Legislature:
Category:
Reset
Active:

ETC — Reġistrazzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqatgħu persuni mir-reġistru ta' l-irreġistrar, din is-sena s'issa, u għaliex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' persuni li nqatgħu minn fuq ir-reġistru huwa kif ġej: Jan-00 Frar-00 Marzu-00 Total Raguni Irrifjutaw xogħol 20 49 45 114 Inqabdu jaħdmu 45 45 58 148 Total 65 94 103 262
Leg 9 PQ #15952 Sitting 292 2000-05-15 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Imsida

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jagħlaq l-iskola Mater Dei, Imsida, u jekk iva, jikkonsidrax li dan is-sit jgħaddi f'idejn il-kunsill biex jinbidel f'ċentru sportiv? Kemm tqum lill-gvern din l-iskola biex tinżamm fuq medda ta' xahar?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s'issa m'hemm ebda ħsieb li tingħalaq l-iskola Mater Dei l-Imsida. Informat ukoll li l-ispiża biex tinżamm l-iskola fuq medda ta' xahar hija ta' Lm3,574.
Leg 9 PQ #15721 Sitting 285 2000-05-02 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ta' Xbiex — Triq il-Ħalg - Dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li bozza li hemm fi Triq il-Ħalg tiġi mibdula billi ilha maqtugħa ħafna?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-manutenzjoni meħtieġa fuq il-bozza msemmija saret f'data preċedenti għall-mistoqsija.

Djar — Ta' Xbiex - Drenaġġ

Question

Billi d-drenaġġ qed jiskula għal ġo Triq Abate Rigord, Ta' Xbiex, minn taħt BkE/5 jew BkE/4, jista' l-Viċi Prim Ministru jara illi din il-ħsara tiġi individwata u rranġata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Leg 9 PQ #15723 Sitting 285 2000-05-02 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Gżira — Dawl

Question

Jista' l-Ministru jara illi bozza li hemm fi Triq Carlo Manche', Gżira, bejn Ponsomby Street u Fleet Street tiġi mibdula billi ilha maqtugħa għal ħafna żmien?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-manutenzjoni meħtieġa fuq il-bozza msemmija saret f'data preċedenti għall-mistoqsija.
Leg 9 PQ #15590 Sitting 280 2000-04-10 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Ta' Xbiex — Princess Margaret Street

Question

Billi f'90, Princess Margaret Street, Ta' Xbiex kantuniera ma' G. Cali Street, Ta' Xbiex hemm sit ta' bini abbandunat u li m'għandux bounday wall skond il-liġi u hemm għoli ta' sular u ħafna ilma, jista' l-Ministru jara x'qed tagħmel il-pulizja biex jitneħħa l-perkilu li hemm u tiġi osservata l-liġi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Awtoritajiet Sanitarji bdew proċeduri bil-Qorti dwar is-sit li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant, liema proċeduri għadhom sub-judice. Ninsab infurmat ukoll li s-sid ġie ordnat mill-Pulizija sabiex inaddaf dan is-sit u jtella` ċint.
Leg 9 PQ #15591 Sitting 280 2000-04-10 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tas-Saħħa

Ta' Xbiex — Princess Margaret Street

Question

Billi ġo sit ta' bini abbandunat li hemm ġo Princess Margaret Street, Ta' Xbiex, kantuniera ma' Triq G. Cali', Ta' Xbiex, hemm ħafna ilma staġnat kif ukoll ħafna ħmieġ u li huwa ċar illi huwa ta' perikolu għas-saħħa tar-residenti, jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel id-dipartiment tas-saħħa biex dan il-perikolu jitneħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

