Legislature:
Category:
Reset
Active:

UE — Rapport fuq Malta

Question

Fid-dawl tar-rapport li għadu kemm ħareġ fuq Malta mill-UE, jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-oġġetti mportati li għandhom levy fuqhom illum? Kemm hi l-levy fuq kull oġġett? Kif u fuq liema time scale beħsiebu jimxi l-gvern biex dawn il-levies jitneħħew fid-dawl tar-rapport riċenti?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba tinsab fil-Local Manufacturers Promotion Act ta' l-1989 u l-emendi relattivi kif pubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, għadu kmieni biex wieħed jitkellem dwar time scale.
Leg 9 PQ #5081 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Kaċċaturi/nassaba

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn kaċċaturi u nassaba liċenzjati llum? Kemm hawn pendenti? Kemm ġew milqugħa applikazzjonijiet ġodda kull sena għal dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bħalissa hawn 11,092 persuna li għandhom liċenzja ta' kaċċa jew insib, filwaqt li n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti hu ta' 286. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi din l-istatistika ma tinżammx. 02.03.99
Leg 9 PQ #5082 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Għasafar li jiġu maqbuda

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi jsir mill-għasafar maqbuda mill-pulizija jew mid-dwana li jinqabdu jiddaħlu llegalment f'pajjiżna? Kemm inqabdu s-sena l-oħra u x'tip kienu? Kemm mietu waqt li kienu taħt idejn il-pulizija? Fejn intelqu dawn l-għasafar, kemm intelqu u x'tip ta' kontroll isir mid-Dipartiment ta' l-Intern biex jiżgura li ħadd ma jabbuża u jieħu għalih minn dawn l-għasafar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-għasafar maqbuda mill-Pulizija jew mid-Dwana li jkunu ddaħħlu Malta llegalment jistgħu jiġu liberati jew jintbagħtu kwarantina. Infurmat ukoll illi matul l-1998 il-Pulizija kienet involuta fil-qbid ta' 2,377 għasfur ta' diversi razzez, kif murija fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ma tinżammx statistika ta' kemm imutu għasafar waqt li jkunu miżmuma għand il-Pulizija. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, jien infurmat illi l-għasafar jintelqu fil-ġonna ta' San Anton jew tal-Buskett jew inkella f'xi ġonna pubbliċi oħra, fil-preżenza tal-perit nnominat mill-Qorti u uffiċjali mid-Dipartiment ta' l-Ambjent u d-Dwana. 02.03.99
Leg 9 PQ #4202 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Impjegati/reliġjużi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu l-għadd ta' reliġjużi (qassisin, sorijiet u patrijiet) impjegati fis-servizz tal-gvern jew f'istituzzjonijiet li jitmexxew b'fondi pubbliċi? Min huma u x'xogħol jagħmlu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat illi n-numru ta' reliġjużi mpjegati mal-Gvern huwa ta' 58. Dettalji dwar dawn ir-reliġjużi huma miġbura f'tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jiċċara xi jrid ifisser b'istituzzjonijiet li jitmexxew b'fondi pubbliċi.

Prezzijiet — Indiċi tal-prezzijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu complaints dwar għoli ta' prezzijiet fid-diversi dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu dan ix-xahar? Kemm daħlu complaints fis-sitt xhur ta' qabel xahar b'xahar? X'kienu l-affarijiet li ġew irrapportati li għolew?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li matul Jannar 1999, fil-Consumer Complaints Unit (Freephone 120) tad-Dipartiment għall-Affarijiet tal-Konsumatur, daħlu 245 ilment. In-numru ta' lmenti, xahar b'xahar, li daħlu fl-istess Dipartiment fis-sitt xhur ta' qabel kien kif ġej:- XAHAR NUMRU TA' LMENTI Ġunju 102 Lulju 70 Awissu 118 Settembru 55 Ottubru 51 Novembru 30 Diċembru 26 L-ilmenti saru dwar dawn il-prodotti: affarijiet ta' ikel u xorb, żraben u ħwejjeġ, għamara, appliances, ġugarelli, tabakk u sigaretti, xi tipi ta' mediċini, pumi tal-bibien, souveniers, water filters, note-pads, riklami, ikel tal-qtates, insettiċidi, disinfettanti u deterġenti, prodotti tax-xagħar, nappies u toilet paper, żejt tal-karozzi, hair cuts u dwar servizzi ta' karozzi u pparkjar.
Leg 9 PQ #4422 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Suldati

