Jista' l-Ministru jgħid kemm ħallas il-gvern f'arretrati dovuti lill-ħaddiema tal-gvern in konnessjoni mar-riorganizzazzjoni fis-servizz ċivili 96/98? Kemm se jħallas il-gvern fis-snin li ġejjin?
Response (DALLI, JOHN)
Kif stabbilit mill-Ftehim Kollettiv ġdid għall-impjegati fis-settur pubbliku, il-Gvern intrabat li jħallas lill-impjegati tiegħu permezz ta` cash payments arretrati dovuti għas-snin 1996-1998. Skond figuri li għandu għad-disposizzjoni tiegħu d-Dipartiment tat-Teżor, jirriżulta li l-ammont ta` arretrati li tħallsu s`issa hu ta` Lm6,061,021.
Returns minn xi dipartimenti għad irid jiġu proċessati.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm telqu nies minn mal-gvern qabel m'għalqilhom iż-żmien li jirtiraw bl-eta' s-sena li għaddiet? Kemm minnhom irriżenjaw, kemm ġew imkeċċija u kemm ġew boarded out?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi matul is-sena li għaddiet, 241
uffiċjal pubbliku irriżenjaw, 17 ġew imkeċċija, u 277 ġew
medically boarded out.
Dawn il-figuri jistgħu jiżdiedu xi ftit għaliex l-
informazzjoni fuq dawn l-impjegati għadha dieħla.
Billi diversi persuni residenti ġewwa l-flats tal-Housing Estate ta' Ta' Xbiex qed isibu diffikulta' biex jitilgħu t-taraġ jew għax huma anzjani jew għax huma morda, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex fil-futur isiru lifts biex jgħinu lil dawn il-persuni li qed jinqabdu priġunieri ġewwa darhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li tajt għal Mistoqsija Nru. 2988.
3.2.99
Ta' Xbiex — Triq Ġużeppi Cali - Tibdil strutturali
Question
Billi fit-tarf ta' Ġuseppe Cali Street, Ta' Xbiex lejn in-naħa tal-ġnien tal-Gżira qed isir xi tibdil strutturali ġo dar li qabel kienet residenzjali, jista' l-Ministru jgħid x'użu se jsir mid-dar in kwestjoni wara li jispiċċa x-xogħol? Jekk l-użu se jkun ta' tip kummerċjali u m'hemmx fejn jiġu pparkjati aktar karozzji f'din iż-żona, għaliex qed joħorġu permessi ta' dan it-tip mill-Planning Authority ġewwa Ta'Xbiex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li dwar is-sit li qed jagħmel referenza għalih l-Onor. Interpellant hemm permess li nħareġ fit-2 ta' April, 1998, sabiex titwaqqa' d-dar eżistenti u jinbnew basement għall-karozzi, l-ewwel sular biex jintuża bħala showroom u żewġ sulari oħra għall-użu bħala uffiċini. Fil-11 t'Awissu, 1998, saret applikazzjoni sabiex jinbidel l-użu minn residenza għal waħda ta' insurance offices. Din l-applikazzjoni għada qiegħda tiġi pproċessata.
03.02.99
Billi ġo Ta' Xbiex speċjalment lejn in-naħa t'isfel ta' Abate Rigord Street u lejn in-naħa tal-vilel qed isiru ħafna conversions minn bini residenzjali għal wieħed kummerċjali, u li qed jirriżulta fi problemi kbar bħal residenti u anke għat-traffiku, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem il-Planning Authority għal dan it-tip ta' tibdil f'użu? Kemm ħarġu permessi ta' dan it-tip fl-aħħar għaxar snin? Huwa l-ħsieb li jibqgħu joħorġu permessi ta'dan it-tip?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat l-Awtorita' ta' l-Ippjanar iddeċidiet 5 applikazzjonijiet għall-bdil f'użu minn bini residenzjali għal wieħed kummerċjali fi Triq Abate Rigord, Ta' Xbiex. Minn dawn l-applikazzjonijiet, tnejn minnhom għandhom l-entratura minn toroq sekondarji u side elevation fuq Triq Abate Rigord. L-Awtorita' għandha applikazzjoni waħda pendenti fl-imsemmija triq li tikkonsisti fi bdil ta' użu minn basement għall-arkivji ta' uffiċini eżistenti.