B`referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 15591, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li għal diversi xhur spezzjonijiet saru ġo sit abbandunat li hemm ġo Princess Margaret Street Ta` Xbiex, kantuniera ma` Triq G. Cali, Ta` Xbiex minħabba akkumuli li jeżistu f`dan is-sit. Għal ħafna żmien is-sid ta` dan is-sit ma` kienx magħruf u għaldaqstant ma` seta` jittieħed l`ebda azzjoni biex jitneħħa l-inkonvenjent. Fil-20 ta` Jannar 1994, is-sid kien instab u ġie imħarrek. Il-kas inkwistjoni għadu sub judice. Fl-aħħar seduta, dik ta` 8 ta` Marzu 2000, l-akkużat ingħata żmien, sa 6 ta` Gunju 2000, biex inaddaf u jtella` ħajt madwar is-sit imsemmi, u b`hekk jitneħħa kull periklu għas-saħħa pubblika.
Leg 9 PQ #15592 Sitting 280 2000-04-10 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ta' Xbiex — Triq Enriko Mizzi

Question

Billi ġo Triq Enriko Mizzi, kantuniera ma' Triq G. Cali, Ta' Xbiex hemm apparat ta' l-Enemalta mwaħħal ma' faċċata ta' block flats u li saritlu ħsara strutturali minħabba l-apparat li hemm, liema ħsara hija ta' perikolu għal min ikun għaddej u liema ħsara ma tistax tittranġa mis-sidien, jista' l-Ministru jara illi l-Enemalta tieħu l-passi neċessarji biex is-sidien ikunu jistgħu jirranġaw il-ħsara li hemm?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li x-xoghol mehtieg biex tissewwa l-hsara li ghaliha qed issir riferenza mistenni jibda` fi zmien qasir.

Rabat — April 1987

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx sar xi kumpens mill-gvern lil dawk il-persuni li weġġgħu waqt u/jew wara avveniment għall-familja li sar ġewwa r-Rabat f'April 1987 fejn waqt u wara dan l-avveniment politiku diversi nies iddaħħlu l-isptar isofru minn tiri ta' armi tan-nar? Jekk iva, kemm tħallsu dawn il-persuni u kemm kienu?

Response (GATT, AUSTIN)

Kien hemm ħames persuni li nghataw kumpens. Bejniethom irċevew LM20,550.
Leg 9 PQ #15002 Sitting 268 2000-03-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Ta' Xbiex

Question

Billi ġewwa Triq Ġużeppi Cali', Ta' Xbiex, fin-naħa ta' ħdejn il-ġnien tal-Gżira, qed jinbena post illi issa nħariġlu stop notice mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar, jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol illi għandu jsir fuq l-appoġġ li saritlu ħsara kbira waqt it-twaqqigħ jistax ikompli? Jista' jara illi l-pulizija tiżgura li jittella' xi forma ta' ħajt/fence, jew xi ħaġa li tiżgura li l-post jiġi magħluq peress li kif inhuma l-affarijiet illum hemm aċċess faċli għad-djar ta' madwar fejn joqogħdu persuni anzjani? Tajjeb infakkar li din l-area ta' spiss ikun hemm persuni jitlajjaw għal skopijiet ta' prostituzzjoni u anke ta' abbuż mid-droga.

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma ħarġet l-ebda Stop Notice fuq xi post li qed jinbena fuq dik in-naħa ta` Triq Gużeppi Cali`, Ta` Xbiex, li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant. Għaldaqstant l-Awtorita` ma qed timpedixxi lil ħadd milli jieħu dawk il-prekawzjonijiet neċessarji sabiex tissewwa xi ħsara li saret fil-ħajt ta` l-appoġġ. Fil-frattemp l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ser tara illi l-uniku bini li qed jittella` preżentament fuq dik il-parti tat-triq imsemmija, liema bini huwa kopert bil-permessi meħtieġa, jiddawwar b`ħajt (hoarding) temporanju skond kif imponut fil-kundizzjonijiet tal-permess. Għal dak li jirrigwardja l-Pulizija, ninsab infurmat li s-sid tal-proprjeta` in kwestjoni ġie ordnat biex jagħlaq l-aċċess għas-sit imsemmi.

