Jista' l-Ministru jgħid x'se jagħmel biex jiżgura li l-għassa tal-Gżira tkun miftuħa l-ġurnata kollha?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Pulizija kienet u għadha tagħti prijorita' sabiex, sa fejn hu possibli, l-għases kollha jinżammu miftuħa l-ġurnata kollha. Iżda dan mhux dejjem possibli għar-raġuni li l-eżiġenzi tas-servizz ġieli jirrikjedu lill-pulizija li jkun għassa joħroġ biex jinvestiga rapporti u anke fuq ronda, bil-konsegwenza li l-għassa jkollha tingħalaq. Minbarra dan, il-pulizija assenjati xogħol fl-għases ikollhom xogħol ieħor konness mall-Qorti, kemm sabiex jagħtu xhieda kif ukoll fuq skorti.
23.02.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn permessi pendenti għal rave parties? Fejn sejrin isiru? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kondizzjonijiet ta' kull permess li se joħroġ għal dawk il-parties pendenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fid-19 ta' Frar, 1999, kien hemm applikazzjoni waħda għall-rave party li ser jinżamm fi stabbilimenti fil-limiti tar-Rabat. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kundizzjonijiet għal dan il-permess.
22.02.99
Billi ġo party li sejjer isir dalwaqt, skond id-dress code, min imur huwa mitlub li jieħu jew jilbes manetti (hand cuffs), frosti u ktajjen, jista' l-Ministru jgħid jekk dan jistax isir bil-liġi? Jekk le, x'passi se tieħu l-pulizija biex tiżgura li dawn l-affarijiet ma jitħallewx isiru? Qed nibgħat separtament ma' din id-domanda brochure li qed jitqassam ġod-djar bil-posta fejn min imur qed jiġi mitlub b'dan il-mod (Ara document A). Kemm jistgħu jidħlu persuni ġol-post fejn se jsir dan il-party skond il-liċenzja tal-post?
Response (BORG, TONIO)
Il-Pulizija ħadet il-passi sabiex tiżgura li jkunu osservati l-kundizzjonijiet tal-liċenzja.
Fil-fatt ninsab infurmat li l-Party li rrefera għalih l-Onor. Interpellant inżamm mingħajr inċidenti.
22.02.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-disc jockeys li jieħdu sehem ġo party li se jsir dalwaqt u li tiegħu qed nibgħatlek separatament brochure (dokument B) li qed jitqassam fid-djar, għandux work permit neċessarju biex jagħmlu dan ix-xogħol? Dawk li ġew fil-passat, x'tip ta' permess kellhom? Kemm ħarġu permessi ta' dan it-tip?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li sabiex barrani jkun jista` jagħmilha ta` disk jockey hawn Malta, anki jekk għal jum wieħed, għandu bżonn ta` liċenzja ta` impjieg għal dan il-għan.
Id-Dipartiment responsabbli għall-ħruġ ta` dawn il-liċenzji jirċievi diversi talbiet sabiex disk jockeys barranin jipparteċipaw f`diskoteki lokali, il-biċċa l-kbira għal jum jew tnejn, l-aktar għal tmiem il-ġimgħa. Normalment dawn it-talbiet jiġu milqugħa iżda ma tinżammx statistika dwarhom.
Ninsab infurmat ukoll li d-Dipartiment konċernat irċieva tlett applikazzjonijiet dwar disk jockeys barrranin li ser jipparteċipaw f`party li dwaru l-Onor. Interpellant għaddhieli brochure. Dawn l-applikazzjonijiet ġew ipproċessati u nħarġu l-liċenzji meħtieġa.
22.02.99
Seduta 66
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħallsu taxxi DJ's barranin li qed jieħdu sehem fir-rave parties li qed isiru? Mingħajr ma nsemmi ismijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm ħallsu kull wieħed?
Response (DALLI, JOHN)
Fid-Dipartiment ma jinżammux records ta` barranin impjegati lokalment bħala entertainers f`kategoriji differenti, imma mħalta kollha f`daqqa. Kull barrani li għandu working permit, min jimpjegaħ, jinżamm responsabbli għal kull taxxa li dak il-barrani jista` jkollu xi jħallas anke wara li l-barrani jkun telaq minn Malta.
