Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija rnexxiliex issib iż-żiemel li sfratta dan l-aħħar ġewwa l-Ħamrun u li kkaġuna ħafna ħsara waqt il-ħarba tiegħu? X'tip ta' passi se jieħu l-gvern biex affarijiet bħal dawn ma jerġgħux jiġru billi jekk sid iż-żiemel ma jinstabx kulħadd se jibqa' billi ħa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-investigazzjoni li għamlet il-Pulizija s'issa, għadu ma ġiex stabbilit min huwa sid dan iż-żiemel. Ninsab infurmat ukoll illi ser jiġi kkunsidrat mezz kif żwiemel ikunu reġistrati ma' l-awtoritajiet.
26.04.99
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk humiex se jittieħdu passi kontra dawk l-impjegati taċ-Ċivil li jirrifjutaw li jiġu eżaminati mit-tobba mibgħuta mill-gvern għax ikunu morda, jekk it-tabib tal-fiduċja tagħhom ma jkunx preżenti waqt dan l-eżami?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jittieħdux passi jew le ta' dixxiplina kontra mpjegati li
jirrifjutaw li jiġu eżaminati mit-tobba mibgħuta mill-gvern
jekk it-tabib tal-fiduċja tagħhom ma jkunux preżenti,
jiddependi miċ-ċirkustanzi ta' kull każ.
Jista' l-Ministru jara li titwaħħal bozza fi Triq l-Imradd, f'Ta' Xbiex billi hemm dlam esaġerat bil-lejl u r-residenti kellhom iwaħħlu spot light huma għal spejjeż tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba għal dawl adekwat fit-triq imsemmija qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-korporazzjonijiet, azjendi jew entitajiet li fihom il-gvern għandu sehem maġġoritarju li ngħataw xi forma ta' sussidju s-sena l-oħra?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ażjendi li fihom il-gvern għandu sehem maġġoritarju u li matul is-sena li għaddiet ingħataw xi forma ta` sussidju huma l-Malta Drydocks u l-Korporazzjoni Malta Freeport.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' korporazzjonijiet, azjendi jew entitajiet li fihom il-gvern għandu sehem maġġoritarju u li llum igawdu minn monopolju u/jew xi forma ta' protezzjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-korporazzjonijiet, ażjendi u entitajiet, formanti parti mid-dikasteru tal-Ministeru għas-Servizzi Ekonomici, li fihom il-gvern għandu sehem maġġoritarju li llum igawdu monopolju jew xi forma ta` protezzjoni huma l-Maltacom, Matla International Airport, Il-Korporazzjoni Enemalta, il-Maltapost, it-Tug Malta, Il-Gozo Channel, is-Sea Malta, il-Medigrain u l-Kordin Grain Terminal.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-oqsma jew tip ta' servizzi offruti mill-privat jew minn persuni li huma self-employed u li llum għandhom xi forma ta' protezzjoni, per eżempju, taxis bojod, mini buses ħomor, furnara, funeral hearses, karozzini, pompi tal-petrol, spiżeriji, karozzi fuq tal-linja, burdnara, cable TV, mobile phone supply, pitkala, kerosine hawkers, distributuri tal-gass u oħrajn)? X'tip ta' protezzjoni jingħataw dawn l-oqsma u oħrajn li ma semmejtux?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta se tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inbiegħu litri ta' petrol unleaded u leaded f'Jannar u Frar ta' din is-sena? Kemm inbiegħu fl-istess xhur is-sena li għaddiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba hija kif ġej:
UNLEADED LEADED
Jannar 1998 2,170,880 5,693,070
Frar 1998 1,994,230 5,232,450
Jannar 1999 2,182,900 4,972,020
Frar 1999 2,333,790 5,194,050
Kif jidher minn din it-tabella, l-użu tal-pertol leaded baqa` jinżel waqt li l-użu tal-petrol unleaded baqa` jiżdied.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' xogħlijiet iridu jsiru fil-Ponta taċ-Ċirkewwa u/jew l-Imġarr biex dawn jitranġaw ħalli jsiru aktar adattati kemm għall-użu tal-passiġġieri kif ukoll biex fihom jitrakkaw il-vapuri tal-Gozo Channel il-ġodda li s'issa għadhom qed jinbnew? Meta se jibda x-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li sal-lum l-Awtorita ta` l-ippjanar qatt ma ħarġet permessi għax-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant. Bħalissa għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet meħtiega biex joħorġu l-permessi neċessarji u jkun jista` jinbeda x-xogħol meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-karozzi u vejikoli tal-gvern, pulizija u Armata humiex se jkollhom joqogħdu għal vehicle road test bħal karozzi u vejikoli tal-privat?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-vetturi kollha li huma wżati mill-gvern, pulizija u armata ser ikollhom joqogħdu għall-VRT.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu t-taħdidiet dwar in-national health scheme, it-tqassim ta' mediċini mill-ispiżeriji privati u l-ingaġġ ta' tobba li jaħdmu ma' kumpannija privata biex isiru fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Birkirkara?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li t-taħdidiet mal-MAM u l-Malta College of Family Doctors rigward ir-riforma fil-qasam tal-Kura Primarja ser jissoktaw wara li ngħatat rejazzjoni mill-Kabinett fuq ir-rapport li kien ippreżentat.
