Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm sar investiment kapitali mill-Armata s-sena l-oħra? Kif sar? Kemm ħarġet direct orders l-Armata s-sena l-oħra, lil min u għaliex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-investiment kapitali li sar is-sena l-oħra mill-Armata, kif sar, kemm ħarġet direct orders lil min u għaliex jinsabu f’tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu tfal il-qorti din is-sena u għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-1 ta' Jannar 2007 sa llum ittellgħu b'kollox 48 tfal (taħt is-16-il sena) quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Malta) u quddiem il-Qorti tal-Minorenni f'Malta.
Minn dawn, 10 tressqu quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Malta) flimkien ma' persuni maġġorenni fejn 9 każi kienu dwar serq u każ minnhom kien dwar falsifikazzjoni ta' dokumenti.
Fil-Qorti tal-Minorenni ttellgħu 38 u ċioe`:-
Pussess ta' droga 1
Ksur ta' buon ordni, ġlied u theddid 24
Tlajjar għal prostituzzjoni 2
Ħsara f'vettura u ġrieħi ta' natura gravi u sewqan mingħajr liċenzja 1
Ta' dettalji foloz 1
Serq 6
Użu ta' telecom ħażin 1
Depożiti ta' urina f'post pubbliku 2
L-informazzjoni dwar Għawdex hija s-segwenti:-
Sewqan ta' karozzi mingħajr liċenzja u ħbit 1
Ġlied u ksur tal-paċi pubblika 3
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jsuqu vetturi bil-mutur waqt li kienu taħt l-influwenza tad-droga din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena, ma kien hemm ebda persuna li nstabet li kienet qed issuq vettura meta ma kienetx f'kundizzjoni li ssuq minħabba droga.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru talbiet lill-petitions boardtaċ-ċitazzjonijiet maħruġa mill-gwardjani lokali sa issa? Kemm minn dawn ġew milqugħa? Fejn saru l-allegati kontravvenzjonijiet? X'tip ta' kontravvenzjonijiet allegatament kienu? Kemm-il persuna li ħadet il-maħfra ħaditha aktar minn darba u kemm-il darba? Minn liema lokalitajiet kienu dawn il-persuni?
Response (BORG, TONIO)
Għar-rigward ta' l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninforma lill-Onor. Interpellant li sa mit-twaqqif tal-Bord tal-Petizzjonijiet f'Jannar 2006 sat-28 ta' Mejju 2007 daħlu 12,278 petizzjoni. Minn dawn ġew ipproċessati 7,289, li minnhom 4,464 (61.2%) ġew milqugħa jew għal kollox jew in parti.
Peress li biex tinġabar l-istatistika għall-mistoqsijiet l-oħra tal-Onor. Interpellant dan jinvolvi aktar ħin, tingħata risposta f'xi seduta oħra.
Fl-eventwalita' li wara li jispiċċaw is-sussidji lit-tarzna din ma jirnexxilhiex tkampa fis-suq kompetittiv, jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux, jew hux qed ifassal, pjan għall-futur ta' dawn il-ħaddiema? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jekk jogħġbu jgħidli x'inhuma?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-mistoqsija ta’ l-Onorevoli Interpellant hija waħda ipotetika. L-uniku pjan tal-Gvern hu dak maqbul mall-Management, il-Union u l-Unjoni Ewropeja li t-tarzna tnaqqas it-telf u ma jkolliex bżonn ta’ aktar sussidji wara l-aħħar tal-2008. L-enerġija ta’ kull min huwa nvolut għandha tkun iffukata fuq dak il-pjan u dak il-pjan biss.
Wara li jispiċċaw is-sussidji, u f’eventwalita’ li t-tarzna ma jirnexxilhiex tkampa fis-suq kompetittiv, il-Gvern ma jkunx jista’ jkompli jissusidja lit-tarzna.
Tista' l-Ministru tara li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament tingħata allowance ta' korriment fuq ix-xogħol minflok benefiċċju għall-mard u dan billi qiegħed barra mix-xogħol b'konsegwenza ta' korriment waqt ix-xogħol?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li dettalji dwarha qed jintabgħtu separatament, qed tirċievi kontijiet tad-dawl u ilma fuq l-indirizz imsemmi meta dan ilu li waqa' f'idejn il-gvern għal diversi snin u ilu mbarrat għal ħafna snin?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li biex il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-ilma ma tibqax tibgħat il-kontijiet, trid tintela formola tal-bidla tal-konsumatur. Skond ir-records tal-Korporazzjoni din il-formola qatt ma kienet sottomessa u r-responsabilita’ ta’ dan il-kont qatt ma għaddiet għand xi persuna jew entita’ oħra. Għaldaqstant qatt ma sar bdil fl-isem tal-Account Holder.
Madankollu il-Korporazzjoni sejra tinvestiga iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ dan il-każ kif indikati mill-Onor Interpellant.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, hix intitolata għal xi forma ta' pensjoni u jekk le, għaliex?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ma tistax issiefer minn Malta?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħtini aktar informazzjoni dwar kif u min informa lis-suġġett imsemmi li ma jistax isiefer minn Malta, sabiex inkun f'pożizzjoni li nitlob l-informazzjoni għat-tagħrif rikjest.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament hijiex intitolata għall-għajnuna billi tieħu ħsieb ommha anzjani?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jara jekk il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament hix qed tħallas kera kif suppost?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-kera tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant hi kif stabbilita fil-kuntratt iffirmat bejn din il-persuna u d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament hiex intitolata għal SA issa li ommha daħlet ġo dar ta' l-anzjani?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jara li l-każ ta' familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament jiġi rivedut, billi l-qagħda ta' saħħithom marret lura u jixtiequ aktar għajnuna mill-helper?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ imsemmi ser jiġi rivedut fiċ-ċirkustanzi preżenti.
Tista' l-Ministru tara li l-każ ta' korriment fuq ix-xogħol jerġa' jiġi eżaminat billi l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għadha ma fiqietx għal kollox?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.