sena l-oħra f'performance bonuses? Min ħadhom? Kemm ħaduhom nies? Min ma ħadhomx, għaliex ma ħadhomx? X'gradi kellhom dawk li ħaduhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-proċess ta’ l-għoti tal-Performance Bonuses għas-sena 2006 qiegħed fil-fażi finali u għaldaqstant għad ma jistax jingħata l-ammont totali li ser jitħallas.
Fl-okkażjoni tal-Beatifikazzjoni ta' Dun Gorġ Preca jikkonsidrax il-Gvern li jagħti btala pubblika lill-poplu kollu ħalli kulħadd jista' jsegwi l-proċess? Din it-talba qed isir fid-dawl illi l-gvern ilu jgħid li l-ekonomija sejra tajjeb ħafna.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt f’mistoqsija parlamentari numru 24432.
Fid-dawl ta' amnestiji li ta l-gvern dwar il-VAT u issa fid-dawl ta' l-iskema l-ġdida ta' reġistrazzjoni ta' flus mhux dikjarati, jista' l-Gvern jgħid kemm hu maħsub li se jitlef flus l-exchequer?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern Malti għandu programm ta’ konverġenza finanzjarja li qed jimxi fuqu f’dak li jirrigwardja d-dħul u l-infiq pubbliku. Bl-iskemi imsemmija mhux maħsub li se jintilef dħul li jirriforma parti minn dan il-pjan tal-finanzi pubbliċi.
Pjuttost, apparti l-effett ekonomiku, d-dħul li jidħol permezz ta’ tali inizzjattivi jtaffi l-bżonn ta’ l-iffinanzjar ta’ l-iżbilanċ bejn id-dħul u l-infiq pubbliku u l-imgħaxijiet neċessarji għal dak l-iffinanzjar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern hux beħsiebu jagħti amnestija lill-priġunieri fl-okkażjoni tal-Beatifikazzjoni ta' Dun Ġorġ Preca? Jekk iva, lil min?
Response (BORG, TONIO)
Ma ittieħdet ebda deċiżjoni dwar din il-materja. Fi kwalunkwe każ din ma hix materja li tiġi deċiża minn dal-Ministeru, iżda mill-Kabinett.