Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jistennew biex isirilhom hip and knee replacement illum u kemm ilhom jistennew?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta` nies jistennew biex isirilhom hip and knee replacement huwa kif ġej:
Mr. F. Zammit Maempel - Director of Orthopaedics
------------------------------------ -----------------
Total Knee Replacement 169
Total Hip Replacement 12
Waiting Time 21 months
Mr. Bernard - Orthopaedic Consultant
-------------------------------------- ---
Total Knee Replacement 441
Total Hip Replacement 60
Waiting Time TKR + THR - 5 years
Mr. C. Grixti - Orthopaedic Consultant
-------------------------------------- -----
Total Knee Replacement 66
Total Hip Replacement 22
Waiting Time TKR - 3 years
THR - 2 years
Mr. C. Sciberras - Orthopaedic Consultant
-------------------------------------- --------
Total Knee Replacement 171
Total Hip Replacement 46
Waiting Time August 1999
Billi ħafna turisti ta' kuljum qed iżuru l-Palazz biex jiġu mbagħad mwaqqfa mis-suldati għassa fil-bieb peress li dawn ma jistgħux jidħlu minħabba illi l-Parlament ikun għaddej, jista' l-Prim Ministru jara illi xi forma ta' tabella b'diversi lingwi titpoġġa ħdejn il-bieb bi spjegazzjoni pulita li żgur tagħmel l-affarijiet eħfef, kemm għas-suldati għassa kif ukoll għat-turisti illi ta' kull darba jidħlu imbagħad jispiċċaw biex jitkeċċew, ħafna drabi b'sinjali għax ma jkunux jafu jitkellmu bil-lingwa barranija?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li s-suġġeriment magħmul mill-Onorevoli Nterpellant qed ikun ikkunsidrat mill-awtoritajiet kompetenti.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 17021 fejn staqsejt għal-liema raġunijiet is-suldati armati madwar il-ħabs jistgħu jużaw l-armi, jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-proċeduri applikati fuq livell internazzjonali mill-militar madwar id-dinja u fuq liema proċedura u ta' liema pajjiż jiġu mħarrġa s-suldati Maltin?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-proċeduri li rreferejt għalihom f'Mistoqsija Parlamentari numru 17201 huma magħrufa bħala Rules of Engagement. Il-proċeduri applikati fil-preżent mill-membri tal-Forzi Armati fejn jidħol l-użu ta' armi huma bbażati fuq il-Kodiċi ta' Kondotta skond il-Konvenzjonijiet ta' Ginevra ta' l-1949 u Protokolli addizzjonali. Barra minn hekk ir-Rules of Engagement applikati fil-Forzi Armati jinkludu wkoll il-prinċipji mħabbra fil-Code of Conduct on the use of fire arms by the Police Corps li kienu jiffurmaw parti mir-rapport tal-Bord ta Inkjesta maħtur mill-Gvern skond l-Inquiries Act 1977 f'Novembru 1995.
Is-suldati li bħalissa qed jagħmlu għassa mad-dawra ta' barra tal-ħabs huma mħarrġa fl-applikazzjoni ta' dawn il-proċeduri u huma obligati li jġorru fuqhom kopja tal-proċeduri flimkien ma' kopja tan-Normal Safety Precautions applikabbli għall-arma li tkun qed tinġarr.
Mhux rakkomandabbli li dawn il-proċeduri jkunu pubbliċi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jsuqu karozzi mingħajr liċenzja valida tal-veikoli u mingħajr insurance? Din is-sena, kemm minn dawn il-vetturi ma kellhomx il-liċenzja mġedda għax weħlu mill-VRT?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-ewwel ħames xhur ta` din is-sena nqabdu 463 sewwieq isuqu vettura bil-liċenzja mhux imġedda u 90 sewwieq isuqu vettura mingħajr ma kienet koperta b`polza tas-sigurta` dwar ir-riskju tat-terzi persuni. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferiha lill-Ministru kkonċernat.
Billi tabibi Olandiża bl-isem ta' Rebecca Gomperts trid 'il quddiem tiġi Malta biex tagħmel counselling favur l-abort u mbagħad tieħu lil dawk li jridu jagħmlu dan barra l-ibħra territorjali Maltin, jista' l-Ministru jgħid jekk dan il-counselling huwiex permess bil-liġi? Persuna li tagħmel dan illum jew 'il quddiem tkun qed tikser il-liġi? Qed nistaqsi dan għaliex illum persuna barranija trid warrant biex teżerċita l-professjoni medika, (u għalhekk tista' tinżamm), liema warrant isir awtomatikament, għal ċittadini mill-pajjiżi membri ta' l-UE, meta Malta tidħol membru hi wkoll.
Response (DEGUARA, LOUIS)
Risposta għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara illi l-bitħa li hemm taħt Block 2A ġewwa il-Housing Estate tal-Gżira titnaddaf peress li hemm biżibilju ta' ġrieden u firien?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li t-tindif tal-btieħi f'appartamenti tal-Gvern huwa r-responsabbilta' ta' l-inkwilini u mhux tal-Gvern. Jien ser nirreferi lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jinvestiga u jidentifika min hu responsabbli biex titnaddaf din il-bitħa u javża lid-Dipartiment ta' l-Estates Management biex jobbliga lil dan l-inkwilin inaddaf din il-bitħa in kwestjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni impjegati bħala gwardjani tal-ħabs illum u kemm hemm postijiet vakanti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta` persuni impjegati bħala gwardjani tal-ħabs fil-preżent hu ta` 158 filwaqt li n-numru ta` vakanzi hu ta` 33.
