Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn gradwati mill-Universita' jirreġistraw illum? X'tip ta' degree universitarju għandhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
F'Lulju 1999, in-numru ta' gradwati li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ kien ta' 94.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi x'tip ta' degree għandhom.
4.10.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti jattendu fi skejjel privati matul is-sena l-oħra u kemm hemm fil-bidu ta' din is-sena skolastika il-ġdida? F'liema skejjel imorru?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba dwar in-numru ta' studenti li attendew skejjel privati matul is-sena skolastika 1998/1999 qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Minn dan jirriżulta li f'din is-sena partikolari kien hemm:
a) studenti fi skejjel tal-Knisja 17,586
b) studenti fi skejjel indipendenti 7,983
Informat li l-istatistika għas-sena kurrenti tinġabar f'nofs ix-xahar ta' Jannar u għaldaqstant għadu kmieni sabiex nagħti tweġiba għat-tieni parti tal-Mistoqsija.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu il-ħlasijiet jew miżati mħallsa mill-ġenituri tat-tfal li jattendu l-iskejjel privati għal kull term is-sena l-oħra u kemm se tkun din is-sena, f'kull skola privata individwali?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal li qed jattendu fl-iSchool Girl Mother Unit din is-sena? Kemm kien dan in-numru sena b'sena, minn mindu twaqqfet il-unit imsemmija?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal li mhux se jattendu l-iskola din is-sena għaliex ħarġu tqal?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' tfal taħt is-sittax-il sena li ħarġu tqal, u mhux se jattendu l-iskola din is-sena huma sebgħa.
Erbgħa minnhom għandhom bżonn eżenzjoni issa, għax ħarġu tqal waqt is-sajf.
Tlieta oħra ħadu l-eżenzjoni matul is-sena skolastika 1998-1999.
Billi huwa maħsub li tgħaddi triq minn ġo nofs l-istadium tal-Gżira, jista' l-Ministru jgħid, wara li titlesta din it-triq, x'se jsir minn dak li jibqa' mill-istadium, jiġifieri jekk hijiex se tinbena, se ssir ġnien, se ssir pjazza u/jew tibqa' mitluqa kif inhi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-'istadium' tal-Gżira huwa proprjeta' privata u l-Gvern ser jagħmel użu minn parti minnu biss sabiex issir it-triq.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn se jiġu mċaqalqa l-pompa tal-petrol ħdejn il-pont tal-Gżira u l-kiosk ta' ħdejn il-pont tal-Gżira meta jibda x-xogħol fuq il-proġett ta' Manoel Island? Meta se jsir dan iċ-ċaqlieq? Jista' l-Ministru juri dan billi jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti neċessarji, kif ukoll kif se jkun jidher il-ġnien tal-Gżira meta jitlesta r-resettlemnt ta' dawn l-istrutturi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
It-triq li jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant mhix qed issir biss minħabba l-proġett ta' Manoel Island, iżda nħasset il-ħtieġa tagħha anke bl-ammont ta' traffiku li huwa ġenerat illum. Meta d-disinji tat-toroq ikunu finalizzati l-Gvern ikun jista' jqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ġaladarba jitlesta l-proġett ta' Tigne' u Monoel Island, jista' l-Ministru jgħid jekk in-nies ikunux jistgħu jgħumu, jagħmlu barbeques, jistgħadu u jidħlu jbiegħu l-prodotti bil-mobile kiosks jew hawkers ġo l-areas imsemmija?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-parti li hija msejħa bħala 'foreshore' ser tibqa' aċċessibbli għall-pubbliku u għalhekk il-pubbliku jkun jista' jagħmel l-attivitajiet li normalment isiru u li huma aċċettabbli li jsiru f'areas simili bħal dawn.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-liġijiet u/jew oqsma li s'issa ġew screened? Liema għadhom ma ġewx screened u meta huwa maħsub li jsir l-iscreening fuq il-liġijiet li jikkonċernaw il-kaċċa u l-insib?