It-taħdidiet dwar it-tqassin ta' mediċini mill-ispiżeriji privati għadhom għaddejjin u nittama li ma jdumx ma jiġi pprżentat rapport finali.
Il-proposta minn kumpannija privata dwar ingaġġ ta' tobba għaċ-Ċentru tas-Saħħa ta' B'Kara għadha qed tiġi evalwata.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma t-tobba li qed jintbagħtu jinvistaw impjegati taċ-Ċivil li jkunu fuq is-sick leave? Kemm qed jitħalsu? Dawn huma tobba tal-gvern jew imqabdin mill-privat? Mill-privat saru xi call for applications jew tenders għal dan it-tip ta' xogħol minn kumpanniji ta' tobba li joffru dan is-servizz? Dan ix-xogħol qed isir minn tobba privati? Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt relevanti?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lil Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt
għall-Mistoqsija Numru 5325 fid-9 ta' Marzu 1999.
Billi skond il-Kodiċi ta' Etika tal-medical council, meta tabib jiġi mibgħut mill-employer biex jivverifika kas ta' sick leave fuq impjegat, it-tabib għandu jinforma lill-marid li għandu d-dritt illi jkollu t-tabib privat tiegħu waqt li jkun qed jiġi eżaminat, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk it-tobba li qed jintbagħtu fuq impjegati taċ-Ċivil humiex jagħmlu dan u jekk l-impjegati taċ-Ċivil ġewx mgħarfa li huma għandhom id-dritt jirrifjutaw li jiġu eżaminati mit-tabib tal-gvern jekk it-tabib tagħhom ma jkunx preżenti?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li skond il-Kodiċi ta' l-Etika tal-
Professjoni tagħhom, it-tobba għandhom jinfurmaw il-pazjent
li għandu d-dritt li jkollu t-tabib privat tiegħu preżenti
waqt l-eżami mediku.
Ir-risposta għat-tieni parti tad-domanda hija fin-negattiv.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħatat sussidju l-kumpannija PBS is-sena l-oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Gvern jawtorizza lill-PBS iżżomm il-flus miġbura mill-ħlas tal-liċenzji wara li taqta' l-ispejjeż biex jinġabru dawn l-istess flus. Id-dħul mil-liċenzji kien jammonta għall-Lm2,314,000 fl-1998.
Jista' l-Ministru jipprovdi lista tal-makkinarju li għadda f'idejn il-kumpannija Novita mill-Kalaxlokk meta din waqgħet taħt il-kontroll tagħha u kemm ġabet lura makkinarju magħha l-Kalaxlokk meta ma baqgħetx responsabbli għaliha u għall-ħaddiema tan-Novita?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta` makkinarju, inġenji u vetturi prinċipali li jinsabu f`idejn il-kumpanija Novita`.
Il-kiri ta` makkinarju lill-kumpanija msemmija huwa regolat minn ftehim li sar fis-7 ta` Novembru 1994 u għandu jibqa` hekk regolat sakemm jispiċċa l-kuntratt tax-xogħol ta` Terminal 2 tal-Malta Freeport. Kien hemm xi makkinarju li bi ftehim bejn il-partijiet ġie ritornat lill-Kalaxlokk. Dan il-makkinarju ritornat jikkomprendi sitt containers ta` sitt metri -il wieħed, pedestrian roller,van, tlett mobile officers, JCB u mechanical horse.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha dejn jew liabilities il-Korporazzjoni Enemalta llum? Kemm għamlet qliegħ/telf is-sena l-oħra?
Response (BONNICI, JOSEF)
Skond il-Management Accounts għas-sena li għalqet fit-30 ta' Marzu 1998, l-Enemalta kellha dejn u liabilities fl-ammont ta' Lm141.9 miljuni. Il-qliegħ għas-sena finanzjarja bejn l-1 ta' Ottubru 1997 u t-30 ta' Settembru 1998 kien jammonta għal Lm8.4 miljuni.
Dawn l-aħħar figuri huma proviżorji peress li fuq is-sezzjoni ta' l-elettriku ħafna mill-kontijiet għall-konsum għad iridu joħorġu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha dejn it-Tarzna llum? Kemm għamlet qliegħ/telf is-sena l-oħra?
Response (BONNICI, JOSEF)
Sal-31 ta' Diċembru 1998, it-Tarzna ta' Malta kellha dejn ta' Lm122,953,423. It-telf li kellha din l-azjenda fi tmiem is-sena 1998 kien ta' Lm7,550,184 li żdied għal Lm8,664,890 wara li għal darb'oħra kien hemm telf fuq il-vapuri Russi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ġew diagnosed li qed ibatu minn xi forma ta' cancer is-sena l-oħra? Kemm mietu b'din il-marda s-sena l-oħra? X'tip ta' cancer kellhom dawk li ġew diagnosed u dawk li mietu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor interpellant li l-informazzjoni mitluba hi skond il-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.