Billi llum wara d-droga l-aktar illi jiġu traffikati huma l-annimali b'mod illegali, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-pulizija illi huma mħarrġa biex jgħarfu l-annimali kollha li llum huma protetti taħt is-Cites Convention?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-membri ta' l-Iskwadra ta' l-A.L.E. tal-Pulizija, għandhom tagħrif bażiku fuq dan is-suġġett, pero` dawn dejjem jikkonsultaw mad-Dipartiment ta' l-Ambjent fejn ikollhom diffikulta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali tad-Dwana li ngħataw taħriġ kif jgħarfu annimali li huma protetti mis-Cites Convention, illum li qed isir ħafna traffikar illegali tagħhom?
Response (DALLI, JOHN)
L-ewwel seminar `Awareness of C.I.T.E.S.` sar fit-22 ta` Settembru 1997. Min dak inhar saru dsatax il-seminar ieħor għall-impjegati tad-Dwana u fihom ipparteċipaw 313. Is-Seminars tmexxew minn esperti fuq is-suġġett mid-Dipartiment ta` l-Ambjent.
Fl-1992 u 1996 żewġ membri ta` l-istaff tad-Dwana attendew għall-seminars barra minn Malta fuq is-C.I.T.E.S. Convention.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni interdetti u/jew inabilitati mill-qrati tal-ġustizzja ta' Malta u ta' Għawdex illum Meta ħareġ id-digriet u għaliex ġew interdetti jew inabilitati?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-lista ta` persuni nterdetti jew inabilitati mill-Qrati ta` Malta ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tat-2 ta` Frar 1999 u dawk tal-Qorti ta` Għawdex ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-5 ta` Jannar 1999.
Għall informazzjoni ulterjuri kull min hu nteressat jista` jirriferixxi għall-atti tal-Qorti li huma atti pubblici u facilment huma accessibbli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm se tiswa l-link road li se tinbena minn Manoel Island sa Regional Road?
Response (GALEA, ĊENSU)
Peress li l-proġett għall-bini tal-`link road` għadu qiegħed jissawwar, għalissa ma tistax tingħata din l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Billi jridu jinqalgħu diversi toroq ġewwa l-Gżira biex jitwassal xi servizz neċessarju infrastrutturali biex ikun jista' jsir ix-xogħol fuq Manoel Island u Tigne', jista' l-Ministru jgħid jekk dan ix-xogħol huwiex se jitħallas minn min se jingħata l-proġett jew mill-poplu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Peress li l-mistoqsija parlamentari tikkonċerna t-tqegħid ta` servizzi l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jaħseb illi għandu jieħu l-gvern mingħand l-MFA f'arretrati tal-VAT? Jista' l-Ministru jgħid jekk issa l-isports kollha humiex se jkunu soġġetti għall-ħlas tal-VAT u jekk le, għaliex?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif diġa` kelli l-okkażjoni inwieġeb għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 7869, se jittieħdu dawk il-provedimenti meħtieġa biex il-VAT li suppost tħallset fl-1995, 1996 u 1997 tiġi maħfura.
B`riferenza għat-tieni parti tal-Mistoqsija, u kif diġa` kelli l-okkażjoni nwieġeb għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 7870, il-provvista minn organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt ta` dawk is-servizzi li għandhom x`jaqsmu ma rikreazzjoni sportiva jew fiżika huma eżenti bla kreditu. Iżda jekk l-istess organizzazzjoni tipprovdi servizz taxxabbli jew prodott taxxabbli bi ħlas, dik l-organizzazzjoni tkun obbligata li tiġbor f`isem il-Gvern it-taxxa dovuta skond l-Att. L-istess sitwazzjoni tapplika wkoll taħt l-Att tal-1997 dwar it-Taxxa tad-Dwana u tas-Sisa mingħajr ebda distinzjoni bejn organizzazzjoni u oħra, dejjem kif ipprovdut fil-liġijiet imsemmija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu kaċċaturi u nassaba jiksru l-liġi din is-sena xahar b'xahar u x'regolament allegatament kisru kull wieħed?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena in-numru ta' kaċċaturi u nassaba li nqabdu jiksru r-Regolamenti ta' l-1993 dwar il-Ħarsien ta' l-Għasafar u tal-Fenek Selvaġġ (A.L. 146/93) kien kif ġej :
Jannar 2
Frar 8
Marzu 10
April 38
Mejju 8
Ġunju xejn
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu nies il-Qorti din is-sena fuq pussess ta' droga u kemm minnhom kienu diġa' tressqu l-qorti qabel fuq akkużi simili?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi din is-sena, sas-17 ta' Ġunju, l-Iskwadra ta' kontra d-droga tal-Pulizija, ressqet quddiem il-Qorti 96 persuna fuq pussess ta' droga, li minnhom 22 kienu reċedivi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li din is-sena sarilhom il-breathalyser test fuqhom? Kemm taw riżultat pożittiv minn dawk ittestjati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn l-1 ta' Jannar u l-15 ta' Ġunju ta' din is-sena kien hemm 91 persuna li sarilhom l-breathalyser test u kollha kienu pożittivi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdet droga mill-pulizija kull sena, sena b'sena, f'dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għas-snin 1989, 1990, 1991, 1992, 1993 u 1998 hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar it-tagħrif għas-snin 1994, 1995, 1996, 1997, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlametari Nru. 69.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-Qorti kull sena f'dawn l-aħħar għaxar snin talli mpurtaw sustanza llegali jew ipprojbita? Kemm minn dawn kienu barranin, x'kienet is-sustanza u kemm kwantita'?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma jinżammx taħt forma ta' statistika.
Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx xi investigazzjoni mill-pulizija dwar ħarba ta' xi stowaway minn fuq il-vapur Mint Arrow waqt li kien fil-Freeport u waqt li kienu mgħassa mill-pulizija? X'kien ir-riżultat ta' l-investigazzjoni, jekk saret, u humiex se jittieħdu xi passi dixxiplinarji kontra min jekk kien responsabbli minn xi nuqqas?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li wara li dan il-każ ġie nvestigat mill-Pulizija, ma rriżultax li kien hemm lok għall-proċeduri dixxiplinarji.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu l-iskop li l-Forzi Armati għandhom recruiting centre meta mbagħad biex wieħed jidħol fil-Forzi Armati jkollu joqgħod għall-eżami pubbliku u miftuħ għal kulħadd?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li r-Recruiting Office tal-Forzi Armati jiġi attivat kull meta jibdew isiru preparamenti għar-reklutaġġ ta' suldati jew uffiċjali-kadetti. Għalkemm bħalissa hemm sejħa għall-applikazzjonijiet biex isir eżami pubbliku miftuħ għal kullħadd taħt il-kontroll tal-Bord ta' l-Eżamijiet Lokali Pubbliċi, ix-xogħol tar-Recruiting Office ta' l-Armata jkun meħtieġ f'diversi fażijiet tal-proċess kif ukoll wara li ssir l-għażla finali biex iwettaq l-ingaġġ proprju.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni li ġew identifikati bħala immigranti klandestini din is-sena? Kemm intbagħtu lura pajjiżhom din is-sena, kemm għadhom hawn? Minn liema pajjiżi huma dawk li nqabdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' klandestini li nqabdu wara li daħlu Malta b'dgħajjes jew li nqabdu fl-ibħra territorjali ta' Malta u nġiebu hawn matul din is-sena kien ta' 144. In-nazzjonalita` ta' dawn il-persuni kienet kif ġej :
Niġerjana, Eġizzjana, Alġerina, Iraqina, Ghaniża, Somala u Sierra Leone.
Ninsab infurmat li total ta' 138 intbagħtu lura pajjiżhom jew fil-pajjiż minn fejn ġew waqt li 6 għadhom f'Malta.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' xogħol għamlu d-dgħajjes/laneċ tal-protezzjoni ċivili kemm ilhom li waslu Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kemm ilhom hawn Malta, id-dgħajjes/laneċ tal-Protezzjoni Ċivili għamlu xogħol li kien jikkonsisti f'taħriġ għall-membri tal-istess Dipartiment. Fil-preżent iż-żewġ laneċ tas-Search and Rescue jinsabu fil-kustodja tal-Iskwadra Marittima tal-Forzi Armati ta' Malta li hija responsabbli għall-intervent immedjat f'każ ta' salvataġġ fuq il-baħar. Dan ix-xogħol isir b'koordinazzjoni mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Ninsab infurmat ukoll li ser jingħata bidu għat-taħriġ intensiv lill-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fuq il-lanċa Garibaldi li nġiebet Malta ftit tal-ġimgħat ilu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-Qorti din is-sena talli ħallew il-klieb tagħhom iħamġu bankini pubbliċi u kemm ittellgħu persuni l-Qorti talli rmew skart jew materjal ieħor fejn mhux suppost?
Response (BORG, TONIO)
Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li ma ttellgħa ħadd il-Qorti, filwaqt li dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li din is-sena sal-15/06/99 itellgħu 10 persuni l-Qorti talli rmew skart jew materjal ieħor fejn mhux suppost.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti din is-sena talli tkellmu ħażin u/jew dgħaw fil-pubbliku? Kemm minn dawn il-persuni kienu ġo xi ground tal-futball meta allegatament wettqu r-reat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi din is-sena (sal-15/06/99), tressqu 385 persuna l-Qorti dwar ir-reati speċifikati fil-Mistoqsija u li 4 minnhom kienu ġo ground tal-football.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' priġunieri l-ħabs ta' Kordin li nstabu li kienu taħt l-effett tad-droga mill-5 ta' Settembru 1998, sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn il-5 ta' Settembru, 1998, u t-18 ta' Ġunju, 1999, in-numru ta' priġunieri l-ħabs ta' Kordin li bħala rutina sarilhom test tal-urina kien ta' 359 li minnhom, 24 irriżultaw posittivi għad-droga.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqadu persuni jitlajjaw għal skopijiet ta' prostituzzjoni mill-5 ta' Settembru 'l hawn? Fejn inqabdu l-persuni nvoluti u x'kienu l-etajiet tagħhom? Kemm minnhom inqabdu aktar minn darba fil-passat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn il-5 ta' Settembru, 1998, u l-15 ta' Ġunju, 1999, inqabdu 127 persuna, li l-eta` tagħhom tvarja minn 14 sa 44 sena, jittlajaw għall-skop ta' prostituzzjoni f'dawn il-lokalitajiet : Ħal Qormi, Gżira, Msida, Ta' Xbiex, Marsa, Qala, Valletta, Buġibba. Ninsab infurmat ukoll li 40 minnhom kienu diġa` nqabdu in konnessjoni ma dan it-tip ta' reat fil-passat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huma t-talbiet pendenti għal social housing illum? Minn liema bliet u rħula huma dawk pendenti u kemm ilhom pendenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi mill-liema bliet u rħula huma l-applikazzjonijiet pendenti quddiem id-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali. L-iżjed applikazzjoni li ilha, daħlet fl-1988 u l-iżjed waħda reċenti hi taż-17 ta' Ġunju 1999.
5.7.99