Ta` min jgħid ukoll li f`Novembru ta` l-1999 kienet saret sejħa mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku għal postijiet ta` gwardjani. Kienu applikaw 199 persuna li ilkoll sarilhom eżami mediku u interview. Minn dawn intagħżlu 56 u dawn ġew imsejħa biex jibdew il-kors ta` taħriġ skond is-sejħa ta` l-applikazzjoni. 20 minn dawn il-56 persuna għażlu li ma jkomplux u għalhekk in-numru ta` dawk li qed jitħarrġu hu ta` 36. Il-vakanzi msemmija jkunu jistgħu jimtlew meta jintemm il-kors.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħabsin li qattgħu xi żmien f'solitary confinement is-sena l-oħra u din is-sena? Kemm damu f'kull każ u għaliex weħlu dan il-kastig?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-1999 u matul din is-sena ma kien hemm l-ebda priġunier li nżamm f`solitary confinement.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti kontra d-dipartiment tas-saħħa quddiem il-qorti? X'inhi r-raġuni li għaliha d-dipartiment qed jittella' l-qorti f'kull każ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata risposta f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet il-pulizija kontra sid is-sit mhux żviluppat li hemm ġo Princess Margaret Street, Ta' Xbiex kantuniera ma' Triq G. Cali talli dan ma tellgħax ħajt madwar is-sit kif titlob il-liġi u ma naddafx is-sit kif titlob il-liġi? Dan is-sit kif inhu kien u huwa ta' periklu.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li wara li s-sid naqas li jnaddaf dan is-sit u jtella` ħajt, il-Pulizija qed tieħu passi quddiem il-Qorti skond il-liġi.
Jista' l-Ministru jgħid meta se joħorġu l-applikazzjonijiet ta' Immigration Officers? Hemm ħsieb li jiġu mpjegati uffiċjali ġodda fi żmien qarib, u jekk iva, meta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li m`hemmx l-intenzjoni li toħroġ applikazzjoni ġdida għall-Immigration Officers fil-futur qarib.
Jista' l-Ministru jgħid kemm se jiġu impjegati postmen din is-sena u meta?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ingagg tal-pustiera jsir skond l-esigenzi li jinqalghu minn zmien ghal zmien, u ghalhekk ma jkunx realistiku li wiehed jiffissa kemm numru ghal sena kif ukoll data meta ghandu jsir tali ingagg.
Billi huwa fatt magħruf illi l-foga li toħroġ mill-Magħtab hija ta' dannu għan-nies, ma jidhirlux il-Ministru li għandhom jitwaħħlu tabelli dwar dan fiz-zona ta' ħdejn il-Magħtab ħdejn il-baħar illi jkun mimli bin-nies jgħumu u jagħnmlu barbecues kuljum ġo foga tinten b'dannu għal saħħithom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kontrol tal-Magħtab kif ukoll 'monitoring' ta`tniġġis ta` l-arja jsir mid-Dipartiment ta` l-Ambjent. Jekk d-Dipartiment tas-Saħħa jiġi nfurmat b'riżultati fir-rigward ta` possibilita` ta` dannu għas-saħħa, jkun f'posizzjoni li jikkonsidra l-aħjar azzjoni li għanda tittieħed fir-rigward.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru testijiet għall-HIV din is-sena u kemm minnhom irriżultaw fil-pożittiv?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` testijiet għall-HIV li saru fid-dipartiment tal-Patoloġija l-Isptar San Luqa minn Jannar sa Mejju 2000 kienu ta` 2101.
Minn dawn 11 il-kampjun irriżultaw posittivi.
Dawn il-kampjuni huma kollha anonimi u jista jkun hemm xi ripetizzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li taw id-demm din is-sena? Kemm minnhom użaw is-servizz tal-mobile unit?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta` persuni li ġew jagħtu d-demm mill-1 ta` Jannar 2000 sal-31 ta` Mejju 2000 huwa kif ġej:
Iċ-Ċentru Nazzjonali 4,541
Mobile Unit 974
SMOM 913
Sptar ta` Għawdex 780
------------------------------------
Total 7,208
------------------------------------
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jdaħħlu droga ġo Malta "for personal use" din is-sena? Kemm ittellgħu l-qorti persuni għal reati simili din is-sena u x'weħlu f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn l-1 ta` Jannar u l-15 ta` Ġunju ta` din is-sena, inqabdet persuna waħda ddaħħal droga ġo Malta for personal use. Din il-persuna tressqet quddiem il-Qorti, fejn ġiet misjuba ħatja u mogħtija l-provvediment ta` l-artikolu 9 ta` Kap. 152 għall-perijodu ta` tlett snin. Il-Qorti ordnat ukoll it-tneħħija ta` l-istess persuna minn Malta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu tfal taħt is-sittax-il sena l-qorti din is-sena u fuq liema akkużi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn l-1 ta` Jannar u l-15 ta` Ġunju ta` din is-sena, ġew imressqa quddiem il-Qorti fuq diversi reati 86 persuna taħt is-sittax-il sena. Dawn tressqu l-Qorti dwar ir-reati kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jużaw splussivi fil-baħar waqt sajd illegali f'dawn l-aħħar ħames snin? Kemm ittellgħu persuni l-qorti fuq akkużi simili fl-istess żmien u x'weħlu f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma jinżammx taħt forma ta` statistika.