Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn bearer accounts ġo banek Maltin illum u kemm kien in-numru sena b'sena, fl-aħħar ħames snin?
Response (DALLI, JOHN)
L-ammont totali ta` bearer accounts ġo banek Maltin sa l-aħħar ta` Mejju 1999 kien ta` 8,616 waqt li n-numru ta` kontijiet fl-aħħar ħames snin kienu:
L-aħħar tas-Sena Numru Attwali ta` kontijiet
Diċembru 1994 17,123
Diċembru 1995 12,404
Diċembru 1996 10,518
Diċembru 1997 9,694
Diċembru 1998 8,890
Il-banek jinkludu: Bank of Valletta plc, Mid-Med Bank plc, APS Bank Ltd, u Lombard Bank Malta plc.
In vista tal-fatt li fl-aħħar tax-xahar li għadda il-Prim Ministru bassar ftehim finali dwar il-ħaddiema ta' Kalaxlokk fi żmien ġimgħa, jista' l-Ministru jgħid huwiex f'pożizzjoni jinforma lill-Kamra xi żviluppi konkreti kien hemm? Kemm hemm ħaddiema li sal-lum qed jirċievu l-paga d-dar sakemm tinstab soluzzjoni u kemm ilhom jirċievu l-paga b'dan il-mod?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kif jaf l-onorevoli Interpellant, il-ġimgħa li għaddiet il-Gvern għadda lill-GWU abbozz finali ta' ftehim li għandu jwassal għal soluzzjoni tal-problema tal-ħaddiema ta' Kalaxlokk.
In-numru ta' ħaddiema li jirċievu l-paga waqt li qegħdin id-dar għaliex ma jkunx hemm xogħol għalihom ivarja u għaldaqstant qed nagħti l-informazzjoni mitluba xahar b'xahar minn Diċembru 1998:
Diċembru 1998 234 ħaddiem
Jannar 1999 199 ħaddiem
Frar 1999 227 ħaddiem
Marzu 1999 228 ħaddiem
April 1999 211 ħaddiem
Mejju 1999 192 ħaddiem
Ġunju 1999 188 ħaddiem
Jista' l-Prim Ministru jgħarraf lill-Kamra x'riżultati nkisbu wara t-tħaffir orizzontali li beda f'nofs April fil-livell ta' madwar 5,800 metru fond fil-Bir Madonna taż-Żejt f'Kerċem u wara testijiet li kellhom isiru fl-ewwel nofs ta' dan ix-xahar?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li x-xogħol fil-bir f'Kercem għadu ma ntemmx u għaldaqstant għad m'hemmx riżultati ġodda.
B'riferenza għar-rapport f'The Malta Independent on Sunday tat-13 ta' Ġunju, jista' l-Ministru jikkonferma li ġurnalisti ġew miċħuda aċċess għall-immigranti llegali f'Ta' Kandja għal raġunijiet ta' sigurta'? In vista ta' inċident li kien inqala' f'Ta' Kandja xi ġranet qabel, jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex ikun żgurat, b'mod indipendenti, li fl-inċident imsemmi ma ntużatx forza eċċessiva u li n-nies miżmuma f'Ta' Kandja kienu qed jinżammu taħt kondizzjonijiet raġonevoli u aċċettabbli qabel ma nqala' l-inċident?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li mhix il-prattika li ġurnalisti jkollhom aċċess għal postijiet ta' detenzjoni bħalma hu ta' Kandja. Dwar l-inċidenti li nqala` f'Ta Kandja xi ġranet ilu, infurmat li qed issir investigazzjoni interna. Il-Korp tal-Pulizija qiegħed jagħmel minn kollox sabiex l-immigranti llegali jinżammu f'atmosfera konfortabbli kemm jista` jkun. Il-kondizzjonijiet ta' dawn l-Immigranti ġewwa Ta' Kandja huma aċċettabli u raġonevoli.