Question

Peress li ħafna suldati qed jagħmlu xogħol simili ħafna għal dak ta' pulizija, jista' l-Prim Ministru jikkonsidra li ssir riorganizzazzjoni ta' l-iskali tal-grad fiċ-Ċivil għal membri ta' l-Armata?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-istruttura tal-pagi tal-militar diġa hija abbinata ma dik tas-Servizz Ċivili. Fil-fatt il-pagamenti għall- imjegati taċ-Ċivil skond il-Ftehim Kollettiv ser jingħataw ukoll lill-membri ta' l-Armata.
Leg 9 PQ #5068 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tas-Saħħa

Spiżeriji ġodda — Permessi

Question

Fid-dawl tar-rapport dwar Malta mill-Unjoni Ewropea, jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern iridx ibiddel il-mod kif joħorġu permessi għal spiżeriji ġodda? Kif iridu jsiru il-permessi aktar 'il quddiem billi sal-lum l-ispiżeriji jgawdu minn ċertu protezzjoni?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Fit- 2 ta' Settembru 1998, il-Ministeru tas-Saħħa ħatar Kumitat magħmul minn rappresentanti tad-Dipartiment, tal-Kamra tal-Ispiżjara u l-GRTU biex flimkien joħorġu proposti dwar liċenzjar ta' spiżeriji u kif tista' titħaddem sistema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek. Il-Kumitat ippreżenta rapport f'Diċembru 1999, li għadu qed jiġi diskuss. Għalhekk għadu kmieni biex ngħid kif ser ikun il-mod li bih ser joħorġu jew kif iridu jsiru l-permessi tal-Ispiżeriji.

Vetturi — Xiri

Question

Fid-dawl tar-rapport dwar Malta mill-Unjoni Ewropea, jista' l-Gvern jgħid jekk il-gvern iridx jilliberalizza x-xiri ta' taxis (il-bojod), minibuses (il-ħomor) u karozzi fuq tal-linja li sal-lum jgawdu l-protezzjoni?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li r-rapport imsemmi jgħamel xi referenza għas-setturi ndikati mill-Onor. Interpellant.
Leg 9 PQ #5075 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kaċċaturi/nassaba

Question

Fid-dawl tar-rapport li ħarġet l-UE dwar Malta, jista' l-Prim Ministru jserraħ ras il-kaċċaturi u nassaba Maltin billi jwiegħed lil dawn l-eluf ta' dilettanti li l-gvern se jżomm kelmtu magħhom u mhux se jbiddel ir-regolamenti tal-kaċċa u nsib u se jħallihom kif inhuma bħalma wiegħed qabel l-elezzjoni minkejja kull pressjoni li qed issir jew tista' ssir mill-istess Unjoni Ewropea?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt illum għad-domanda Nru 4992 magħmula minn Nutar Joe Cilia.
Leg 9 PQ #5076 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Ambjent

Kaċċa/insib

Question

Fid-dawl tar-rapport li ħarġet l-UE dwar Malta, jista' l-Ministru jgħid kif iridu jitbiddlu r-regolamenti attwali rigward il-kaċċa u nsib biex jiġu konformi mal-Bord Directive tal-UE? Fid-dawl ta' l-istess rapport, jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux il-ħsieb illi jġib ir-regolamenti ta' pajjiżna konformi ma' ta' l-UE? Jekk iva, meta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4992 li qed jagħti l-Prim Ministru f'din is-seduta.
Leg 9 PQ #4415 Sitting 68 1999-02-24 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Reklamar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq flus il-gvern fuq advertising konness mad-dħul tal-VAT u l-amministrazzjoni tagħha qabel l-1 ta' Jannar u wara? Fiex intnefqu dawn il-flus?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta` flus li nefaq il-Gvern fuq advertising konness mad-dħul tal-VAT u l-amministrazzjoni tagħha qabel l-1 ta` Jannar u wara hu kif ġej: Avviżi f`Gazzetti Lm 390.00 Spejjeż ta` Produzzjoni Lm 30.00 Leaflets ta` Informazzjoni Lm2,709.00 Total Lm3,129.00