Response (BORG, JOE)
L-oqsma li ġew screened s`issa huma: Culture and Audio-Visual, CFSP, Industrial Policy, SMEs, Telecommunications and Information Technologies, Science and Research, Financial Control, Financial and Budgetary Provisions, Education, Training and Youth, Company Law, Regional Policy, Free Movement of Goods (General Application and Public Procurement).
L-oqsma l-oħra ser jiġu screened sa l-ahhar tas-sena ħlief l-agrikoltura li aktarx ser ikun screened f`Jannar.
L-iscreening f`dak li għandu x`jaqsam mal-ambjent li jinkludi l-protezzjoni u il-preservazzjoni tal-għasafar ser isir fl-aħħar ġranet ta` Novembru u l-ewwel jiem ta` Diċembru.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux xi taħdidiet mill-għaqdiet tal-kaċċaturi u nassaba biex jaraw min se jirrappreżentahom waqt il-proċess ta' screening, u jekk iva min huma dawn il-persuni li se jmorru Brussels jinnegozjaw?
Response (BORG, JOE)
Fil-proċess ta` konsultazzjoni mal-għaqdiet interessati saru taħdidiet mal-għaqdiet li jirrapreżentaw lill-kaċċaturi u nassaba. Dawn l-għaqdiet ser ikunu mistiedna wkoll jattendu għas-sessjoni tal-MEUSAC fejn tiġi adottata il-pożizzjoni Maltija għall-iscreening f`dan il-qasam. Kif ġieli spjegajt, fil-proċess ta` screening titqabbel il-legiżlazzjoni Maltija ma` dik Ewropeja u ma jsiru ebda negozjati f`dan l-istadju.
Jista'l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm bdew jirreġistraw persuni ġodda għax-xogħol, xahar b'xahar din is-sena u s-sena l-oħra? X'kienet l-eta' ta' dawk li bdew jirreġistraw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' persuni ġodda li bdew jirreġistraw għax xogħol xahar b'xahar din is-sena u s-sena l-oħra huwa kif ġej:
SENA XAHAR
1998 Jannar 358
1998 Frar 272
1998 Marzu 242
1998 April 240
1998 Mejju 172
1998 Ġunju 269
1998 Lulju 669
1998 Awissu 418
1998 Settembru 378
1998 Ottubru 487
1998 Novembru 298
1998 Diċembru 242
1999 Jannar 319
1999 Frar 251
1999 Marzu 260
1999 April 296
1999 Mejju 263
1999 Ġunju 289
1999 Lulju 723
1999 Awissu 679
TOTAL 7125
L-eta' ta' reġistranti hija kif ġej:
ETA'
16 - 20 3355
21 - 30 1355
31 - 40 996
41 - 50 954
51 - 61 465
TOTAL 7125
29.09.99
Jista'l-Ministru jgħid liema kunsill se jkun responsabbli għal wardens, żamma ta' toroq fi stat tajjeb, żamma ta' bankini fi stat tajjeb u ġbir ta' l-iskart minn ġewwa Manoel Island u Tigne' ġaladarba dawn jgħaddu għand il-kumpannija MIDI?
Response (GATT, AUSTIN)
Ir-responsabbilta` tal-funzjonijiet mghoddija lill-Kunsilli Lokali hija diġa stabbilita bl-Artikolu 33 ta` l-Att ta` l-1993 dwar Kunsilli Lokali. Naghmel riferenza ukoll ghat-tweġiba moghtija lill-Onor. Interpellant ghall-mistoqsija tieghu Nru. 9614.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat ta' konsultazzjoni mal-kunsilli lokali tal-Gżira, ta' Ta' Xbiex u ta' Tas-Sliema fuq il-proġett ta' Manoel Island u Tigne' bejn il-gvern u l-kunsilli u bejn il-MIDI u l-kunsilli?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-proġett ta` Manoel Island u Tigne ma jaqax taħt id-dekasteru tieghi.
Billi huwa ċar illi jekk tinbena triq li tgħaqqad Regional Road minn ħdejn it-tela' tat-tankijiet tal-gass sa ħdejn ix-xatt tal-Gżira, it-traffiku se jiġi mgħoddi minn toroq differenti minn fejn jgħaddu llum, jista' l-Ministru jgħid jekk dawk il-ħwienet u negozji oħra li se jiġu direttament milquta humiex se jirċievu xi forma ta' kumpens jew mill-gvern u jew mill-kumpannija MIDI? Jekk iva, kemm?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, dawn il-kriterji ta' kumpens qatt ma ġew applikati meta jsir żvilupp ta' din ix-xorta u allura lanqas għandhom jiġu applikati f'dan il-każ.