Nieħu pjaċir ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Pulizija tal-Immigrazzjoni irnexxielha tnaqqas sostanzjalment in-numru ta' immigranti llegali billi ħadet ħsieb li jiġu ripatrijati - ħaġa mhux dejjem faċli peress li dawn il-persuni ma jkollhomx dokumenti.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu l-għadd ta' uffiċjali pubbliċi: a) fid-Dipartiment tat-Taxxi Interni; b) fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar; u c) fid-Dipartiment tal-Protezzjoni ta' l-Ambjent li għandhom permess jagħmlu xogħol barrani, inkluż xogħol ta' konsulenza? X'kontrolli hemm biex dawn ma jagħmlux xogħol barrani li jpoġġihom f'konflitt ta' interess?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Għar-rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija nixtieq nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 1431.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat illi skond paragrafu 7.1.11 ta l-Estacode, l-uffiċjali pubbliċi nfushom għandhom jevitaw kull interess finanzjarju jew ta natura oħra kif ukoll kull attivita oħra li tista direttament jew indirettament tikkomprometti l-qadi ta' dmirijiethom. F'ħafna każi, l-uffiċjal konċernat biss jista jkun jaf bil-potenzjal ta konflitt. Għalhekk huwa dmir ta' l-uffiċjali li jgħarraf lis-superjuri tiegħu jew tagħha kemm-il darba jkun hemm potenzjalment jew realment, konflitt ta' interess.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa kapitali tal-gvern fl-aħħar għaxar snin u kemm kienet in-nefqa rikorrenti kull sena fl-istess perijodu?
Response (DALLI, JOHN)
L-infiq kollu tal-Gvern, kemm dak Kapitali kif ukoll dak Rikorrenti, sena b`sena mill-1985 `il hawn, jinsab ippubblikat fil-ktieb `Consolidated Account Structure - Trends & Projections 1985 - 2004`, li tqassam ukoll fil-Kamra tar-Rappreżentanti fil-25 ta` Novembru li għadda.
S`intendi, din l-informazzjoni tiġi ppubblikata wkoll kull sena mit-Teżor fil-Gazetta tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' yachts li għandhom berth permanenti f'Malta fl-ewwel ta' din is-sena? Kemm daħlu pleasure yachts f'portijiet Malta, kull sena, fl-aħħar ħames snin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru ta` rmiġġi permanenti allokati għall-Yachts f`Jannar ta` din is-sena kien kif jidher hawn taħt:
Malta 770
Għawdex 156
Jien infurmat ukoll li n-numru ta` `Pleasure Boats` li daħlu fil-`Yachting Centres` matul dawn l-aħħar ħames snin huwa kif jidher hawn taħt:
1994 1463
1995 1458
1996 1307
1997 1368
1998 1186
1999 (sa Mejju) 195
Billi llum ħadd ma għandu permess "to carry an airgun for sporting purposes" u ma hawnx permess biex ranges ta' dan l-isport joperaw, jista' l-Ministru jispjega kif, filwaqt li fil-prattika kull Malti li jgħix Malta ma jistax jiprattika dan l-isport b'mod legali, il-Kumitat Olimpiku Malti bagħat għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar żewġ Maltin biex jirrappreżentaw lil Malta f'din id-dixxiplina sportiva li sal-lum f'Malta hija illegali? Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi konsultazzjoni bejnu u l-Kumitat Olimpiku Malti fuq din il-kwestjoni u jekk iva, jista' jispeċifika? Jista' l-Ministru jgħid jekk waqt l-għażla ta' dawn il-kompetituri hemmx xi ksur tal-liġi? Jista' l-Ministru jgħid jekk dawn il-persuni kellhomx xi permess speċjali biex jittrenjaw fir-range tal-Bidnija u jekk le sarx ksur tal-liġi waqt it-training tagħhom? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-talba għall-ħruġ ta' permess tax-xogħol (work permit) għall-coach mit-turkmenistan li nġib apposta biex jittrenja lil dawn il-persuni? Jista' l-Ministru jispjega għaliex din il-persuna ngħatat permess biex tikkowċja sport li sal-lum għadu kontra l-liġi? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija tatx permess biex isir sparar ta' airguns fil-fiera ta' l-isports and leisure li saret fin-Naxxar, ġewwa l-iskola St Martins l-week-end li għadda u ġewwa l-lunapark tal-Blata l-Bajda? Jekk le, x'passi ħadet wara li kien hemm sparar kontra l-liġi f'dawn il-postijiet? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija hijiex qed tinvestiga ritratt li deher f'"The Times" nhar it-Tnejn 7 ta' Ġunju fejn persuna qed tikser il-liġi billi tispara arma kontra l-liġi? X'passi ħa l-Ministru jew qed jieħu biex jassigura li fir-ranges li hawn u li minkejja li ilhom lesti tliet snin għad ma hemmx permessi biex jintużaw, biex ma jsir ebda sparar kontra l-liġi? Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-gvern fuq dan l-isport u meta l-gvern beħsiebu jagħti l-permessi meħtieġa biex il-Maltin ikunu jistgħu jużaw l-airgun for sporting purposes? Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet bejn il-Ministeru u l-Pulizija biex joħorġu l-permessi ħalli r-ranges jintużaw? Hija proċedura normali li biex tittieħed deċiżjoni fuq sport illi huwa prattikat mad-dinja kollha fi tliet snin għadha ma ttieħdet ebda deċiżjoni? Jista' l-Ministru jgħid jekk permess to "carry a firearm for sporting purposes" jikkwalifikax lil dak li jkun biex juża airgun waqt xi forma ta' kaċċa? Jekk le, għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Din id-domanda ma messha qatt saret għaliex hi ksur ċar tal-Ordnijiet Permanenti. Ma jistax ikun li jsiru dstatax (19)-il domanda f'domanda waħda! Ma nsib l-ebda oġġezzjoni li nwieġeb domandi dwar dan is-suġġett, meta jsiru skond l-Ordnijiet Permanenti.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi rranġata u mogħtija t-tarmac it-Triq N/S in St. Venera Road, Imsida?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-toroq imsemmija qegħdin imniżżla fil-programm ta` xogħolijiet li qed iħejji d-Dipartiment flimkien mal-Kunsilli Lokali, u x-xogħol isir skond il-prijoritajiet li ser jiżviluppaw minn dan il-programm dwar it-toroq lokali, li hu differenti mill-programm dwar it-toroq arterjali.
Jista' l-Ministru jgħid min impjega l-coach mit-Tarkmenistan li akkumpanja tiraturi Maltin waqt il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar? Kemm dam Malta u kemm tħallas waqt li kien hawn fuq ix-xogħol tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ħatriet ta' coaches li akkumpanjaw diversi sportivi fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar sar mill-Kumitat Olimpiku Malti. Għalhekk ma nistax nirrispondi għall-mistoqsijiet dwar kemm dam Malta u kemm tħallas għax-xogħol tiegħu.
Fir-rigward ta' talbiet għal transfers mill-pulizija fuq subject forms, jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija in kwestjoni jiġux mgħarfa dwar x'passi tkun qed tieħu l-amministrazzjoni tal-pulizija biex it-talba tagħhom tiġi milqugħa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi wara li t-talbiet minn membri tal-Korp tal-Pulizija għall-trasferiment ikunu ġew ipproċessati, il-membru involut ikun infurmat bl-eżitu.
04.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru transfers fil-korp tal-pulizija mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Minn fejn u għal fejn saru? Kemm saru wara talba mill-uffiċjal involut u kemm saru mingħajr talba? Kemm ġew milqugħa talbiet?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għall-perijodu Settembru 1998 sat-8 ta' Frar 1999, nirreferieh għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 4535. Ninsab infurmat li bejn id-9 ta' Frar 1999 u s-26 ta' April 1999 kien hemm 51 membru tal-Korp li tbiddlilhom xogħolhom fid-diversi sezzjonijiet tal-Korp.
Ninsab infurmat li bejn Settembru 1998 u s-26 ta' April 1999, fi 42 każ it-tibdil sar fuq talba tal-membru nvolut.
04.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jara li l-bini li kien vojt ġewwa Valley Road, Msida jiġi mbarrat billi qed jidħlu n-nies fihom u qed isir abbuż mid-droga u r-residenti sabu siringi fil-viċin u ġewwa l-bibien miftuħa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-bini li rrefera għalih l-Onor. Interpellant ġie esproprijat għall-finijiet ta' 'slum clearance', u jinsab f'idejn id-Dipartiment għall-Kostruzzjoni u Manutenzjoni ta' Djar. Għalhekk nitolbu biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
04.05.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid meta t-tfal fil-primary year 3 fl-iskola tal-Gżira se jkollhom teacher tal-fiss u mhux supply teacher peress li t-tfal qed isibu problemi billi mhux qed ikollhom teacher tal-fiss? S'issa diġa' kellhom ħames teachers differenti din is-sena.
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'dan iż-żmien tas-sena skolastika mhux possibli li jintlew vakanzi b'għalliema regolari għax ma hemmx disponibbli.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni interdetti u/jew inabilitati mill-qrati tal-ġustizzja ta' Malta u ta' Għawdex? Meta ħareġ id-digriet? Għaliex ġew interdetti u/jew inabilitati?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.