Dwar il-ħruġ ta' permessi futuri ta' dan it-tip fiż-żona ndikata, kull applikazzjoni tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-policies vigenti ta' l-Awtorita'.
03.02.99
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għal separazzjoni quddiem il-qrati s-sena li għaddiet? Kemm kien hemm applikazzjonijiet ġodda? Kemm saru żweġijiet bil-Knisja s-sena li għaddiet? Kemm saru żweġijiet ċivili? Kemm saru bejn Maltin u barranin? Minn fejn kienu l-barranin li żżewġu Maltin? Kemm miż-żweġijiet mal-barranin kien hemm żweġijiet bil-Knisja u kemm ċivili?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li applikazzjonijiet għal separazzjonijiet
normalment isiru b'rikors fis-SekondAwla tal-Qorti Ċivili.
Is-sena li għaddiet kien hemm 940 applikazzjoni għal
separazzjonijet. Dawn huma kollha applikazzjonijiet ġodda.
Rigward il-kumplament ta` l-informazzjoni mitluba f'din id-
domanda, nirreferi lill-Onor Interpellant lill-Ministru
responsabbli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm twieldu tfal of "unknown father" sena b'sena fl-aħħar għaxar snin? Jista' l-Prim Ministru jagħti breakdown ta' l-etajiet ta' l-ommijiet in kwestjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-istatistika ta' t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant tinġabar u tiġi ppublikata mill-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika u mhux mir-Reġistru Pubbliku.
02.02.99
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru żweġijiet bejn Maltin u barranin sena b'sena fl-aħħar għaxar snin? Kemm kien hemm talbiet għal separazzjonijiet u/jew annuallamenti fl-istess żmien minn persuni Maltin miżżewġin barranin?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-ewwel parti tad-domanda għandha tiġi ndirizzata lill-
Ministru responsabbli.
Rigward it-tieni parti tad-domanda ninsab infurmat li l-
Qrati ma jiddistingwux bejn talbiet għal separazzjonijiet
u/jew annullamenti minn persuni Maltin jew barranin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jingħata relief fil-ġimgħa lil unmarried mothers li m'humiex jaħdmu? Kemm nħareġ relief lil dawn il-persuni s-sena li għaddiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ommijiet mhux miżżewġa li jgħixu għalihom u li ma jaħdmux jiġu mħallsa Għajnuna Soċjali bir-rata ta' Lm30.63 fil-ġimgħa f'każ ta' omm b'tifel/tifla waħda, liema rata tiżdied bi Lm3.50 fil-ġimgħa għal kull tifel jew tifla oħra. Titħallas ukoll Lm1.34 fil-ġimgħa bħala Bonus Addizzjoniali. L-omm tirċievi wkoll l-Allowance tat-Tfal.
S'issa d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ma ħassx il-ħtieġa li tinżamm statistika separata ta' kemm tħallsu Għajnuna Soċjali f'din il-kategorija ta' benefiċarji w għalhekk m'huwiex f'pożizzjoni li jipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru.
2.2.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu nies boarded out mill-Bord tas-Servizzi Soċjali s-sena li għaddiet? Kemm kellhom żmien dawk li ġew mgħoddija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-istatistika li tinżamm mid-Dipartiment hija n-numru ta' persuni li ġew mogħtija pensjoni ta' l-invalidita' matul is-sena. Għalhekk qed nirriproduċi tabella bl-istatistika dwar persuni li ngħataw pensjoni ta' l-Invalidita' wara li ġew boarded out mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali matul l-1998.