Billi tliet toroq ġewwa Ta' Xbiex li huma Triq Enrico Mizzi, Triq Sir Ugo Mifsud u Triq San Gwann tas-Salib għandhom bżonn kisja tarmac urġenti peress li hemm ħafna toqob, jista' l-Prim Ministru jara li jingħataw fondi speċjali lill-kunsilli biex dawn it-toroq jiġu rranġati?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali
huma korpi statutorji ta gvern lokali u fil-qadi tal-
funzjonijiet tagħhom jaġixxu skond il-prijoritajiet,
esiġenzi u l-mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi
l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita billi l-
funzjoni li qed jirreferi għaliha, fil-fatt hija waħda mir-
responsablitajiet tal-Kunsilli, u x-xogħol imsemmi jrid
isir mill-Fondi għall-Ħtiġijet Speċjali li diġa ngħataw
skond l-applikazzjoni ta' l-istess Kunsill.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-kondizzjonijiet li jirregolaw l-għoti ta' parental leave fis-Servizz Pubbliku? X'passi jittieħdu biex ikun żgurat li min jingħata parental leave li għalih għandu dritt, ma jagħmilx xogħol ieħor waqt li jkun bil-leave speċifikament biex jassumi responsabbilta' għal membri tal-familja? Kemm hu l-għadd totali ta' mpjegati mal-gvern li qegħdin barra fuq parental leave?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-parental leave jingħata lill-uffiċjali li jkunu ilhom
mill-inqas sena jaħdmu mal-gvern fuq bażi regolari u full-
time. Dan il-leave jittieħed minn ġenituri biex jieħdu
ħsieb it-tfal tagħhom sakemm dawn jagħlqu ħames snin.
Tingħata sena leave bla ħlas għal kull tarbija, kif ukoll
career break ta' tlett snin leave bla ħlas li jista
jittieħed darba biss. Il-parental leave jista jittieħed
kemm mill-omm jew mill-missier jew maqsum bejn it-tnejn,
basta t-tnejn ikunu mpjegati tal-gvern, ma jeċċedux il-
limitu tal-parental leave, u ma jieħdux il-parental leave
flimkien, u jinqasam darba biss. Persuna li tapplika għall-
parental leave għandha tinnotifika lill-Kap tad-Dipartiment
tliet xhur qabel sabiex ikunu jistgħu jsiru l-arranġamenti
meħtieġa.
Biex jiġi żgurat li l-uffiċjal pubbliku ma jiħux il-
parental leave għal skop ieħor u mhux biex jieħu ħsieb it-
tfal, huwa mitlub jinforma bil-miktub lill-Kap tad-
Dipartiment tiegħu li mhux ser jagħmel xogħol privat fil-
ħinijiet tax-xogħol u wkoll jipproduċi dokumentazzjoni li r-
raġel tagħha jew il-mara skond il-każ qiegħed/qiegħda
taħdem full-time jew li l-każ huwa ta' ġenitur wieħed.
L-għadd totali ta' l-impjegati tal-gvern li qegħdin barra
fuq Parental Leave fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru huwa
sebgħa u għoxrin (27). Jekk l-Onorevoli Interpellant
jixtieq ikun jaf in-numru ta' impjegati tal-gvern li
qegħdin fuq Parental Leave f'Dipartimenti oħra, jista
jagħmel dan billi jsaqsi l-istess mistoqsija lill-Ministeri
konċernati peress li kull Ministeru iżomm id-
dokumentazzjoni tiegħu fuq il-Parental Leave.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-għadd ta' passiġġieri li ġew Malta matul is-sena li għaddiet ma' kumpanniji ta' l-ajru barranin: (a) fuq scheduled flights; u (b) fuq titjiriet charter? Dawn iċ-ċifri kif jipparagunaw mas-sentejn ta' qabel?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani tal-gvern għat-tkomplija tax-xogħol fl-isptar f'Tal-Qroqq? Hemm data meta l-isptar se jibda jiffunzjona u jekk fl-affermattiv, meta? Xi pjani hemm maħsuba biex ikun hemm nurses imħarrġa għall-bżonnijiet ta' l-isptar il-ġdid u l-bżonnijiet ta' l-Isptar San Luqa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
* Il-pjani tal-gvern huma hekk kif miftehma fil-'Memorandum of Understanding'
* Ma hemmx data għal meta ser jibda jiffunzjona l-isptar.
* It-taħriġ ta' l-infermiera, qiegħed isir fuq bażi regolari biex l-infermiera, jkollhom it-taħriġ meħtieġ anke qabel jinfetaħ l-isptar il-ġdid.
* Qed isiru wkoll kuntatti ma' Universitajiet barra minn Malta, biex inkunu nistgħu nibbenifikaw minn courses jew inġibu 'credits' għall-courses tagħna minn għandhom.
Jista' l-Ministru jikkonferma jew jiċħad rapporti fil-ġurnali li dehru riċentement fis-sens li se jinġiebu Malta għadd ta' ħaddiema Ċiniżi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Onor. Membru għandu jispeċifika għal liema rapporti qed jirreferi. Fil-kaz li hemm xi Ċiniżi li ser jiġu Malta biex jaħdmu, dawn l-ewwel iridu japplikaw u jinhargilhom il-permess biex jaħdmu, jekk ikun il-kaz, mid-Dipartiment tac-Ċittadinanza u Expatriates.
17.2.99
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu l-għadd totali ta' mpjegati fil-General Service tas-Servizz Ċivili? Kemm minnhom huma nisa? Kemm minn dawn in-nisa qegħdin fi grad ta' Administrative Officer jew ogħla? F'liema gradi jinsabu rispettivament?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat illi n-numru ta' impjegati fil-gradi tal-
General Service huwa 3999. Minn dawn 2034 huma nisa. Fost
dawn hemm 107 li huma fi grad ta' Principal jew ogħla.
