Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm nefaq il-Korp tal-Pulizija fuq xogħol koness mas-sitwazzjoni ta' immigrazzjoni illegali din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma diġa' kelli l-okkażjoni nispjega fi Tweġibiet preċedenti, minħabba n-natura tax-xogħol minnu nnifsu u l-esiġenzi li jistgħu jinqalgħu minn ġurnata għall-oħra, huwa impossibli li wieħed jikkwantifika bl-eżatt kemm qed tkun l-ispiża tal-Korp tal-Pulizija fuq l-immigranti irregolari. Madankollu ninsab infurmat illi, apparti s-salarji tal-membri tal-Korp tal-Pulizija, l-ispiża matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2007 kienet tammonta għal Lm97,304.

Open centres ta' l-immigranti illegali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn immigranti illegali ġo open centres llum u kemm swew lid-dipartiment din is-sena u kif?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li n-numru ta’ immigranti, inkluż tfal, preżentement f’Open Centres, inkluż akkomodazzjoni provduta minn Għaqdiet Volontarji, hu ta’ 2,000. Ninsab infurmata wkoll li l-ispiża relatata sa l-aħħar ta’ Awissu 2007 kienet ta’ Lm1,003,485. Din kienet tkopri spejjeż għat-tmexxija taċ-ċentri u l- allowance żgħira provduta lill-immigranti biex tkopri l-bżonnijiet essenzjali tagħhom.

Trabi ta' unmarried mothers

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm twieldu trabi ta' unmarried mothers din is-sena u x'eta' kellhom l-ommijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat mill-uffiċċju ta' l-Istatistika li l-informazzjoni mitluba ma tinżammx xahar b'xahar iżda tiġi proċessata biss fl-aħħar tas-sena. Għaldaqstant l-istatistika ta' unmarried mothers għas-sena 2007 tista' tiġi mogħtija biss wara l-aħħar tas-sena.

Persuni fuq ir-relief

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn persuni fuq ir-relief illum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li preżentement hemm 3,532 persuna tirċievi l-Għajnuna Soċjali waqt disimpjieg u 9,085 persuna tirċievi l-Għajnuna Soċjali għax inkapaċi għax-xogħol.

Maħfra ta' ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru taħdidiet għall-maħfra ta' ċitazzjonijiet din is-sena u kemm minnhom ġew milqugħa?

Response (BORG, TONIO)

Qed nifhem li d-domanda hi dwar 'talbiet' mhux 'taħditiet'. Għandi nifhem ukoll li l-Onor Interpellant qed jirreferi għax-xogħol tal-Bord tal-Petizzjonijiet. It-tliet Membri tal-Bord jattendu medja ta' erba' sessjonijiet fil-ġimgħa. Ninsab infurmat illi sat-3 ta' Ottubru 2007, ġew preżentati 16,143 petizzjoni (medja ta' 800 fix-xahar). Minn dawn, ġew proċessati 10,226 li minnhom ġew milqugħa 5,989 b'mod sħiħ u 292 parzjalment.

Vjolenza domestika

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każi ta' vjolenza domestika lill-pulizija din is-sena? Kemm tressqu persuni l-Qorti din is-sena fuq dawn ir-reati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena, l-Pulizija kellha 258 rapport li b'xi mod jinkwadraw taħt vjolenza domestika, filwaqt li matul l-istess perijodu nibdew proċeduri kriminali kontra 373 persuna dwar l-imsemmija reati.

Pulizija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm weġġgħu pulizija waqt il-qadi ta' dmirijiethom din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2007, kien hemm 14 -il inċident li fihom Pulizija weġġgħu waqt il-qadi ta' dmirhom fiż-żamma ta' l-ordni pubbliku. Kien hemm ukoll 27 inċident ieħor, uħud ta' natura ħafifa, fejn pulizija waqt li kien xogħol, weġġa' b'mod aċċidentali.

Persuni li weħħlu l-ħabs

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm weħħlu nies l-ħabs din is-sena u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2007, sa l-aħħar ta' Settembru, Il-Qorti ħarġet 334 sentenza karċerarja. L-akkużi li huma relatati ma dawn is-sentenzi huma kif jidher hawn taħt:- Theddid 19 Relatati ma’ droga 52 Serq/attentat ta’ serq 68 Feriti gravi 8 Bdil ta’ multi/spejjes f’ħabs 90 Ħrib/attentat minn post ta’ kustodja 6 Ksur tal-kundizzjonijiet tal-liberta’ proviżorja 33 Ħsara Volontarja 7 Frodi/miżapproprijazzjoni 4 Omiċidju/attentat 5 Stupru/abbuż sesswali jew relatati 9 Oħrajn 33 Persuna jista' jkolla aktar minn sentenza waħda.

Tfal li ttellgħu l-Qorti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittelgħu tfal l-Qorti din is-sena u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 26347. Il-posizzjoni baqgħet l-istess fir-rigward tal-Qorti ta' Malta, filwaqt li dwar il-Qorti ta' Għawdex żdiedu il-każi segwenti:- Ġlied 3 Ħebbew għal persuna 5 Ħsara fuq proprjeta' ta' terzi 7 Traskuraġni fis-Sewqan ta' bicycle li kkaġuna ġrieħi fuq terzi 2

Rapporti ta' serq

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew rrappurtati serqiet mill-Qorti din is-sena u x'insteraq?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi din is-sena fis-sezzjoni tal-Qrati Ċivili u Tribunali ġiet rapportata serqa ta' proċess, ġie ritornat u jinstab a dispożizzjoni tal-Qorti, pero' xorta waħda għaddejjin proċeduri kriminali kontra l-persuna li allegatament serqitu. Nirreferi wkoll għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 27388.

Serq ta' affarijiet proprjeta' tal-Gvern

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'tip ta' affarijiet proprjeta' tal-Gvern insterqu din is-sena? Minn liema dipartimenti nsterqu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma kienx hemm rapporti ta' serq mid-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ħlief għal dawk kif jdher fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 27658 f'din l-istess Seduta.