Traffiku

Question

Billi dan l-aħħar dehru artikoli fil-gazzetta li jgħidu fi żmien ftit tas-snin se jkun hawn problema kbira ta' konġestjoni ta' traffiku ġo ċerti major arterial roads, jista' l-Ministru jgħidilna x'qed jagħmel id-dipartiment biex isolvi din il-problema li diġa' qed toħloq problemi llum bin-numru kbir ta' veikoli li hawn?

Response (GALEA, ĊENSU)

Il-Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni hu konxju mill-problemi ta` konġestjoni ta` traffiku li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant. Il-Ministeru mill-bidu nett beda jieħu l-passi meħtieġa biex joħloq aktar ordni u sigurta` fuq it-toroq tagħna. Fost ħafna miżuri li ttieħdu ta` min isemmi: a) ħidma kontinwa biex jogħla l-livell, minn kull aspett, tas-sistema tat-trasport pubbliku, b) pjan biex il-livell ta` sewqan jogħla għal dak internazzjonali, c) pjan biex jiġi stabbilit Direttorat għat-`Traffic `Management, d) preparazzjoni ta` rapport komprensiv għall-`upgrading of road network` ta` Malta u Għawdex, e) introduzzjoni ta` liġi li biha tinħoloq Awtorita` ta` Trasport li permess ta` l-Awtorita` ikun hemm iktar koordinazzjoni bejn is-setturi kollha li għandhom sehem fl-organiżżazzjoni u t-tmexxija tat-trasport. Ta` min isemmi li dak li ġie rraportat mill-ġurnalisti intqal waqt seminar organizzat mill-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku, propju fil-kuntest li l-Ministeru jħoss li hemm bżonn nagħmlu ħilitna kollha biex fil-ġejjini nkunu nistgħu nilqgħu l-isfidi li jinħolqu bil-konġestjoni tat-traffiku.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara għaliex il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament u li tieħu Lm80.91c kull erba' ġimgħat u li hi miżżewġa m'hijiex tieħu l-pensjoni li ħaqqha? Il-mara tiegħu li ħadmet ukoll, hija intitolata għal pensjoni hi wkoll?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ser tiġi nfurmata dwar il-pensjoni tagħha.

Msida — Triq Ċensu Farrugia

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta ta' kif se tiġi żviluppata l-area ta' madwar Triq Ċensu Farrugia, Msida?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li peress li l-pjanti ta` l-iżvilupp ikunu ppreparati mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar, l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #14998 Sitting 267 2000-03-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tas-Saħħa

Meningitis

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx studju jew saritx riċerka mid-dipartiment tas-saħħa għaliex, speċjalment fl-aħħar tliet snin, żdiedu sew il-każi ta' meningite u/jew sephiemia (meningococcal)?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma jeżisti ebda studju speċifiku biex wieħed isir jaf għaliex kien hemm żieda fil-każ ta` mard bil-meningococcus f`Malta. Pero d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika jieħu ħsieb li jiġbor id-dettalji epidemjoloġiċi li jistgħu jitfgħu dawl ta` kif tista tiġi ikkontrollata.
Leg 9 PQ #14999 Sitting 267 2000-03-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Pembroke - Għasafar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-1,500 għasfur ta' l-għana illi nqabdu mill-pulizija f'Pembroke dan l-aħħar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li dwar il-każ li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant, kien ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa u l-għasafar għalhekk qegħdin taħt il-kustodja tal-Qorti.
Leg 9 PQ #15000 Sitting 267 2000-03-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Fine Arts Museum — Esebizzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm żaru l-esebizzjoni artistika li saret ġewwa l-mużew tal-Fine Arts dan ix-xahar u li kienet espressjoni ta' ħsieb kontra l-kaċċa u l-insib?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fi kwalunkwe mument, fil-Mużew Nazzjonali ta' l-Arti jkunu għaddejjin żewġ wirjiet ta' arti kontemporanja, waħda fil-Loggia u l-oħra fis-sala ta' ġewwa. Informat ukoll li fir-rigward ta' dawn il-wirjiet ta' arti kontemporanja, bħal ma kienet il-wirja li qiegħed jirreferri għaliha l-Onor. Membru, u li d-dħul għalihom huwa b'xejn għal kulħadd, ma tinżammx statistika ta' kemm żaruha nies.
Leg 9 PQ #15001 Sitting 267 2000-03-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Tobba

