Jista' l-Prim MInistru jgħid meta se tiġi rranġata Conception Street, u St. Louis Street, Msida mill-kunsill lokali?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` gvern lokali u fil-qadi tal-funzjonijiet jaġixxu skond il-prioritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita` billi l-funzjoni li qed jirreferi għaliha, fil-fatt hija waħda mir-responsabbiltajiet tal-Kunsilli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa maħsub illi nefaq il-Gvern s'issa biex jintlaħaq l-għan tal-Gvern preżenti li Malta ssir membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea? Fiex intnefqu l-flus in kwestjoni?
Response (DALLI, JOHN)
Dan l-eżerċizzju jirrikjedi użu qawwi ta` riżorsi li mhux ġustifikat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat illi se jdaħħal flus il-Gvern mill-VAT fuq is-servizzi matul is-sena 1999 u kemm daħħal il-Gvern mis-CET fuq is-servizzi matul is-sena 1998?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, li l-ammont ta` taxxa li hu stmat li ser idaħħal il-Gvern mill-VAT fuq is-servizzi matul sena sħiħa normali, kif proġettat mid-dħul mill-istess sors fl-aħħar tnax-il xahar tal-liġi tal-VAT ta` qabel, hu ta` madwar Lm22.0 miljuni netti. Meta wieħed iqis li l-ħlas tal-VAT mill-persuni reġistrati lid-Dipartiment isir madwar erba` xhur u nofs b`lura, l-ammont tad-dħul mill-VAT fuq is-servizzi matul l-1999 hu stmat li jkun madwar Lm14.5 miljuni.
L-ammont ta` taxxa dikjarat pagabbli fuq is-servizzi taħt il-liġi tas-CET matul is-sena 1998 kien ta` Lm16.58 miljuni netti.
Jista' l-Ministru jgħid liema mit-33 taxxa li daħħal il-Gvern Laburista tneħħew mill-Gvern preżenti? Liema għadhom fis-seħħ? Għaliex il-Gvern preżenti ħallihom meta tant kien tkaża bihom fil-passat? Kemm se jiffranka flus il-poplu mit-taxxi li tneħħew din is-sena? Kemm inġabru flus is-sena li għaddiet mit-33 taxxa u kemm hu maħsub li se jiġbor il-Gvern is-sena li qegħdin fiha? Liema mit-33 taxxa li baqa' għandu l-ħsieb il-Gvern preżenti li jneħħi s-sena li qegħdin fiha?
Response (DALLI, JOHN)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f`xi seduta oħra.
Billi hija x-xewqa tal-Gvern preżenti li Malta ssir membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus direttament jew indirettament mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, minn meta Malta applikat biex l-għan tal-Gvern preżenti jintlaħaq? Kif intnefqu u fuq xiex, il-flus in kwestjoni?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Billi politika governattiva ma tistax tikkwantifikha, risposta f'dan il-kuntest mhiex possibili li tingħata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn company cars mhux ta' natura kummerċjali u mniżżla fuq il-kotba ta' kumpanniji kummerċjali llum?
Jista' l-Ministru jagħti breakdown tal-figuri ta' kemm kull kumpannija għandha karozzi u timpjega persuni?
Response (DALLI, JOHN)
L-informazzjoni mitluba f`din il-mistoqsija ma tistax tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn opri tal-baħar reġistrati fuq isem kumpanniji lokali llum?
Kemm minnhom inxtraw sena b'sena f'dawn l-aħħar għaxar snin? Kemm swew? X'tip ta' opri tal-baħar huma?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jdaħħal flus il-gvern mill-VAT ta' 15% fuq is-servizzi? Kemm kien idaħħal il-gvern min fuq is-servizzi bis-CET?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, li l-ammont ta` taxxa li hu stmat li ser idaħħal il-Gvern mill-VAT ta` 15% fuq is-servizzi, kif proġettat mid-dħul mill-istess sors bejn Lulju 1996 sa` Lulju 1997 (l-aħħar tnax-il xahar tal-liġi tal-VAT ta` qabel) hu ta` madwar Lm19-il miljun netti.
L-ammont ta` taxxa (ETS) dikjarat pagabbli fuq is-servizzi taħt il-liġi tat-Taxxa tad-Dwana u tas-Sisa (CET), bejn Jannar 1998 u Diċembru 1998 kien ta` Lm16.58 miljuni netti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' frodi rrapportati lill-pulizija matul l-1998? Kemm ġew solvuti? Kemm kien il-valur ta' flus konness ma' kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-1998 ġew irrapurtati lill-Pulizija 774 każi ta' frodi.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi ma jistgħax jingħata n-numru preċiż tal-każijiet solvuti għar-raġuni li wara li r-rapporti jiġu nvestigati, jirriżulta li jkun hemm każijiet minnhom li jkunu ta' natura purament ċivili u oħrajn fejn persuni jirrinunzjaw għall-azzjoni kriminali wara li jintlaħaq ftehim bejn il-partijiet involuti f'dawk il-każijiet li l-azzjoni kriminali ma tkunx ex ufficcio.
L-ammonti nvoluti jvarja minn għaxriet sa mijiet ta' eluf ta' liri.
19.01.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' immigranti llegali maqbuda mill-pulizija matul is-sena 1998? Kemm hemm miżmuma Ta' Kandja? Kemm ilhom miżmuma dawk li hemm miżmuma llum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-1998 inqabdu u tressqu l-Qorti 463 immigrant illegali. In-numru ta' immigranti llegali miżmuma f'Ta' Kandja fit-12 ta' Jannar, 1999, kien ta' 33. Iż-żmien li ilhom jinżammu f'Ta' Kandja jvarja bejn tlett snin u ħdax il-xahar u ġimgħa.