Dawn huma mqassma kif ġej:
3 Officers in Grade V
25 Senior Principals
79 Principals.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed tieħu jew ħadet il-pulizija kontra dawk illi iħammġu l-ambjent b'twaħħil ta' posters ma' ħitan fejn mhux suppost, eżempju klassiku huwa dawk il-posters illi qed jitwaħħlu kuljum ħdejn ir-roundabout tar-Regional Road ħdejhn it-tank tal-gass?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-wiri ta' reklami hu regolat b'Avviż Legali 171 ta' l-1993 (Ordni ta' l-1993, Regolamenti dwar Reklami). Infurmat ukoll illi żewġ reklami li twaħħlu fil-post indikat mill-Onorevoli Interpellant ġew imneħħija mill-Pulizija peress li ma kienx magħruf min waħħalhom.
17.02.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li kien il-gross fixed capital formation is-sena li għaddiet rigward: (a) bini u xogħol ta' kostruzzjoni; (b) tagħmir tat-trasport; (c) makkinarju; (d) tagħmir elettriku u appliances; u (e) investiment ieħor? Kemm minn dan kien investiment Malti u kemm barrani? Kif jikkomparaw dawn iċ-ċifri mas-sentejn ta' qabel?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-valur totali tar-riżervi barranin tal-Bank Centrali fl-ewwel tas-sena? Kif tikkompara din iċ-ċifra ma' l-istess data fil-ħames snin ta' qabel?
Response (DALLI, JOHN)
Il-valur totali tar-riżervi barranin tal-Bank Ċentrali ta` Malta fl-ewwel tas-sena 1999 kien Lm610,818,000*.
Il-pożizzjoni tar-Riżervi Barranin fil-ħames snin ta` qabel kienu:
Sena Riżervi Differenza fuq % differenza
Lm `000 is-sena ta` qabel fuq is-sena ta` qabel
Lm `000
01.01.94 533,400 --
01.01.95 617,644 84,244 15.79 %
01.01.96 508,693 (108,951) (17.64)%
01.01.97 508,577 (116) (0.02)%
01.01.98 541,602 33,025 6.49 %
01.01.99 610,818 69,216 12.78 %
*Din il-figura hija proviżorja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-għadd totali ta' familji li qed jiġu assistiti b'self mil-Lohumbus Corporation biex jixtru d-dar fejn joqogħdu? Kemm hu s-self totali mogħti mil-Lohumbus Corporation biex id-djar konċernati jsiru proprjeta' tas-sidien?
Response (BONNICI, JOSEF)
Minħabba n-natura kummerċjali tal-Lohombus Bank, mhux fl-interess tal-Bank li tingħata l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-valur ta' l-esportazzjoni minn Malta għas-sena 1998 li tgawdi minn Gerneralised System of Preferences (GSP) u liema pajjiżi jiffavorixxu lil Malta taħt din is-sistema? Xi proporzjon jikkostitwixxi dan l-ammont mill-valur ta' esportazzjoni totali għall-istess sena?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-għadd totali ta' kumpanniji fuq ir-Reġistru tal-Commercial Partnerships fl-aħħar ta' l-1998? Jista' l-Ministru jgħid jekk għadx baqa' kumpanniji li għadhom ma kkonformawx mar-regolamenti dwar ir-reġistrazzjoni tal-commercial partnerships? Jekk għad baqa', kemm hu n-numru tagħhom u x'passi qed jittieħdu biex jikkonformaw?
Response (DALLI, JOHN)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Membru li sa l-aħħar ta` l-1998 kien hemm 23,900 kumpanniji fuq ir-Reġistru, li minnhom 5053 kienu jew xolti jew li kellhom isimhom imħassar minn fuq ir-Reġistru.
In-numru ta` kumpanniji li s`issa għadhom ma kkonformawx ma` l-Att ta` l-1995 dwar il-Kumpanniji huwa ta` 941. L-Onorevoli Membru japprezza li huwa diffiċli ħafna, biex ma ngħidx impossibbli, li wieħed iġiel lill-dawn il-kumpanniji jikkonformaw. B`dana kollu, tajjeb li wieħed għid, li bis-saħħa ta` l-Att Numru XXX ta` l-1997 il-Ministru responsabbli għar-reġistrazzjoni ta` soċjetajiet kummerċjali jista` b`ordni fil-Gazzetta jistabbilixxi data li fiha dawk il-kumpanniji kollha li jkunu għadhom ma kkonformawx jitqiesu bħal kumpanniji li ma jkunx qed joperaw u wara l-proċeduri preskritti bil-liġi isimhom jitħassar minn fuq ir-Registru. Peress li sal-lum għad hemm kumpanniji li qed jikkonformaw, ma jidhirlix li jkun pass għaqli u fl-interess nazzjonali li tiġi pubblikata l-imsemmija ordni fil-Gazzetta.