Question

Billi t-tobba huma VAT exempt jew zero rated, jista' l-Ministru jgħid fuq xiex ħlalsu l-VAT it-tobba (xi Lm380) skond ir-risposta li għadha kemm ingħatat riċentement?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-OnorevoliInterpellant li skond il-paragrafu 10 subparagrafu (1) tat-Taqsima Wieħed tar-Raba` Skeda ta` l-Att ta` l-1998 dwar Taxxa Fuq il-Valur Miżjud, il-provvista ta` servizzi minn persuni fl-eżerċizzju ta` professjoni regolata dl-Ordinanza dwar il-Professjoni Medika u l-Professjonijiet li għandhom x` jaqsmu magħha hija eżenti bil-kreditu. Iżda jekk l-istess persuni jagħmlu attivita` ekonomika oħra li tkun taxxabbli taħt id-dispożizzjonijiet l-oħra ta` l-Att, allura dawk il-persuni jkunu obbligati li jiġbru t-taxxa dovuta taħt l-istess Att.
Leg 9 PQ #14586 Sitting 266 2000-03-20 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Moħqrija fuq annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew akkużati nies b'moħqrija fuq annimali s-sena l-oħra? X'tip ta' moħqrija kienet f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul l-1999, il-Pulizija ressqet 7 persuni quddiem il-Qorti fuq akkużi ta` moħqrija fuq annimali. Ninsab infurmat ukoll li 4 minn dawn il-persuni kienu akkużati talli sparaw fuq kelb jew qattus, 1 talli sawwat kelb, 1 talli tefa` ilma fuq qattus u 1 talli tefa` kelb minn fuq l-irdum.

PTA — Ta' Xbiex

Question

Jista' l-Ministru jara illi xi karozzi tal-linja illi jkunu ġejjien mil-Belt lejn tas-Sliema jgħaddu minn Ta' Xbiex biex tonqos it-tbatija tar-residenti minn Ta' Xbiex illi jkunu marru lejn il-Belt b'tal-linja?

Response (GALEA, ĊENSU)

Ser nitlob lill-Awtorita` tat-Trasport Pubbliku tiddiskuti din il-proposta mal-Kunsill Lokali ta` Ta` Xbiex.
Leg 9 PQ #14588 Sitting 266 2000-03-20 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Ambjent

Magħtab — Miżbla

Question

Jista' l-Ministru f'dan l-istadju jgħid liema huma l-postijiet illi jistgħu jkunu kkonsidrati biex jaqdu l-funzjoni li għandha l-miżbla tal-Magħtab meta din tingħalaq? Kemm huwa maħsub illi ntefa' skart ġewwa l-Magħtab, sena b'sena għal dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba hija ddettaljata fid-dokument għall-konsultazzjoni li ġie ppublikat mill-Ministeru għall-Ambjent. F'dan id-dokument insibu li s-sit propost li joffri l-aktar vantaġġi huwa fl-Għallis, viċin il-miżbla eżistenti. Dan l-istess rapport jindika li l-ammont ta' skart li ntefa' ġewwa l-Magħtab matul dawn l-aħħar għaxar snin huwa kif muri hawn taħt: SENA AMMONT TA' SKART TUNELLATI --------------------------------------- 1990 1,781,000 1991 1,771,000 1992 2,670,000 1993 1,306,694 1994 1,536,694 1995 1,473,165 1996 1,520,166 1997 921,644 1998 894,103 1999 1,173,703