VAT — Reklamar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq flus il-ministeru fuq advertising konness mad-dħul tal-VAT u l-amministrazzjoni tagħha qabel l-1 ta' Jannar u wara? Fiex intnefqu dawn il-flus?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-ammont totali li tħallas għal reklamar sal-31 ta' Diċembru 1998 in konnessjoni mad-dħul u l-amministrazzjoni tal-VAT kien ta' Lm2259.34c. Dan l-ammont intefaq biex ġew reklamati laqgħat ma' dawk li jaħdmu għal rashom fejn ġie spjegat lilhom it-tħaddim tas-sistema. Rigward ammonti mħallsa wara l-1 ta' Jannar 1999, l-informazzjoni għadha qed tinġabar
Leg 9 PQ #4417 Sitting 68 1999-02-24 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat ma' korpi kostitwiti jew mal-pubbliku interessat, self-employed, eċċ. in konnessjoni mal-VAT, kemm saru qabel id-dħul tal-VAT u kemm saru wara?

Response (DALLI, JOHN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat fis-Seduta 48 għall-mistoqsija Numru 2921 dwar laqgħat u konsultazzjonijiet li saru dwar id-dħul tal-VAT. Dawn il-laqgħat u konsultazzjonijet mmexxija kemm minn Ministri kif ukoll minn uffiċjali tal-Ministeru tal-Finanzi u tad-Dipartiment tal-VAT għadhom għaddejjin b`mod regolari u ser jibqgħu sejrin sakemm tinħass il-ħtieġa.
Leg 9 PQ #4418 Sitting 68 1999-02-24 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabsin — Amnestiji

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hijiex qed tiġi kkonsidrata amnestija lill-ħabsin mal-bdil tal-President u mal-wasla tal-millenju? Jekk iva, min se jibbenefika?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat. 24.02.99
Leg 9 PQ #4419 Sitting 68 1999-02-24 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Reati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati reati lill-pulizija matul ix-xahar ta' Jannar 1999? X'tip ta' reati kienu?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4266 f'Seduta 65. 24.02.99
Leg 9 PQ #4420 Sitting 68 1999-02-24 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Anzjani - Reati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni anzjani li kienu vittma ta' reat matul ix-xahar ta' Jannar 1999? X'tip ta' reati kienu u kemm kellhom eta'?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-informazzjoni tkopri kull tip ta' reat in ġenerali u mhux biss attakki fuq l-anzjani. Dawn l-attakki fuq l-anzjani kienu jikkonsistu f' 15-il inċident u ċioe' 16% tat-total. 24.02.99
Leg 9 PQ #4409 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Ambjent

Swatar — Tiswija ta' triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi rranġata u mogħtija t-tarmac it-triq li twassal għal flats tal-gvern fis-Swatar, l-Imsida fuq in-naħa ta' wara?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #4410 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Swatar - Pjanijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet u/jew permess għandha quddiemha l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal area tas-Swatar, Msida?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-iżvilupp fl-inħawi ta' Swatar huwa rregolat mill-iskema ta' l-iżvilupp ta' l-inħawi. Peress li din l-area għada qed tiżviluppa, l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tirċievi regolarment talbiet għal kull tip ta' żvilupp, iżda l-aktar komuni huma għal żvilupp residenzjali. 23.02.99
Leg 9 PQ #4411 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Ambjent

Msida — Għajn tal-Ħasselin - Tindif

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi imnaddfa l-Għajn tal-Ħasselin, l-Imsida? Jista' l-Ministru jgħid x'jista' jsir biex l-għajn terġa' tingħata l-importanza li jixiriqilha billi tiġi rranġata, restawrata u jekk hemm bżonn anke imċaqalqa għal post ieħor aktar addattat ġewwa l-Imsida?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi l-proġett biex insebbħu l-Għajn tal-Ħasselin huwa maħsub li jibda għall-bidu ta' April 1999 u naturalment it-tindif isir waqt ix-xogħol ta' skavar u wara wkoll.
Leg 9 PQ #4412 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Serqiet minn fuq jottijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapporti serqiet minn fuq yachts li hemm ġewwa il-Yacht Marina ta' l-Imsida u Ta' Xbiex is-sena li għaddiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-1998 ġew irrapurtati 38 serqa minn fuq dgħajjes mill-Yacht Marinas ta' l-Imsida u Ta' Xbiex. 23.02.99