Jista' l-Ministru jserraħ ras ir-residenti ta' Testaferrata Street, Ta' Xbiex, kif ukoll in-negozjanti li għandhom negozji ġo dik it-triq, illi Testaferrata Street se tibqa' two-way b'karozzi li jkunu liberalment jistgħu jgħaddu u jidħlu mill-Imsida u mill-Gżira kif jgħaddu llum?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fil-mument, il-Board għall-Kontroll tat-Traffiku m`għandu ebda ħsieb li jibdel is-sistema tat-traffiku fi Triq Testaferata, Ta` Xbiex, minn dik li teżisti llum.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħwienet u/jew negozji oħra liċenzjati ġo: (a) Testaferrata Street, Ta' Xbiex; (b) Msida Road, Gżira; (c) Gżira Road, Gżira; (d) Sliema Road, Gżira; (e) St Georges Street, Gżira; (f) Manna Street, Gżira bejn Gżira Road u Ponsomby Street?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif ġej :
Lokalita` Triq Numru ta' postijiet
liċenzjati
Msida Triq Testaferrata 38
Gżira Triq l-Imsida 28
Gżira Triq il-Gżira 12
Gżira Triq tas-Sliema 28
Gżira Triq San Ġorġ xejn
Gżira Triq ix-Xatt 41
(bejn Triq il-Gżira u
Triq Ponsonby)
28.09.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi ftehim mal-MIDI dwar ħlasijiet ta' kumpens li jista' jingħata lil sidien ta' ħwienet u negozji illi se jintilfu x-xogħol minħabba xogħol konness mal-proġett ta' Tigne'/Manoel Island? Jekk iva, xi ftehim intlaħaq u kemm se jkun dan il-kumpens?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Gvern m'għandu l-ebda informazzjoni konkreta illi ser jintilef xi negozju jew xogħol minħabba l-proġett.
Aħna tkellimna ma' kull min kien qiegħed jopera xi negozju f'Manoel Island u Tigne' u nista' ngħid illi lħaqna ftehim prattikament ma' kulħadd.
Aktar dettalji jistgħu jingħataw fid-diskussjoni rigward il-kuntratt li ser jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra mappa li turi t-triq il-ġdida li hija ppjanata li tgħaqqad ir-Regional Road ma' l-area ta' quddiem il-ġnien tal-Gżira, kif se jkun jista' jgħaddi t-traffiku mit-toroq ta' madwar, turi liema toroq se jsiru one-way, turi kif se jgħaddi l-flow tat-traffiku u liema se jsiru two-way?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li peress li s-sistema tat-traffiku f`dawn it-toroq għadha qed tiġi kkunsidrata u eventwalment għad trid tkun mifthema mal-Kunsilli Lokali responsabbli mit-toroq effettwati, għad m`hemmx pjanti finaliżżati biżejjed biex jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ispejjeż tat-triq il-ġdida li hemm maħsuba li ssir minn ħdejn it-tela' tat-tankijiet tal-gass fir-Regional Road sa ħdejn il-ġnien tal-Gżira hijiex se tiġi mħallsa mill-gvern jew mill-kumpannija MIDI? Kemm se tiswa din it-triq?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-ispejjeż tat-toroq in kwestjoni għalkemm se jsiru mill-Gvern huma koperti minn ħlasijiet li l-konsorzju MIDI se jagħmel favur il-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol infrastrutturali ta' twassil ta' dawl, drainage, telephones u ilma illi jrid isir biex dawn jitwasslu sa Manoel Island u Tigne' huwiex se jiġu mħallsa mill-gvern jew mill-Kumpannija MIDI? Kemm huwa maħsub li jiswa dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Dettalji bħal dawk li qed jitlob l-Onorevoli Interpellant, ikunu nklużi fil-kuntratt li ser jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.