PERSUNI LI ĠEW BOARDED-OUT MATUL L-1998
Etajiet Numru ta' Persuni
20 sena sa 30 sena 4
30 sena sa 40 sena 31
41 sena sa 50 sena 170
'l fuq minn 50 sena 635
TOTAL 840
2.2.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni jgħixu minn fuq ir-relief biss, illum? X'etajiet għandhom? Kemm ilhom fuq ir-relief? Kemm ħareġ relief is-sena l-oħra l-gvern? Għaliex qegħdin fuq ir-relief dawn il-persuni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' familji li jirċievu l-Għajnuna Soċjali huwa ta' 9,782.
Sabiex persuna waħedha jew familja tingħata l-Għajnuna Soċjali, din trid tissodisfa t-test tal-mezzi. L-għoti ta' din l-Għajnuna mhix marbuta ma' l-eta' iżda maċ-ċirkostanzi li tkun tinsab fihom. Għaldaqstant ma tistax tinġabar statistika dwar id-diversi raġunijiet li jistgħu jintitolaw persuna jew familja għal din l-Għajnuna.
Fir-rigward tal-parti tad-domanda fejn qed titlob il-perjodu taż-żmien ta' kemm kull persuna ilha fuq l-Għajnuna Soċjali, biex din l-informazzjoni tinġabar jeħtieġ li numru ta' persuni jaħdmu s-sahra biex ikunu jistgħu jeżaminaw kull 'file' individwali. Għaldaqstant ma tinħassx il-ħtieġa li din l-informazzjoni tinġabar.
Sa l-aħħar ta' Novembru li għadda kienu ġew imħallsa Lm11,625,982 bħala Għajnuna Soċjali.
2.2.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni minn pajjiżi li qegħdin ġewwa l-Unjoni Ewropea li għandhom permess jaħdmu f'Malta llum? Kemm hawn persuni minn pajjiżi li huma membri ta' l-Unjoni Ewropea li għandhom resident permit illum? Kemm hawn persuni minn pajjiżi li qed jistennew li jidħlu li għandhom permess jaħdmu u jew jgħixu ġewwa pajjiżna llum? Kemm illum hawn applikazzjonijiet pendenti biex jaħdmu u biex jgħixu hawn Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-lista ta' persuni barranin li kellhom liċenzja ta' impjieg (employment licence) biex jaħdmu f'pajjiżna, ippubblikata fl-4 ta' Jannar, 1999, kien hemm 812 -il persuna minn pajjiżi li jiffurmaw parti mill-Unjoni Ewropea.
Dwar il-partijiet l-oħra tal-mistoqsija ninsab infurmat li :
- In-numru ta' persuni li għandhom residence permit u li ġejjin minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea huwa 1,131 ;
- Hemm 135 persuna - li ġejjin mill-ħdax -il pajjiż li bħalissa qed jaspiraw biex jidħlu fl-Unjoni Ewropea - li qed jaħdmu jew jgħixu Malta bħala residenti permanenti ; u
- In-numru globali ta' l-applikazzjonijiet pendenti u li qed jiġu pproċessati huwa madwar 820.
01.02.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni barranin li għandhom permess jgħixu Malta llum? Ta' liema nazzjonalita' huma? Kemm hawn persuni minn dawk hawn fuq imsemmija li għandhom il-permess jaħdmu ġewwa Malta? Kemm hemm minnhom li qed jistudjaw ġewwa pajjiżna? X'inhuma l-etajiet ta' dan il-persuni barranin li għandhom permess jaħdmu Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' barranin li qed jgħixu Malta bħala residenti permanenti (residence permit holders) huwa 1,739 u dawn ġejjin mill-pajjiżi li jidhru fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn il-persuni ma jistgħux jaħdmu hawn Malta. Ma tinżammx statistika dwar kemm hu n-numru ta' persuni barranin li qed jgħixu u jistudjaw f'Malta.
