Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #9613 Sitting 145 1999-09-27 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Ambjent

Manoel Island/Tigne' — Proġett

Question

Billi ħafna toroq ġewwa l-Gżira jridu jinqalgħu biex isir ix-xogħol infrastrutturali konness mal-proġett ta' Manoel Island u Tigne', jista' l-Ministru jgħid minn liema toroq dan se jgħaddi? Meta se jibda x-xogħol u meta se jispiċċa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li huwa l-ħsieb illi s-servizzi infrastrutturali jgħaddu mit-triq il-ġdida li hija proposta li ssir. Aktar dettalji jkunu nklużi fid-Draft Contract li jiġi preżentat quddiem il-kamra għall-approvazzjoni tagħha.

Manoel Island/Tigne' — Proġett

Question

Jista'l-Ministru jgħid jekk wara li jibdew joqogħdu r-residenti ġo Tigne' u Monoel Island, taħt liema kunsil lokali se jaqgħu u/jew jekk dawn humiex se jkollhom kunsill lokali separat b'fondi extra għalihom?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-lokalitajiet u l-konfini taghhom huma stabbiliti bil-Att ta` l-1993 dwar Kunsilli Lokali hekk kif imsemmi fit-Tieni Skeda li tinsab ma` l-istess Att. Ma jidher li ghandu jkun hemm ebda raguni ghal xi tibdil f`dik l-iskeda minhabba l-prospetti li qed isemmi l-Onor. Interpellant.

Manoel Island — Gżira - Kunsill Lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna kemm-il darba illi jiġi deċiż illi Manoel Island taqa' taħt il-kunsill tal-Gżira, malli din tgħaddi għand il-MIDI u ma tibqax responsabbilta' tal-gvern, kemm se jiġu allokati flus extra l-kunsill tal-Gżira?

Response (GATT, AUSTIN)

F`kull kaz l-ammont ta` fondi allokati lil kull Kunsill Lokali jinħadem fuq il-bażi tal-formula stabbilita skond l-Ghaxar Skeda ta` l-Att ta` l-1993 dwar Kunsilli Lokali, li, fost kriterji oħra, tieħu in konsiderazzjoni id-daqs tal-lokalita`.
Leg 9 PQ #7459 Sitting 140 1999-07-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air guns — Importazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew importati: 1) air gun pellets; u 2) air gun compressed co2 cartridges f'dawn l-aħħar tlett snin, sena b'sena?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba hija kif ġej: Fl-1996 ġew impurtati 26,036 air gun pellets (H.S. Code 9306297000) u 1,438 cartridges oħra (H.S. Code 9306309800). Fl-1997 ġew impurtati 16,013 air gun pellets u 4,485 cartridges oħra. Fl-1998 ġew impurtati 3,032 air gun pellets u ebda cartridges oħra.
Leg 9 PQ #8759 Sitting 139 1999-07-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Rave parties

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru rave parties din is-sena u kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal oħrajn? Fejn se jsiru dawk pendenti u minn x'ħin se jibdew u x'ħin se jispiċċaw?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7995. Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li hemm 4 applikazzjonijiet pendenti sabiex jinżammu parties barra minn post liċenzjat, mhux neċessarjament 'rave parties'.
Leg 9 PQ #8801 Sitting 139 1999-07-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Sparar ta' l-airguns

Question

Billi Malta ħadet sehem fl-isparar ta' l-air guns ġewwa Lichtenstein din is-sena u issa għandek sitwazzjoni fejn Maltin qed jirrappreżentaw lill-pajjiżna fi sport li hawn Malta huwa llegali, jista' l-Ministru jgħid meta l-Gvern beħsiebu jirranġa din l-anomalija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li nbeda l-proċess biex tiġi liċenzjata air-gun target shooting range. Dan hu l-ewwel pass meħtieġ biex il-posizzjoni f'dan ir-rigward tiġi regolarizzata.
Leg 9 PQ #8805 Sitting 139 1999-07-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Coach li ttrenja lil tiraturi Maltin