19.01.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk kemm saru hold-ups mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn il-5 ta' Settembru, 1998, u t-12 ta' Jannar, 1999, il-Pulizija kellha 20-ir-rapport ta' hold up. Barra minn dan kien hemm wieħed li rriżulta li kien rapport falz.
Kien hemm rapport ieħor, ta' tentattiv ta' hold up li fih ma nsteraq xejn.
19.01.99
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-prodotti mill-40,000 li kellhom jorħsu (skond dak li l-Ministru qal fuq Xarabank) li fil-fatt roħsu bid-dħul tal-VAT? X'suppost raħas u ma raħax, x'għola meta kellu jogħla, x'għola meta ma kellux jogħla?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, li l-prodotti kollha mportati li kienu taxxabbli taħt is-sistema tat-Taxxa tad-Dwana u tas-Sisa (CET) bir-rata ta` ħmistax fil-mija (15%) Taxxa tas-Sisa fuq l-Importazzjoni (ETI) u b`ħamsa fil-mija (5%) Taxxa tas-Sisa fuq il-Prodotti (ETP) huma fost il-prodotti li għandhom jorħsu bid-dħul ta-VAT. Ma` dawn wieħed irid iżid dawk il-prodotti mportati li m`humiex taxxabbli u li taħt is-sistema tas-CET kienu jġorru tax creep ta` madwar erbgħa fil-mija (4%) minħabba li taħt dik is-sistema ma kienx hemm refużjonijiet tat-taxxa fuq l-ispejjeż tan-negozju kif hemm fil-VAT. Dawn iż-żewġ kategoriji ta` prodotti flimkien jiffurmaw il-maġġoranza kbira tal-prodotti kkonsumati f`Malta.
Infakkar ukoll lill-interpellant li l-prodotti kollha tal-ikel u l-prodotti kollha konnessi ma` saħħa u mediċina m`għandhom ebda VAT fuqhom. Bis-sistema tas-CET dawk li jissuplixxu dawn il-prodotti u servizzi kellhom spiża bit-taxxa li ma kienux jieħdu refunds fuqhom. Illum qegħdin jieħdu refund u għalhekk l-ispejjeż naqqsulhom.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-prodotti li roħsu matul ix-xahar ta'Diċembru 1998? B'kemm għollew? X'effett kellha il-VAT fuq il-value ta' dawn il-prodotti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kif jaf tajjeb l-Onorevoli Interpellant, matul ix-xahar ta' Diċembru 1998 kien hemm numru kbir ta' 'sales' ta' ġeneri u marki differenti ta' prodotti u għalhekk mhux possibli li tingħata l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema tal-Kalaxlokk fuq il-kotba tal-kumpannija llum? Kemm minnhom qegħdin fuq forced leave? Kemm ilhom fuq il-leave? Kemm ħallas flus il-gvern għal dawn il-persuni li qegħdin fuq il-forced leave? Xi pjanijiet hemm imħejjija għalihom fil-futur viċin u fil-bogħod?
Response (BONNICI, JOSEF)
Fil-preżent fuq il-kotba tal-Kalaxlokk Co. Ltd. hemm 474 ħaddiem, li 6 minnhom huma impjegati tal-gvern mislufa mal-kumpanija. Minn dan it-total ta' ħaddiema ħadd minnhom ma' jinsab fuq 'forced leave'.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2881 u għall-mistoqsijiet supplimentari relattivi.
Jista' l-Ministru jgħid x'informazzjoni għandu l-Ministeru tiegħu dwar prezzijiet li għolew jew roħsu mill-ewwel tas-sena 'l hawn? X'effett kellha l-VAT fuq dan iċ-ċaqlieq?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta jimmonitorja l-prezzijiet ta' dawk il-prodotti li huma kkunsidrati bħala 'market leaders'. Iċ-ċaqlieq li seta' kien hemm fil-prezz ta' ċertu prodotti qed jiġi analizzat u għalhekk għad irid jiġi stabbilit jekk fil-fatt kienx hemm ċaqlieq u l-kwantita' ta' tali ċaqlieq.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn kumpanniji u persuni reġistrati taħt il-Liġi tal-VAT li ma qabżux it-threshold, jista'l-Ministru jagħti breakdown ta'x'tip ta'xogħol jagħmlu dawk il-persuni u/jew kumpanniji?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, li n-numru ta` persuni u kumpanniji reġistrati taħt il-liġi tal-VAT li ma qabżux it-threshold skond l-informazzjoni li kellu d-Dipartiment sa` s-27 ta` Novembru 1998 kien b`kollox 26,674. Dawn huma maqsumin skond in-natura tax-xogħol li jagħmlu kif jidher mill-lista li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' reati rrapportati lill-pulizija fix-xahar ta'Diċembru, 1998 u x'tip ta' reati kienu?
Response (BORG, TONIO)
Iċ-ċifra totali ta' reati għal Diċembru 1998 kienet ta' 1062, u ċioe', tnaqqis ta' 11.13% fuq Novembru 1998, u tnaqqis ta' 3.97% fuq Diċembru tas-sena ta' qabel. It-tagħrif mitlub fid-dettal mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
18.01.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' tfal li qegħdin jgħixu ġewwa xi istitut reliġuż illum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Minn tagħrif miġbur mid-Dipartiment Għall-Ħarsien tal-Familja jirriżulta li preżentament hemm 282 tifel u tifla ta' eta' bejn 0 snin u 18-il sena jgħixu fi sbatax (17)-il dar residenzjali mmexxija minn reliġjużi.
13.1.99