Ninsab infurmat ukoll li skond l-aħħar lista li ġiet ippublikata mid-Dipartiment ta' l-Informazzjoni, in-numru ta' barranin li għandhom permess biex jaħdmu Malta huwa 1,935. Ma tinżammx statistika dwar l-eta' ta' dawn il-persuni.
01.02.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jaħdmu u/jew jgħixu llegalment f'Malta s-sena li għaddiet? Kemm minnhom kienu ġejjin minn pajjiżi li huma membri ta' l-Unjoni Ewropea jew iridu jsiru membri? Minn fejn kienu l-oħrajn li nqabdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li nqabdu jaħdmu u/jew jgħixu llegalment f'Malta matul l-1998 kien ta' 463, u dawn kienu ġejjin mill-pajjiżi kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
01.02.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li bdew jirreġistaw għax-xogħol xahar b'xahar is-sena li għaddiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' persuni li bdew jirreġistraw għax-xogħol xahar b'xahar is-sena li għaddiet kien kif ġej:
Jannar 1998 1,199 Lulju 1998 1,526
Frar 1998 975 Awissu 1998 1,341
Marzu 1998 984 Settembru 1998 1,234
April l998 981 Ottubru 1998 1,353
Mejju 1998 790 Novembru 1998 1,212
Ġunju 1998 880 Diċembru 1998 1,071
1.2.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn single parent families fl-aħħar tas-sena 1998? Kemm kien hemm tfal jgħixu f'dawn is-single parent families? Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' single parent families kienu, jiġifieri kemm kienu kawża ta' separazzjoni, divorzju barra, ommijiet mhux miżżewġa u romol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali: '"ġenitur singlu" tfisser ġenitur li jkun armel jew armla, separat (sew 'de facto' jew 'de jure'), divorzjat jew mhux miżżeweġ li jkun waħdu u għal kollox responsabbli li jżomm u jrabbi lil uliedu dipendenti bniet jew subien li ma jkunux għalqu t-tmintax-il sena'.
FAMILJI TFAL
Ġenituri separati 'de facto' 468 820
Ġenituri separati 'de jure' 1,437 2,356
Ġenituri divorzjati 37 53
Ġenituri mhux miżżewġa 1,152 1,559
Ġenituri romol 541 801
TOTAL 3,635* 5,589
* Din il-figura tista' tinkludi persuni li għalkemm uffiċċjalment huma meqjusa bħala 'ġenitur singlu', fir-realta', din tkun qed tikkoabita ma' persuna oħra.
1.2.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk itteħdux deċiżjonijiet mill-gvern minn fejn se tgħaddi il-link road li se tgħaqqad Manoel Island mal-bypass ta' Regional Road?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jiena nfurmat li d-Dipartiment tat-Toroq issottometta applikazzjoni lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar fuq it-triq il-ġdida li għandha tgħaqqad Manoel Island ma' Regional Road abbażi ta' konsultazzjonijiet li saru ma' l-istess Awtorita' ta' l-Ippjanar. Din l-applikazzjoni qed tieħu l-proċess
tagħha normali.
Jekk l-Onor. Interpellant irid aktar informazzjoni fuq dan, huwa mitlub li jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-art kollha li hemm ġewwa Manoel Island hijiex tal-Gvern? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpannija Medserv xtratx xi art mill-gvern ġewwa Manoel Island? Jekk iva, meta inxtrat u għal kemm?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-art ta' Manoel Island hija kollha tal-Gvern. Jekk l-Onor. Interpellant irid aktar informazzjoni huwa mitlub li jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn residenti barranin li għandhom 'il fuq minn 60 sena jgħixu ġo pajjiżna llum?
Response (BORG, TONIO)
Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal-barranin li għandhom permess ta' residenza (residence permit) biex jgħixu Malta.
Ninsab infurmat li għalkemm s'issa ma tinżammx statistika dwar l-eta' ta' din il-kategorija ta' persuni, minn riċerka li għamel id-Dipartiment konċernat huwa stmat li hawn madwar 700 minnhom li għandhom 'il fuq minn sittin sena.
27.01.99