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess tal-work permit tal-coach li ttrenja lil żewġ tiraturi Maltin ta' l-airguns li ħadu sehem fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saru dan l-aħħar, u kopja tal-work permit li ħareġ id-dipartiment konċernat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta' l-Expatriates ma rċieva ebda talba għall-ħruġ ta' work permit li għalih qed jirreferi l-Onor. Interpellant.
Leg 9 PQ #8882 Sitting 139 1999-07-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Reati kriminali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni ta' tletin (30) sena li fis-snin 1994-98 (is-sentejn inklużi) ikkommettew reat kriminali u tressqu l-qorti? Jista' l-Ministru jgħid f'kull każ x'kienet il-piena inflitta mill-qorti u kemm kien in-numru ta' persuni li wara l-ewwel każ quddiem il-qorti reġgħu ittellgħu fuq xi każ ieħor?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Leg 9 PQ #7934 Sitting 138 1999-07-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Servizzi komputerizzati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ħareġ flus il-gvern f'dawn l-aħħar għaxar snin biex jiġi mtejjeb u ntrodott servizz jew servizzi komputerizzati fid-diversi dipartimenti taċ-Ċivil? Kemm intnefaq fuq software, fuq hardware u fuq training kull sena? Jista' jgħid kemm iffranka flus iċ-Ċivil f'dak li għandu x'jaqsam ma' tnaqqis f'manpower minħabba l-komputerizzazzjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-investiment fl-Informatika fis-Servizz Pubbliku qabad ritmu intensiv meta fl-1990 il-Gvern approva Pjan Strateġiku għall-Informatika li l-implementazzjoni tiegħu tmexxiet mill-Management Systems Unit Ltd. Ninsab infurmat li l-figuri li jidhru fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra, juru l-investiment li l-Gvern għamel f'hardware, software, project management, zvilupp tal-Magnet, u taħriġ minn meta twaqqfet il-Management Systems Unit Ltd fl-1990. Il-figuri murija fit-tabella ma jinkludux l-investiment li sar mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni għall-proġett fejn l-informatika ntużat fl-edukazzjoni bħala meżż ta' taħriġ. Għalkemm mill-1990 'l hawn l-ebda amministrazzjoni ma kellha l-policy li tintroduċi l-informatika biex jonqos in-numru ta' uffiċjali pubbliċi, din it-teknoloġija ġabet magħha progress fejn il-qadi tas-servizzi pubbliċi beda jsir b'aktar effiċjenza u inqas nies. Meta b'effett ta' l-introduzzjoni ta' l-informatika fid-dipartimenti, is-sistemi ġew konsolidati, l-impjegati li rriżultaw żejda ġew trasferiti f'postijiet fejn kien aktar utli, filwaqt li uħud li spiċċaw ma daħlux oħrajn minflokhom. M'hemmx dubju li jrid jiġi assigurat li dan l-investiment kbir fl-informatika jħalli l-akbar frott possibli. Għalhekk is-Central Information Management Unit fl-Uffiċċju tiegħi ser jibda jagħmel verifiki (value for money ordered) biex jinkiseb l-akbar valur possibbli minn dan l-investiment.
Leg 9 PQ #8753 Sitting 138 1999-07-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Paceville/San Ġiljan - Permessi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħwienet kummerċjali ġo Paceville u San Ġiljan illum u kemm ingħataw permessi ġodda, sena b'sena f'dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ġo Paceville u San Ġiljan, hemm 452 ħwienet kummerċjali filwaqt li f'dawn l-aħħar għaxar snin, fl-istess lokalitajiet, inħarġu dawn il-permessi ġodda : 1989 36 1994 57 1990 48 1995 56 1991 17 1996 37 1992 22 1997 50 1993 55 1998 28
Leg 9 PQ #8754 Sitting 138 1999-07-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Reati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew rapportati reati matul ix-xahar ta' Ġunju lill-pulizija, x'tip ta' reati kienu u kemm kien in-numru ta' anzjani li kienu vittma ta' xi reat matul Ġunju li għadda?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #8755 Sitting 138 1999-07-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Permessi ta' ħwienet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw permessi ġodda għal ftuħ ta' ħwienet ġodda din is-sena xahar b'xahar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' permessi ġodda għal ftuħ ta' ħwienet ġodda li ngħataw din is-sena, xahar b'xahar, kien kif ġej : - Xahar Numru ----- ----- Jannar 68 Frar 34 Marzu 48 April 49 Mejju 41 Ġunju 27

ETC — Permessi għal part-time

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid illum kemm hawn persuni li għandhom permess mill-ETC biex jaħdmu part-time? Kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel? Kemm minnhom għandhom job ieħor u kemm minnhom għandhom ix-xogħol part-time bħala l-uniku xogħol tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. 21.7.99

Posta — Belt il-Ħażna

Question

Billi ġewwa Belt il-Ħażna, fejn kien hemm il-mechanic's store tal-Posta u li issa għadda fl-aħħar ġimgħa ta' April f'idejn l-uffiċċju tal-liċenzji, hemm makna tal-minerali li taħdem bid-dawl u li qed tieħu mingħand il-gvern, jista' l-Ministru jgħid meta twaħħlet, min ta l-permess, u min qaed jieħu l-profitt li jsir mill-bejgħ minn din il-makna? Din se tibqa' hemm għal dejjem?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li din il-magna tal-minerali tqegħdet fil-post preżenti u ngħatat id-dawl meta il-Mechanic`s Stores kienu għadhom f`idejn il-Posta. Malli dawn l-istores ġew f`idejn id-Dipartiment tal-Liċenzji u t-Testijiet, sid din il-magna tal-minerali ġie avżat li l-provista tad-dawl li kienet qed tieħu mingħand il-Mechanic`s Stores kienet se tinqata`. Fil-fatt din il-provista ġiet maqtugħa.
Leg 9 PQ #8005 Sitting 137 1999-07-20 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Numri tat-telephone

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 6329?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-Maltacom tagħmel tindif tal-cardphones tagħha fuq skeda regolari minn tim ta' ħaddiema tagħha stess. Dan it-tindif u manutenzjoni jsir kemm fuq dawk il-kiosks li huma ta' l-aluminium kif ukoll fuq dawk tal-ġebel jew tal-ħadid, fejn ikun meħtieġ isir tibjid jew żebgħa. Jiena nfurmat li l-Maltacom qatt ma ġiegħlet jew infurmat lil xi ħadd li għandu jħallas xi spejjeż għax-xogħol li tkun għamlet biex issewwi l-ħsara li tkun saret minn terzi persuni li jħażżu n-numru tat-telefon ta' xi abbonat mal-kiosk. Dan tagħmlu biss jekk taqbad lil xi ħadd jagħmel att vandalu, u f'dan il-każ il-Maltacom tgħaddi l-każ f'idejn il-Pulizija u tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tiġbor l-ispejjeż involuti.
Leg 9 PQ #8745 Sitting 137 1999-07-20 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Shooting range — Airguns

Question

Billi ġewwa l-isports and leisure fair li saret dan l-aħħar kien hemm shooting range għall-airguns, kien hemm shooting range għall-airguns ġewwa l-luna park li kien hemm il-Blata l-Bajda u sar sparar kif deher fil-gazzetta The Times li jien poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra, jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet il-pulizija fuq dan il-ksur sfaċċat tal-liġi?

Response (BORG, TONIO)

Dwar ix-shooting range għall-airguns ġewwa l-Luna Park li kien hemm il-Blata l-Bajda, ninsab infurmat li l-Pulizija kienet ordnat lill-operatur tal-Luna Park biex din tingħalaq. Rigward il-kumplament tal-Mistoqsija ninsab infurmat li l-pulizija qiegħda tinvestiga.
Leg 9 PQ #8746 Sitting 137 1999-07-20 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sparar ta' l-airguns

Question

Billi Malta bagħtet żewġ kompetituri biex jieħdu sehem fl-isparar ta'l-airguns ġewwa l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar meta dan l-isport huwa illegali hawn Malta, jidhirlux il-Ministru illi xi ħadd mill-ministeru tiegħu għandu jew jgħid kif intgħażlu dawn il-persuni jew jgħid illi din l-anomalija m'hijiex se tirrepeti ruħha?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5536 mgħotija f'Seduta numru 75.

Sparar ta' l-airguns

Question

Billi dan l-aħħar Malta bgħatet żewġ persuni biex jirrappreżentaw lil pajjiżna fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fl-isparar ta' l-airguns, liema sport huwa illegali hawn Malta, jista' l-Ministru jinvestiga jekk din l-istramberija hijiex legali jew le u tistax tirrepeti ruħha jekk il-liġi tibqa' kif inhi?

Response (GATT, AUSTIN)

`Jien infurmat illi peress li l-kompetizzjoni ta` l-isparar tal-airguns fil-Loghob tal-Pajjiżi ż-Żgħar saret barra minnn Malta, il-Liġi Maltija mhix applikabbli`.
Leg 9 PQ #8748 Sitting 137 1999-07-20 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sparar ta' l-airguns

Question

Billi l-isport ta' l-isparar ta' l-airguns huwa sal-lum illegali hawn Malta u ħadd ma għandu permess jispara airgun u billi Malta bagħtet żewġ tiraturi jirrappreżentaw lil pajjiżna fuq livell nazzjonali ġo sport li hawn Malta huwa illegali, jidhirlux il-Ministru li għandha ssir investigazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ħalli jaraw kif intgħażlu dawn in-nies, u jekk l-għażla tagħhom kenitx waħda li saret b'mod illi kienet ġusta u li saret b'mod mill-aktar trasparenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5536 mgħotija f'Seduta 75 u għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari preċedenti Numru 8746.